L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Kunu ppreparati. Dan hu fil-qosor il-messaġġ li jagħti Ġesù llum fl-Evanġelju, li jridna ngħixu dejjem ippreparati. Hawnhekk Ġesù jsemmi żmien Noè u żmien Lot.

Hu interessanti l-kliem li jgħid. Innutaw: “kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu u jżewġu” (Lq 17:27) meta qed jitkellem fuq żmien Noè. U fi żmien Lot “kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu” (Lq 17:28). Mal-ewwel joqtok kif dal-kliem ta’ Ġesù mhux qed isemmi affarijiet ħżiena. Qed isemmi affarijiet tal-ħajja normali. Ġesù mhux qed jgħid: kienu jieklu u jiffangaw; kienu jixorbu u x-xorb jeħodhom, jispiċċaw xurbana; kienu ibigħu u jisirqu minn taħt waqt li jbigħu, kienu korrotti; kienu jibnu u jirrovinaw l-ambjent. Mhux qed jgħid hekk Ġesù. Dawk nafu li huma affarijiet ħżiena ħafna.

Imma Ġesù qed jgħid fuq affarijiet tajbin, li però jistgħu tant jaljewna fil-ħajja li aħna nispiċċaw ma nagħtux każ ta’ dak li hu l-aktar importanti. Jew ninsew lilu, bħalma smajna anke  fl-Ewwel Qari (Għerf 13:1-9) – ninsew lil Alla, li hu l-għajn ta’ kull ġid, u nedhew fil-ġid. Kultant jiġri dan fil-ħajja tagħna. Ħa nsemmi eżempju. Tisma’ min jgħid: m’għandix ċans għall-quddiesa – qed ngħid għall-Ħadd, Jum il-Mulej – għax tant għandna affarijiet, attivitajiet, u rridu mmorru hemm, imbagħad hemm, li ma għandniex ħin għall-quddiesa. Jiġifieri f’Jum il-Mulej, li għandna dejjem niċċelebrawh permezz tal-Ewkaristija, il-quddiesa, inwarrbu dak li hu l-iktar importanti u nagħmlu affarijiet oħra li fihom infushom m’humiex ħżiena, imma huma ħżiena biss jekk jitfgħu fil-ġenb dak li jiġi l-ewwel. Għalhekk, dak li qed jgħidilna Ġesù hu li noqogħdu attenti li ma ngħixux aljenati, jiġifieri, minn ħaġa għal oħra, ġirja wara l-oħra, u nispiċċaw inpoġġu fil-ġenb dak li għandu jiġi l-ewwel. Hemmhekk inkunu mbagħad żbaljati.

Li qed jgħid Ġesù hu li aħna għandna dejjem fil-ħajja tagħna, ngħixu ppreparati. Ippreparati għal meta jsejħilna hu, ippreparati għal dak li jitlob minna hawnhekk illum. Din il-qalb li hi magħquda miegħu dejjem tfittex ir-rieda tiegħu. Għandna nagħmlu dan bis-serenità, anzi bil-kuraġġ, mhux bil-biża’. Fil-fatt, tgħodd ħafna dik is-sentenza li smajna fl-Akklamazzjoni ta’ qabel l-Evanġelju, li hi wkoll il-kliem ta’ Ġesù: “Qawwu qalbkom u erfgħu raskom” (Lq 21:28).

Ritratt: Alfo Medeiros

Ġesù ma jridniex li meta naħsbu fuq il-ħajja ta’ dejjem nimtlew bil-biża’. Kultant jiġri dan. Tisma’ min jgħid: l-aħħar tad-dinja ġejja s-sena d-dieħla. Ilhom ħafna jgħidu. Jien niftakar meta qaleb il-millennju, fis-sena 2000, xi wħud kienu jgħidu li ġejja l-aħħar tad-dinja. Diġà qegħdin 25 sena wara l-aħħar tad-dinja ta’ dakinhar! Il-biċċa hi li l-aħħar tad-dinja mhijiex f’idejna. U li aħna noqogħdu noħorġu warnings, il-famuż warning, li se jiġri hekk, imbagħad kulħadd bil-biża’, imbagħad ma jiġrix, “le, ħadna żball, mhux dis-sena imma s-sena d-dieħla”, u mbagħad ta’ wara – dan kollu ħela ta’ ħin, għaliex l-aħħar tad-dinja mhix f’idejna. Tista’ tiġri għada, u ma ndumux nistennew wisq, u tista’ ddum ma tiġri. Mhijiex f’idejna l-aħħar tad-dinja. Inutili noqogħdu nbeżżgħu lin-nies b’warnings, bħalma kultant jiġri. Dak żball!

Il-biċċa hi l-aħħar tad-dinja għalina hi meta l-Mulej isejjaħ lilna. Meta l-Mulej isejjaħlek, hemm tkun l-aħħar tad-dinja għalik. Għalhekk, iktar milli noqogħdu nhewdnu fuq dak li mhux f’idejna, imma f’idejn Alla, għandna nieħdu bis-serjetà l-kelma ta’ Ġesù li dejjem ngħixu ppreparati għal meta hu jsejħilna. Meta jsejħilna, f’idejh, imma ż-żmien li tana hu f’idejna. Biex aħna nagħrfu nużaw iż-żmien tajjeb u nagħmlu dan bis-serenità, bl-imħabba, bil-ferħ, bil-kuraġġ, għaliex jekk aħna nfittxu tassew dak li jrid minna l-Mulej illum, ma għandniex għalfejn nibżgħu, ma għandniex għalfejn nimtlew b’tensjoni, imma għandna anzi nirringrazzjaw lil Alla li jagħtina l-paċi li tħejjina għal dak inhar li hu jsejħilna għal għandu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju