L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Fil-Ktieb tal-Apokalissi hemm sentenza li f’parti minnha tgħid hekk: “Ara jiena fil-bieb u qiegħed inħabbat” (Apok 3:20). Meta naqraha, u nara l-ġrajja tal-Milied, nistħajjilha deskrizzjoni tal-esperjenza ta’ San Ġużepp li kien qed qed iħabbat, ifittex post fejn jistgħu jidħlu, hu u martu Marija, ħalli hi tista’ twelled lil binha. L-Evanġelju jgħidilna li dal-post ma sabux. Hemm dik is-sentenza fl-Evanġelju skont San Luqa, li tant hi sentenza kiefra, u li naqrawha meta niċċelebraw il-ġrajja tal-Milied: “Ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Luqa 10:7). Hu fittex, u ma sabx post fejn Ġesù seta’ jitwieled.
Aħna nifhmu li tant kien hemm nies dak iż-żmien biex jinkitbu minħabba ċ-ċensiment, li qalulu “full up”, ma hawnx post. Imma forsi ma tantx nistgħu nifhmu kif Alla għażel dal-mod biex jitwieled fostna. Hu, li kollox sar bih, mingħajru ma sar xejn, u li d-dinja ma tesgħux, għażel li jiġi fostna b’dal-mod: jitwieled rifjutat.
L-uniku post kien l-għar. Kellha tkun maxtura li laqgħetu, fejn Marija fisqietu u medditu – il-maxtura, minn fejn jieklu l-annimali. U l-ewwel nies li rawh, wara Marija u Ġużeppi, kienu r-ragħajja li, meta dehrilhom l-anġlu, tahom bħala s-sinjal li twieled is-Salvatur, il-Messija, il-Mulej: “Tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura”.
Min jirrifjuta, min jilqa’
Dejjem tolqtok kif Ġesù, sa mill-bidu, kellu l-esperjenza tar-rifjut, dik l-esperjenza li kellha timmarka l-ħajja tiegħu, u hekk miet ukoll fuq is-salib. Li tkun rifjutat, la ma jkunx hemm post għalik, li tkun eskluż, emarġinat, din hi waħda mill-agħar esperjenzi għall-bniedem.
Imma naraw ukoll li kien hemm min laqgħu, min fetaħ il-bieb ta’ qalbu. Marija u Ġużeppi huma l-ewwel li laqgħuh. Setgħu jilqgħuh meta twieled, għax laqgħu l-Kelma ta’ Alla qabel f’ħajjithom, u għamlu post f’qalbhom għalih. Marija u Ġużeppi huma dawk li mill-bidu, jiġifieri mit-tnissil ta’ Ġesù, laqgħuh, ħabbewh, ipproteġewh u dawruh b’għożża. Imbagħad fit-twelid, setgħu jaraw lil dak li kienu tant ħarsuh fix-xhur ta’ qabel. Marija u Ġużeppi huma dawk li għar biddluh f’dar tal-akbar imħabba.
Fl-istorja ta’ meta Ġesù twieled, huma ftit li jilqgħuh. Imma l-istorja turina mill-bidu kif Ġesù kien hemm min irrifjutah, u kien hemm min laqgħu. Nafu li twieled hekk u miet hekk, għax ukoll fuq is-salib kien miċħud minn ħafna; imma kien hemm min laqgħu, u lil dawk li laqgħuh tahom il-paċi, il-ferħ, u l-imħabba.
L-għażla tagħna
Quddiem il-ġrajja ta’ Betlehem, it-twelid tas-Salvatur tagħna, aħna għandna din l-għażla. Ġesù, ma’ kull wieħed u waħda minna, jgħid l-istess kliem: “Ara jien qiegħed fil-bieb u qed inħabbat.” Qiegħed kontinwament iħabbat fuq il-qalb tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna. Ma jisfurzax lilu nnifsu, ma jisfrundax il-bieb biex jidħol. Aħna li rridu niftħulu.
Jixtieq jidħol fil-qalb tagħna mhux biex jieħu, imma biex jagħti. Irid jiġi biex ħajjitna jimlieha bl-imħabba tiegħu, bil-paċi u l-ferħ tiegħu, biex iġibilna s-salvazzjoni, biex jiltaqa’ magħna fix-xewqat l-iżjed profondi tagħna bħala bnedmin. Dak hu Alla li jħabbat għax jixtieq jidħol fil-qalb tagħna.
Jekk verament niftħu qalbna għal Alla, hu jiftaħhielna wkoll għall-oħrajn, speċjalment għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Nafu li din iġġib f’ħajjitna tassew il-ferħ u l-paċi.
Qalb miftuħa għalih, qalb miftuħa għall-oħrajn
Meta Alla jagħmel lilna din it-talba biex jidħol f’qalbna, jekk aħna naċċettaw lil Alla f’qalbna, imbagħad nistgħu nilqgħu lil xulxin, għax fl-oħrajn naraw ukoll xbieha ta’ Alla. Qalb miftuħa għalih hi wkoll qalb miftuħa għall-oħrajn, bħalma qalb magħluqa għalih hi qalb magħluqa għall-oħrajn.
Mhux ta’ b’xejn Ġesù f’ħajtu identifika ruħu mal-fqar, ma’ dawk fil-bżonn. Mhux ta’ b’xejn li qal: “dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti tkunu qed tagħmluh miegħi.” Dan meta semma b’liema mod nistgħu ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn. Tolqotni ħafna, f’dik il-parabbola li qal Ġesù (ara Mt 25:31-46), x’kienet ir-risposta ta’ dawk li għenu u ta’ dawk li ma għenux: Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid fil-ħabs? Ma indunawx li kien hu. Araw ix-xebh ma’ din l-istorja tat-twelid ta’ Ġesù, meta ma kienx hemm post għalih. Ħadd ma induna li kien il-Messija, is-Salvatur, li se jitwieled. Forsi, wara żmien, kieku staqsew lil dawk in-nies, kienu jgħidu: “Fejn konna nafu li Marija u Ġużeppi kienu qed ifittxu post biex jitwieled is-Salvatur? Kieku konna nafu li kien Ġesù, is-Salvatur, forsi konna nsibulu xi post, mhux ngħidulu “full up”!
Ġesù l-istess jgħid għal dak li nagħmlu mal-oħrajn, għax fihom iridna naraw lilu. Jekk verament niftħu qalbna għal Alla, hu jiftaħhielna wkoll għall-oħrajn, speċjalment għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Nafu li din iġġib f’ħajjitna tassew il-ferħ u l-paċi.
Dak il-kliem tal-anġli flimkien “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu”, din hi l-esperjenza ta’ dawk kollha li jiftħu qalbhom għal Alla, u mbagħad jistgħu jkunu strumenti ta’ paċi mal-oħrajn. Dawn imorru flimkien.
Fi żmien ta’ pandemija
Aħna u niċċelebraw illum il-ġrajja tal-Milied, nitolbuh li aħna jkollna qalbna miftuħa għal Alla u għall-oħrajn; biex meta hu jħabbat fuq il-qalb tagħna, aħna niftħulu u ma ngħidulux “full up”. Nafu li ż-żmien li qed ngħixu ħarbtilna naqra l-mod kif nistgħu ngħinu lill-oħrajn, għaliex lanqas nistgħu, pereżempju, inżuru lill-anzjani u noqogħdu fejnhom, irridu nżommu d-distanza; lanqas nistgħu nitbissmu sew kultant, għax it-tbissima tinħeba wara l-maksra.
Imma għandna wkoll modi ġodda kif nistgħu tassew niftħu qalbna għal Alla u għall-oħrajn. Dan nitolbuh f’dan il-Milied, li hu jagħtina d-dawl u l-qawwa biex aħna nkunu bħal Marija u Ġużeppi – qalbna miftuħa għalih, mimlija bil-paċi, il-ferħ u l-imħabba tiegħu, li nistgħu mbagħad naqsmu mal-oħrajn u jkun l-isbaħ rigal li nistgħu nagħtuhom.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju