L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
San Kalċedonju kien wieħed mill-martri tal-ewwel żminijiet tal-Knisja. Ma nafux dettalji fuqu ħlief li kien martri, imma nafu bih għax il-Papa Benedittu XIV kien ta r-relikwa tiegħu – il-korp li fuqu kien hemm miktub “Calcedonius in pace” – lill-Ġiżwiti li kienu hawnhekk f’dan il-post. Għalhekk hawn din id-devozzjoni speċjali lejh. Imbagħad minn hawn xterdet id-devozzjoni fi Sqallija, l-ewwel f’Palermo fejn ittieħdet ukoll relikwa tiegħu, u f’postijiet oħra fi Sqallija u fl-Italja. Kien fl-1753 li l-Papa kien ta din ir-relikwa bil-fdalijiet ta’ dan il-qaddis biex ikun hemm id-devozzjoni lejh hawnhekk.
San Kalċedonju jfakkarna fil-qawwa tal-martri fil-ħajja tal-Knisja. Il-martri huma nies ta’ kull età, irġiel u nisa ta’ kull stat, ta’ kull lingwa, ta’ kull nazzjon, li taw xhieda għal Ġesù sat-tixrid ta’ demmhom. Għandhom valur kbir dawn il-martri tal-ewwel żminijiet tal-Insara, għaliex wara x-xhieda tal-appostli, li raw lil Ġesù, li semgħuh, u li saru xhieda tiegħu li qam mill-mewt, kienu dawn il-martri li mietu biex jagħtu xhieda għal Ġesù li għandhom, għalhekk, dan il-messaġġ qawwi. Hi l-fidi ta’ dawn in-nies li kienu lesti jħallu ħajjithom għal Ġesù.
Il-kelma “martirju” ġejja minn kelma Griega martyria li tfisser xhieda. Fil-bidu kienet tfisser ix-xhieda li jagħtu l-Insara fil-ħajja tagħhom, ix-xhieda għal Ġesù. Maż-żmien saret tfisser ukoll ix-xhieda li jagħtu dawn l-Insara sal-mewt tagħhom – għalhekk marbuta ma’ dawn il-martri. Il-Papa Franġisku, f’udjenza ġenerali f’April li għadda, meta tkellem fuq il-martri, qal hekk: “Il-martri ma rridux narawhom bħala ‘eroj’ individwali, bħal ward li spunta f’deżert, imma bħala frott matur u eċċellenti tad-dielja tal-Mulej, li hija l-Knisja. B’mod partikulari, l-Ispirtu wassal lill-Insara, bis-sehem assidwu tagħhom fl-Ewkaristija, biex jibnu ħajjithom fuq dan il-misteru ta’ mħabba: jiġifieri fuq il-fatt li l-Mulej Ġesù kien ta ħajtu għalihom, u għalhekk anke huma setgħu u kellhom jagħtu ħajjithom għalih u għal ħuthom.” Hekk jgħid San Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu: “Bħalma Kristu ta ħajtu għalina, hekk aħna wkoll għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa” (1 Ġw 3:16).
Aħna, meta nitkellmu fuq il-martri, kultant ikollna fi ħsiebna biss dawk tal-ewwel żminijiet tal-Knisja. Imma, fil-fatt, l-ikbar numru ta’ martri huwa fi żmienna, fis-sekli l-aktar reċenti: nies li f’diversi pajjiżi spiċċaw imwarrbin fis-soċjetà, mitfugħin il-ħabs u nqatlu wkoll, biex jagħtu xhieda għal Ġesù. Kif jgħid il-Konċilju Vatikan II: “il-Knisja tqis il-martirju, li bih id-dixxiplu jsir jixbah lill-Imgħallem li aċċetta l-mewt għas-saħħa tad-dinja…bħala l-ogħla don li wieħed jista’ jirċievi u l-akbar prova ta’ mħabba li jista’ jagħti” (Lumen gentium, 42). Il-martri, bħal Ġesù u bil-grazzja tiegħu, mill-vjolenza ta’ min irrifjuta l-Aħbar it-Tajba – huma kienu vittmi ta’ din il-vjolenza – għamlu minn din il-vjolenza okkażjoni kbira ta’ mħabba, li wasslet sal-maħfra tal-istess persekuturi tagħhom. Fil-fatt, il-Papa Fraġisku jinnota din: li l-martri huma dejjem dawk li jaħfru lill-persekuturi tagħhom u li jitolbu għalihom.
X’inhu l-messaġġ li jagħti lilna San Kalċedonju llum? Huwa messaġġ ta’ inkoraġġiment biex aħna dejjem nagħtu xhieda tal-fidi tagħna, u nagħmlu dan bla biża’. Illum hemm ħafna postijiet fejn l-Insara huma ppersegwitati, imma l-persekuzzjoni tista’ tkun jew bil-miftuħ jew persekuzzjoni sottili, jiġifieri minn taħt. F’liema sens? Jiġifieri int ikollok pressjoni minn nies li jkunu madwarek li jgħidulek: “inti l-fidil jew il-fidila? Kulħadd qed jagħmel hekk! Inti biss ma tagħmilx hekk?” Hi l-pressjoni ta’ min irid iġiegħek tagħmel bħalu flok tagħraf tgħix il-fidi tiegħek. Għalhekk il-martri – b’mod speċjali San Kalċedonju llum – lilna jħeġġuna biex aħna nagħtu xhieda tal-fidi tagħna mingħajr biża’, mingħajr sens ta’ inferjorità, anke f’ambjent jew ostili jew indifferenti, imma nagħmlu dan bil-ferħ għaliex il-fidi tagħna hija dik li timlielna ħajjitna u tgħinna biex nagħrfu ngħixuha bis-sens anke jekk ħaddieħor jaħsibha differenti. B’dan il-mod inkunu qed nagħtu tassew xhieda ta’ Ġesù llum.
Nitolbu, illum, lill-Mulej biex aħna dejjem nagħtu xhieda tal-fidi tagħna. F’din il-festa ta’ San Kalċedonju, nitolbu għall-martri ta’ żmienna li qed jagħtu xhieda sat-tixrid ta’ demmhom – nitolbu biex dawn ikunu, bħal dejjem fil-ħajja tal-Knisja, iż-żerriegħa tal-Insara, iż-żerriegħa ta’ ħajja ġdida fil-Knisja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta