L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jinsisti li Ġwanni għandu bżonn jgħammed lilu wkoll. Mhux għax għandu xi dnub li hemm bżonn jinħasel imma għaliex kif jgħid hu stess: “hekk jixraq biex intemmu s-sewwa kollu” (Mt 3:15). Għandu bżonn, fi kliem ieħor, jagħtina xhieda ta’ kemm Alla huwa fidil fil-kelma tiegħu, kemm hu ħanin u kemm iħobbna. Għax f’dawn l-affarijiet sbieħ jinġabar is-sewwa kif jarah Alla: is-solidarjetà, il-ħniena, il-faraġ. Il-fatt hu li ġie Ġesù, Alla li jsalva, huwa wkoll Għimanu-el (Alla magħna).
Ta’ 30 sena jikkonferma l-għażla sabiħa ta’ dawn iż-żewġ ismijiet li ċċelebrajna l-għotja tagħhom fl-1 ta’ Jannar: “semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf” (Lq 2:21). Ġesù jfisser Alla jsalva. Iżaija jikkonferma wkoll isem ieħor tal-Messija huwa Alla magħna; u hu jissieħeb magħna l-midinbin fil-Ġordan; jissieħeb mal-folla tan-nies li marru għand Ġwanni għax għandhom bżonn jinħaslu minn dnubiethom, jagħtu sinjal ta’ ndiema f’ħajjithom, tar-rieda li jibdlu ħajjithom għall-aħjar – jissieħeb magħna, wieħed minna u jissottometti ruħu għal dan ir-rit u l-proċess, li huwa tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna.
Imma l-istil tiegħu huwa dak li ħabbar il-Profeta: “qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx” (Iż 42:3). Għaliex hu jħares lejn il-fraġilità tiegħi u tiegħek, lejn il-fatt li aħna dgħajfa u mhux jikkanċellana imma jagħtina l-ħajja. Il-qasba mġelġla, li hija jien u int; il-musbieħ inemnem, li huwa jiena u inti – quddiem Ġesù għandna futur.

Jista’ jkun li għandna passat imħawwad, imma miegħu u fih, għandna futur. Hu jitla’ mill-Ġordan, għax indifen fl-ilma u reġa’ tela’, jerfa’ lil kull wieħed u waħda minna miegħu, jerfagħna ’l fuq. Bħalma ngħidu qabel l-Ewkaristija: ‘Nerfgħu qlubna ’l fuq’. Nerfgħuhom lejn il-Mulej.’ Dan huwa l-proċess li Ġesù jixtieqna li nkunu parti minnu, li ma nibqgħux ankrati jew marbutin bil-ktajjen, li jiġbduna ’l isfel, imma miegħu ‘nerfgħu qlubna ’l fuq’.
Jista’ jkun li għandna passat imħawwad, imma miegħu u fih, għandna futur .
Il-Kelma li l-Mulej jgħid fuq Ibnu, jgħidha wkoll fuq kull wieħed u kull waħda minna: “Dan hu ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi” (Mt 3:17). Meta l-Mulej iħares lejk, jara l-għaxqa tiegħu; u l-għatx tiegħu huwa li aħna nifhmu li aħna l-għaxqa tal-Mulej, li jħobbna u bagħat lil Ibnu biex jifdina. L-ilma mbierek li raxxaxxna fuqna fil-bidu ta’ din il-quddiesa jfakkarna f’dan kollu: aħna tgħammidna u sirna parti mill-familja ta’ xi ħadd li jħobbna.

L-istedina li nagħmel lili nnifsi u lilna: li aħna nitgħallmu ftit mill-istil ta’ Ġesù. Kultant inħarsu lejn xulxin u niġġudikaw lil xulxin. Ġesù ma qagħadx joqgħod jaħli l-ħin jiġġuddikana imma ssieħeb magħna. U għax issieħeb magħna seta’ jagħtina l-ħajja u jerfgħana miegħu.
Kultant, aħna nsibu sitwazzjonijiet ibsin, jew ta’ fraġilità, u naqtgħu qalbna. L-istil ta’ Ġesù huwa differenti għax “qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx” (Iż 42:3). Ejjew nagħtu tama lil xulxin.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 42:1-4,6-7
Salm: 28 (29):1a-2,3aċ-4,3b u 9b-10
Qari II: Atti 10:34-38
L-Evanġelju: Mt 3:13-17





