L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Mitt sena ilu, fl-1926, il-poeta nazzjonali Dun Karm, bħalma kien għamel għad-disa’ darba, niseġ poeżija epika, biex ifakkar dan il-jum. Din il-poeżija li mhix sunett, għaliex hija poeżija itwal minn tas-soltu, titkellem l-ewwel fuq it-tempesta, imbagħad il-laqgħa ta’ Pawlu mal-poplu tagħna, imbagħad tagħmel talba biex Malta ma tinfired qatt minn Pawlu.

Tgħajjeb is-sema u ġewwa sħaba sewda.
Tkeffnet ix-xemx, il-kwiekeb ħbew għajnejhom;
Qamet ir-irwiefen u bajdani mewweġ
Taħthom il-baħar;

U waħda f’waħfa rajt il-ħalel kiefra
Jaħbtu, jitkissru fuq ix-xtajta tiegħek,
B’xuxthom imħabbla smajt is-siġar qodma
Jixhru, jitniehdu.

X’għadda ġo qalbek dakinhar, min jgħidu,
Gżira ħanina, gżira kollok benna,
Ja Malta ħelwa, li mill-għasel ismek
Tawk il-baħħara?

Stħajjilt li Ġove kien f’dagħdigħa waħda
Għalik u f’idu xrar tan-nar li jolqot
Jaħraq, ikisser, u f’għajnejh il-leħħa
Li d-dinja triegħed;

U xejn ma bsart li l-oħla mħabba kienet
Nisġet għalik fis-sema safi l-ġrajja;
Ma smajtx fil-ħsejjes tat-taqliba kiefra
L-għanja tal-ħniena.

Għarafthom, meta fuq ilsien taż-żonqor
Bejn baħar u ieħor rajt jitkisser mirkeb,
U n-nies imsejkna li mill-baħar ħelset
Tirfes fuq blatek,

U raġel qsajjar, lewnu ismar, ħarstu
Bħal berqa u kelmtu donnha fiha seħer,
Ġewwa l-ħuġġieġa, li kebbist minn qalbek
Biex issaħħanhom,

Int rajt, beżgħana, ifarfar lifgħa ħajna
Li semmha xtaqet ma’ gidmitha tlaqqam
Fid-demm tal-id li ma’ żarġuna kienet
Fin-nar tefgħetha.

Alla deher li dak il-ħin, u Pawlu
Għaraf lit-Tfajla li ħatarlu Alla;
Itgħannaq miegħek u fi ħdanu żammek
Qalbek fuq qalbu.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Minħabba t-tempesta, Dun Karm qed jimmaġina li ma jistax jara eżattament x’inhu jiġri. Imma jiċċelebra dak li hu jsejjaħ l-għanja tal-ħniena. Meta jilmaħ lil Pawlu, li jsejjaħlu raġel qsajjar, għax hekk jiddeskrivi lilu nnifsu fl-ittri tiegħu: “lewnu ismar ta’ wieħed li twieled it-Turkija, Tarsu, imma ħarstu bħall-berqa. Kelmtu donnha fiha seħer”. U jimmaġinah ifarfar ġol-ħuġġieġa li l-Maltin kienu kebsu b’għadd kbir ta’ mħabba u akkoljenza, lil dawn il-267 ruħ, ifarfar f’din il-ħuġġieġa lifgħa li qabdet ma’ idu. Aħna smajnieh ir-rakkont mill-Atti tal-Appostli kap 27 u kap 28, u nifhmu li l-lifgħa u l-ħuġġieġa huma parti mill-ikonografija tal-festa tal-lum.

Il-fatt li lifgħa toħroġ minn zkuk niexfa u taqbad ma’ id xi ħadd, huwa att fiżiku u naturali; imma kif jiġri ħafna drabi, minn dak li huwa miktub fil-Kotba Mqaddsa, dawn l-elfejn sena, ħafna għorrief tal-Knisja, mhux aħna biss il-Maltin, waqfu u ppruvaw jinterpretaw x’kienet tfisser din il-gidma tal-lifgħa u r-reazzjoni tal-Maltin u ta’ Pawlu. Il-lifgħa kienet annimal sudolu li jbeżża’, li l-gidma tagħha, kif nindunaw mir-reazzjoni tal-Maltin, kienet gidma li setgħet iġġib il-mewt.

Il-Maltin, għal ħafna mumenti stennew lil Pawlu, li migdum mil-lifgħa “se jarawh jintefaħ jew jaqa’ u jmut f’daqqa’” (Atti 28:6). U ħafna għorrief jgħidulna, li ħin minnhom il-Maltin jaraw il-gidma tal-lifgħa bħala messaġġier ta’ ġudizzju: “Dan ir-raġel żgur xi qattiel” (Atti 28:4), ħarab mill-ġustizzja tal-allat imma permezz tal-lifgħa waslet il-ġustizzja. Jgħidu qattiel għaliex bil-gidma velenuża tal-lifgħa kellu jmut. Allura b’sens kbir ta’ ċiviltà, kienu jemmnu fil-proporzjonalità, bejn il-piena u d-delitt: jekk inti qtilt ħaqqek tmut. Għalhekk jgħidulu ‘qattiel’. Ma jgħidulux giddieb jew ħalliel imma ‘qattiel’ għax b’dak li ġara kellu jwassal għall-mewt. Allura l-lifgħa, fit-tradizzjoni millenarja tagħna, hija l-akkuża u l-aġent tal-ġustizzja.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Ir-reazzjoni ta’ Pawlu mhijiex drammatika ħafna, sempliċiment ifarfar il-lifgħa ġon-nar. Il-fatt li ma jiġrilu xejn jiddetermina li l-lifgħa hija aġent ta’ akkuża falza. Bil-ġustizzja li mingħalihom kellha sseħħ permezz tal-lifgħa, ma seħħitx. U għalhekk fl-ikonografija tal-Gafà, u dak kollu sussegwenti, Favre wkoll jikkopja l-id ta’ Pawlu, ħielsa mill-gidma tal-lifgħa. Fil-kapulavur tal-Gafà, hawnhekk għandna mhux biss il-lifgħa nieżla fil-ħuġġieġa tan-nar, imma Pawlu juri idu, meħlusa mill-gidma li ma jiġrilu xejn. Huma dawn iż-żewġ mumenti ikonografiċi, dawn iż-żewġ xbihat, li jindikaw li dan huwa Pawlu ta’ Malta. Meta inti tara pittura, statwa ta’ San Pawl, b’idu mhux qed juri t-tlieta, it-Trinità; imma f’din l-istatwa, huwa qed juri li idu meħlusa mill-gidma tal-lifgħa; li mingħalikom kellha tagħmel ġustizzja imma kienet akkuża falza.

B’xi mod ir-reazzjoni tiegħu hija reazzjoni ta’ xi ħadd li mhux biss persważ mill-innoċenza tiegħu imma wkoll għandu fiduċja kbira li sseħħ il-Kelma ta’ Ġesù, li qrajna fl-Evanġelju: “Jaqbdu s-sriep b’idejhom u ma jagħmlilhomx ħsara” (Mk 16:18). Għaliex mill-Evanġelju li għadna kemm smajna jseħħu almenu żewġ punti li jsemmi Ġesù, bħala sinjali tal-preżenza tiegħu: “Jaqbdu s-sriep b’idejhom u ma jagħmlilhomx ħsara… iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu” (Mk 16:18). Dawn iż-żewġ sinjali, Ġesù jwiegħed li jkunu sinjal tal-preżenza tiegħu mal-qaddejja tiegħu, iseħħu proprju fl-esperjenza Pawlina tagħna.

