L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Evanġelju tal-lum, ilaqqgħana ma’ żewġ nisa: waħda adulta li meta tiltaqa’ ma’ Ġesù, tkun ilha 12-il sena bit-tnixxija tad-demm, u oħra żagħżugħa, tfajla ta’ 12-il sena. Jolqotni ħafna l-fatt, li meta l-mara matura mardet, fl-istess żmien twieldet tarbija, li meta tiltaqa’ ma’ Ġesù jkollha wkoll tnax-il sena.
Ġesù jagħtina sinjal permezz ta’ dawn iż-żewġ nisa. Waħda minnhom ta’ adulta tfittxu hi, b’fidi kbira. Il-fidi ta’ din il-mara li kienet ilha 12-il sena tfittex il-fejqan, l-evanġelista Mark jgħid li marret għand ħafna tobba, “nefqet kulma kellha” (Mk 5:26). Mhux hekk nagħmlu aħna wkoll, nagħmlu li nistgħu biex infiqu, u kultant iżjed milli nistgħu.
Insellem lil tant nies li għandhom bżonn il-fejqan, tant familji milquta, għax xi ħadd minna jkun marid, u dak li jkun jagħmel milli jista’ biex jerġa’ jakkwista l-fejqan għalih jew għal xi ħadd għażiż. Insellem tant nies, tant tobba u professjonisti tas-saħħa, li jagħmlu kulma jistgħu biex iwasslulna l-fejqan.
Din il-mara, għamlet kemm għamlet, ma sabitx il-fejqan; daret lejn Ġesù, b’mod umli ħafna, u b’fidi kbira li tqanqalna; ħa ngħiduha kif inhi, l-aħwa, kważi tumiljana, għax hi r-raġunament tagħha kien: “imqar immiss il-mantar tiegħu nkun mfejqa” (Mk 5:28). Il-fidi li kellha din il-mara, fil-qawwa li toħroġ minn Ġesù. U hekk ġara! U Ġesù jixtieq jiltaqa’ magħha. Hi missitu mit-tarf tal-mantar, ma ltaqatx miegħu wiċċ imb’wiċċ; imma ried ikun jaf min hi. Qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: Min messni?” (Mk 5:31). Imma Ġesù kien jaf, li kien hemm kuntatt miegħu, li mhix tar-rassa, jew għax kulħadd jimbotta, imma kuntatt ta’ fidi.
U din hi kelma ta’ kuraġġ għal kull wieħed u waħda minna, l-aħwa. Kultant aħna ngergrulu lill-Mulej. Hu ma jiħux għalih! ‘Imma int ittarraxt? Ma għadekx tisma’ t-talb tiegħi, għalija u għal uliedi?’
Kultant aħna, li forsi nibżgħu niltaqgħu wiċċ imb wiċċ, immissu t-tarf tal-mantar tiegħu mill-bogħod; imma Ġesù jafna. Ix-xewqat ta’ qalbna, jirrikonoxxihom u japprezzahom. Il-kelma li jgħid lil dik il-mara, jgħidha wkoll lil kull wieħed u waħda minna: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek.” (Mk 5: 34). Ġesù, għadu jagħmel hekk fil-qrar, meta jagħtina l-fejqan spiritwali tiegħu. Is-saċerdot, f’isem Ġesù jgħidlek: ‘Mur, dnubietek maħfura, serraħ rasek, mur bil-kwiet’.
Il-Mulej kultant jippermetti wkoll il-fejqan fiżiku biex jipperswadina li l-fejqan spiritwali mhux ħrafa, jew invenzjoni, jew alluċinazzjoni; imma fejqan ta’ vera, forsi l-iżjed fejqan importanti.
Imma aħna wkoll irridu nsellmu għax hu d-dover tagħna, lil kull min iddedika ħajtu, u jiddedika ħajtu, biex lil tant nies iwassal il-fejqan fiżiku. U nitolbu, biex il-kura li jingħataw il-morda tagħna, tkun ukoll kura ta’ mħabba u dedikazzjoni.
L-Evanġelju jibda u jintemm bl-intervent li għamel Ġesù fuq il-mara l-oħra, din it-tfajla ta’ 12-il sena. Ta’ 12-il sena, fil-mentalità ta’ żmien Ġesù, t-tfajla kienet lesta biex tingħata għaż-żwieġ. Kienet ħa tibda ssir tfajla. Missierha, qalbu maqsuma jmur għand Ġesù, għax it-tifla tiegħu marida: “binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix” (Mk 5:23). U anke l-missier ta’ din it-tfajla jixtieq il-kuntatt ma’ Ġesù.
Hemm tradizzjoni ħelwa dwar il-mara li ġiet meħlusa mill-emoraġija, tradizzjoni tal-orjent, antika ħafna. Ma nafx jekk qatt smajtuhiex. Għax l-Evanġelju ma jgħidilniex x’kien jisimha. Hemm tradizzjoni antika tal-orjent, li tgħid, li kien jisimha Benerice, u li biex tpattilu lill-Mulej tal-fejqan li rċeviet, segwitu f’Ġerusalemm, u waqt li tiela’ l-Kalvarju, messħitlu wiċċu bil-velu tagħha. Li mbagħad tlaqqmet ‘il-Veronika’. It-tradizzjoni tgħid li ħalla l-marka tal-wiċċ.
Nitolbu, biex il-kura li jingħataw il-morda tagħna, tkun ukoll kura ta’ mħabba u dedikazzjoni.
Apparti l-fatt, li aħna għandna tant modi lill-Mulej biex inpattulu tal-fejqan li jagħmel magħna. Ġajru, jemmen bl-istess fidi ta’ din il-mara, li Ġesù jista’ jfejjaqlu lit-tifla tiegħu. Imma din tilħaq tmut. Issa mhux fejqan għandna bżonn, imma xi ħaġa ikbar. Ġesù għandu bżonn isejjaħ lil din it-tfajla mill-art tal-imwiet. Mhux kulħadd jemmen li għandu din il-qawwa. Il-qaddejja ta’ Ġajru jgħidulu: “bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?” (Mk 5:35). Ġesù, jieħu miegħu tliet xhieda speċjali; it-tliet xhieda li se jarawh fil-glorja fuq it-Tabor, it-tliet xhieda li se jarawh fl-Ort tal-Ġetsemani, umiljat, imbeżża’ jegħreq l-għaraq tad-demm. “U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu” (Mk 5:37). U f’dik il-kamra, fejn hemm dik it-tfajla mejta, jidħol hu, bil-ġenituri tagħha, u dawn it-tlieta. Għandu x-xhieda tad-dixxipli u tal-ġenituri, li hu għandu setgħa jersaq lejn il-mewt u jirbaħha. Dak li għamel ma’ din it-tfajla, li meta kibret mietet ukoll; għax din mhux il-qawmien tiegħu mill-imwiet, u ta’ ommu mill-imwiet, jew tagħna meta jasal il-jum li nqumu mill-imwiet; hu sempliċiment li sejħilha lura għall-ħajja.
F’dak il-mument tagħna sinjal: ‘Afdaw fija!’ Meta tibku lil qrabatkom, li minkejja li għamiltu kollox biex ifiqu, u ma jfiqux; jgħaddu mill-bieb tal-mewt. Emmnu li jiena qiegħed hemm ukoll. Għax kultant aħna, li nitolbu ħafna għall-qraba tagħna meta jkunu morda, meta jmutu, ngħidu: ‘Issa m’hemmx tagħmel!’
Nagħmlu bħal qaddejja ta’ Ġajru. Imma l-kelma lil dik it-tfajla tgħallimna li anke lil hemm minn din il-ħajja, anke meta l-għeżież tagħna, aħna stess l-aħwa, ngħaddu mill-bieb tal-mewt, Ġesù qiegħed hemm. Għandu l-qawwa jgħidilna: “Talitha, qum! Jiġifieri: Tfajla qiegħed ngħidlek, qum!” (Mk 5:41).
Kif tafu l-Evanġelju, anke ta’ San Mark, inkiteb bil-Grieg, u kultant għalkemm inkiteb bil-Grieg, l-Evanġelisti kienu jirrepetu xi kelma bl-Aramajk, kif qalha Ġesù stess. Dan hu wieħed mill-Evanġelji speċjali, fejn aħna mhux naqraw bil-Grieg x’qal Ġesù, imma anke kif qal il-kelma hu, bl-Aramajk. L-Aramajk għadna nsibuh mitkellem fi ftit villaġġi fis-Sirja. Qabel kien jiġi mitkellem f’popolazzjonijiet ikbar: fit-Turkija; dan iż-żmien fi ftit villaġġi fis-Sirja.
Aħna kultant nirrepettu x’qal Ġesù, tant hu simili għal-lingwa tagħna. Tajjeb li niftakruha din il-kelma li qal Ġesù: “Talitha, qum! Jiġifieri: Tfajla qiegħed ngħidlek, qum!” (Mk 5:41). Inti mejta, imma qed ngħidlek qum, erġa’ lejn il-ħajja. F’tant sitwazzjonijiet li nħossuhom diffiċli, Ġesù jgħidilna din il-kelma: erġa’ lura lejn il-ħajja, erġa’ lura lejn l-imħabba tal-familja tiegħek, erġa’ lura lejn id-dinjità ta’ ġismek, ta’ ruħek, ta’ saħħtek. Erġa’ lura, qum! U din il-kelma Ġesù, ma qalhiex hawn biss imma jgħidha lil hemm mill-bieb tal-mewt.
Ġesù jaqbad lil din it-tfajla ċkejkna minn idha. Ejjew inħallu lil Ġesù, jaqbadna minn idejna, mis-sagrament tal-qrar, billi niltaqgħu miegħu fit-tqarbin. Bil-kelma tiegħu li taf terfgħek, taħjik, tagħtik il-ħajja, tagħmillek kuraġġ. Illum, aħna u nisimgħuh jgħid dik il-kelma għażiża lil din it-tfajla ta’ 12-il sena. Ejjew nitolbu għaż-żgħażagħ kollha tagħna, biex bl-imħabba tagħna, bl-għożża ta’ bejnietna, fina u permezz tagħna, jisimgħu l-Kelma għażiża ta’ Ġesù: Tfajla qum!”
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 1:13-15; 2:23-24
Salm: 29(30):2,4,5-6,11,12a,13b
Qari II: 2 Kor 8:7,9,13-15
L-Evanġelju: Mk 5:21-43