L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer” (Lq 4:30). Hekk naqraw fi tmiem dan ir-rakkont mill-Evanġelju skont San Luqa, u b’dal-mod Ġesù ħeles minn attentat ta’ qtil, għax dawn in-nies riedu jixħtuh minn fuq l-għolja fejn kienet mibnija l-belt tagħhom, jixħtuh għal isfel. Imma hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer. Hawnhekk tolqotna ħafna kif dawn in-nies kellhom din ir-reazzjoni vjolenti għal dak li qal Ġesù, u mhux biss irrabjaw, imma r-rabja ġegħlithom ukoll li jfittxu li joqtluh.
Iktar tolqotna wkoll meta ftit qabel, fl-istess Evanġelju, naqraw li dawn in-nies, meta semgħuh jitkellem fil-bidu fis-sinagoga “laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu” (Lq 4:22). Mela ftit qabel laqgħuh, laqgħu l-kelma tiegħu, għoġobhom il-kliem tiegħu; u issa, f’daqqa waħda, jibdew jirrabjaw u jridu joqtluh. Hemm kuntrast kbir li narawh hawnhekk fi żmien ftit mumenti fl-istess sinagoga.
X’ġara? Għaliex din ir-reazzjoni vjolenti? Ġesù qal xi kliem li weġġagħhom? Insultahom, għajjarhom? Le, ma kienx hemm dal-kliem hawnhekk. Ġesù b’ebda mod ma qal xi ħaġa biex iweġġagħhom. Imma Ġesù qal il-verità, u l-verità kienet dik li laqtithom fil-fond u minħabba fiha rrabjaw. Għax Ġesù hawnhekk qed jgħidilhom, bi kliem sempliċi ħafna: li Alla hu Alla għal kulħadd, u ta’ kulħadd. Għalhekk isemmi t-Testment il-Qadim – il-ġrajjiet tal-armla minn Sarefta ta’ Sidon b’konnessjoni mal-profeta Elija, kif ukoll Nagħman tas-Sirja – li smajna l-istorja tiegħu fl-ewwel qari – b’konnessjoni mal-profeta Eliżew. Dawn it-tnejn ma kinux parti mill-poplu Lhudi, imma Alla ħadem ukoll magħhom. U l-messaġġ li jrid jagħti Ġesù hu li Alla hu Alla ta’ kulħadd: mhux ta’ nazzjon wieħed, jew razza waħda, jew ta’ naħa waħda tad-dinja, jew ta’ grupp, jew ta’ partit. Alla hu Alla ta’ kulħadd. Dan hu Alla li nemmnu fih, Alla li jsalvana.
X’għamel Ġesù meta ppruvaw joqtluh hawnhekk? Daħal f’qoxortu? Qal: ma nibqa’ ngħid xejn, ħa noqgħod bi kwieti għax inkella jkun hemm min jirrabja? Xejn minn dan! Ġesù ma kienx ikkundizzjonat mir-reazzjoni tan-nies. Imma Ġesù mexa dejjem b’fedeltà lejn il-missjoni tiegħu. Għalhekk kompla, wara din il-ġrajja, kompla għaddej b’kuraġġ u b’qawwa jwassal il-kelma ta’ Alla, iwassal il-verità, anke meta din kultant ma ġietx aċċettata, bħalma naraw f’mumenti oħra f’polemika ma’ dawk li kienu l-kapijiet reliġjużi ta’ dak iż-żmien. Ġesù ma beżax. Ma beżax iwassal il-verità.
X’jgħidilna dan il-qari tal-lum lilna fil-ħajja tagħna? L-ewwel nett, li aħna nagħrfu li mexjin wara Ġesù, is-Salvatur tagħna. Ġesù li hu Alla għal kulħadd, Alla li jsalvana. Għalhekk il-fedeltà lejn il-kelma tiegħu, u nimxu mal-kelma tiegħu għax hija l-kelma tiegħu li tgħidilna l-verità. Imbagħad li aħna wkoll inkunu dawk li nwasslu, bix-xhieda tal-ħajja tagħna u anke bil-kelma, dak li nirċievu mingħand il-Mulej. U nagħmlu dan bil-kuraġġ u bla biża’. Ma għandniex inkunu kkundizzjonati mir-reazzjonijiet tal-oħrajn. Jistgħu, meta jisimgħuna, jirrabjaw; jew jgħadduna b’żufjett. Ma għandhiex itellifna din jekk aħna nkunu fidili lejn il-kelma ta’ Alla.
Nitolbu lill-Mulej illum jagħtina din il-fedeltà lejn il-kelma tiegħu, b’mod li aħna nilqgħuha, inwassluha lill-oħrajn, u nagħmlu dan dejjem biex inwasslu l-verità, u qatt ma nkunu kkundizzjonati mir-reazzjonijiet tal-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju