L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Riedu jinbxuh imma qalu verità kbira dwar l-atteġġjament ta’ Ġesù li jġagħalna naħsbu. “Mgħallem, aħna nafu li inti raġel tħobb is-sewwa u li ma tħabbel rasek b’ħadd għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares, imma t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi” (Mk 12:14).
L-ewwel talba li nixtieq nagħmel fid-dawl ta’ l-Evanġelju li aħna l-Isqfijiet, is-saċerdoti nimitaw lil Ġesù, inkunu nies li nħobbu s-sewwa, li ma nħabblu rasna b’ħadd. X’jiġifieri? Mhux ma tħossx għal dak li jkun imma ma jbeżżgħek ħadd, ma tgħidx dil-kelma ma ngħidhiex għax nibża’ minn xi ħadd. Ġesù ma kien iħabbel rasu b’ħadd “għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares”. Il-kelma tiegħi mhux biex nogħġbok jew biex iċċapċapli. Ġesù ma kienx hekk, “Imma t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi”.
Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna l-Isqfijiet u s-saċerdoti jkollna din il-qawwa, dan il-kuraġġ, din ir-rettitudni li t-triq ta’ Alla ngħallmuha kif tassew hi.
L-ewwel talba li nixtieq nagħmel fid-dawl ta’ l-Evanġelju li aħna l-Isqfijiet, is-saċerdoti nimitaw lil Ġesù, inkunu nies li nħobbu s-sewwa, li ma nħabblu rasna b’ħadd.
Nitolbu anke l-interċessjoni tal-martri li ħallew ħajjithom biex jibqgħu fidili lejn Ġesù, biex jagħtuna u jaqilgħuna mingħand Alla din il-grazzja tal-kuraġġ, prudenza iva imma kuraġġ dejjem.
It-tieni ħsieb ispirat minn dan l-Evanġelju huwa r-risposta li jagħti Ġesù: “Agħtu lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri u lil Alla dak li hu ta’ Alla” (Mk 12:17). X’inhu ta’ Ċesri? Ta’ Ċesri huwa dak kollu li jġib ix-xbieha u l-wiċċ u l-kitba tiegħu. Ġesù jitlobhom munita u li se tħallas it-taxxi u fuqha hemm il-wiċċ, il-kitba ta’ Ċesri. Mela din agħtuha lil Ċesri; lil Alla agħtuh dak li hu ta’ Alla.
Issa x’hemm fostna, madwarna, li għandu xbieha ta’ Alla? Il-munita għandha xbieha ta’ Ċesri. X’hemm li għandu x-xbieha ta’ Alla? Int u jien! Aħna maħluqa skont ix-xbieha ta’ Alla, għalhekk ta’ Alla. Il-munita ta’ Ċesri għandha xbieha ta’ Ċesri, imma int u jien m’aħniex ta’ Ċesri għax fil-qalb tagħna u fir-ruħ tagħna m’għandniex ix-xbieha ta’ Ċesri imma ta’ Alla. U lil Alla nagħtuh dak li hu tiegħu, aħna ta’ Alla mhux tal-politikant, mhux tar-re, mhux tal-imperatur.
Aħna maħluqa skont ix-xbieha ta’ Alla, għalhekk ta’ Alla
Din hija xi ħaġa li l-martri fehmuha. Quddiem il-liġi inġusta ta’ Djoklezjanu, ħafna martri: San Ġorġ, San Sebastjan – kienu kollha vittmi tal-persekuzzjoni ta’ Djokelazjanu u oħrajn, u inkluż dawn it-tnejn li qed insemmu llum Marċellinu u Pietru. Quddiem il-liġi inġusta ta’ Djoklezjanu li jekk inti Nisrani ħaqqek il-mewt, ma beżgħux mill-imperatur għaliex fil-qalb tagħhom ma kienx hemm ix-xbieha tal-imperatur, imma kien hemm ix-xbieha ta’ Alla.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Piet 3, 12-15a.17-18
Salm: 89 (90), 2.3-4.10.14 u 16
Evanġelju: Mk 12, 13-17