Fl-Evanġelju ta’ San Mattew, insibu l-lifgħa tliet darbiet, b’mod naqra negattiv. Ġwanni l-Għammied jara lill-Fariżej u s-Sadduċej ġejjin għar-ritwal tal-magħmudija li kien qed joffri – magħmudija ta’ indiema. Jirrealizza li jridu jagħmluha għall-ispettaklu, f’att popolist, u jsejħilhom bejta tal-lifgħat – “Ja nisel il-lifgħat” (Mt 3:7). Jistedinhom biex l-indiema tagħhom ma tkunx taparsi imma ta’ vera. It-tieni minn dawn it-tliet siltiet mill-Evanġelju ta’ San Mattew, fejn proprju tissemma l-bejta tal-lifgħat: hemm Ġesù li hu rrabjat ħafna, jirreaġixxi għall-akkuża falza li dak li qed jagħmel qed jagħmlu bil-qawwa tax-Xitan.        

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Irrabja ħafna dakinhar għax kienet akkuża infamanti li lill-Iben t’Alla qaltlu li dak qed jagħmel, qed jagħmlu bil-qawwa tax-xitan. U Ġesù, lil min wassallu dal-messaġġ, jgħidlu: ‘Intom verament bejta tal-lifgħat.’ Il-lifgħa li bil-velenu tagħha, bil-velenu tal-kalunja, bil-velenu tal-akkużi foloz tipprova tkisser ir-reputazzjoni tal-bniedem.

U t-tielet darba li Ġesù juża l-espressjoni ‘bejta tal-lifgħat’ f’San Mattew huwa meta fiċ-ċensura tiegħu lill-Fariżej u s-Sadduċej meta jikkundanna l-ipokrezija tagħhom, il-fatt li qed jeżiġu mill-poplu ħafna affarijiet ibsin li huma mhumiex kapaċi jġorru. U jgħidilhom ‘Intom verament bejta tal-lifgħat’ għaliex qed tressqu lil Alla bħala xi ħadd iebes li l-kmandamenti tiegħu ħadd ma jista’ jimxi fuqhom. Qed tużaw il-kelma t’Alla biex issawtu il-poplu tiegħi.

Aħna s-saċerdoti ta’ min ukoll nirriflettu fuq dawn il-kelmiet qawwija ta’ Ġesù. Imma meta nħarsu lejn Pawlu Appostlu Missierna u nħarsu lejn il-lifgħa ġol-ħuġġieġa tan-nar u l-id safja, qaddisa ta’ Pawlu mħarsa minn din l-akkuża infamanti li hu qattiel, aħna nieħdu r-ruħ. Dawn l-elfejn sena, il-missirijiet tal-Knisja ħarsu lejn id Pawlu mhux ta’ id ta’ qattiel imma li huwa qaddej tal-ħajja. Ejjew nsegwu ftit Pawlu kif juri l-qalb tiegħu fil-qari li smajna. L-ewwel jgħidilhom: ‘Mhux aħjar noqogħdu għall-kenn’. Ma jobduhx. Jitilqu minn Kreta.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Imbagħad jaqgħu f’maltempata kbira li Dun Karm jispjegaha b’tant mod drammatiku. Imma mbagħad, għalkemm huwa priġunier, jiġifieri fil-ġerarkija tal-passiġġieri tal-276 huwa fit-tarġa ta’ l-aħħar. Huwa kkalzrat. Jagħtihom kelma ta’ kuraġġ. Jaqsam magħhom l-esperjenza tiegħu tal-fidi, “għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim” (Att 27:23). Pawlu qed jaqsam il-qalb tiegħu, il-fidi tiegħu. Jgħidilhom, “Inwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom mhu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef” (Att 27:22).

U jinsisti li jibqgħu qaqoċċa, ħadd ma jaħrab għaliex il-wegħda li tah il-Mulej huwa li se jsalva hu u dawk kollha li qegħdin miegħu bil-kaptan, iċ-ċenturjun, is-suldati, il-passiġġiera l-oħrajn, min qed jaħdem fuq il-vapur u anke l-priġunieri li jsalvahom wkoll. Iċ-ċenturjun ried isalva lil Pawlu. Imma Pawlu l-Appostlu Missierna mhux biss jieħu ħsieb il-passiġġieri billi jagħmlilhom kuraġġ imma wkoll  jġagħalhom jieklu xi ħaġa. U jaqbad il-ħobż, jitlob u jbierku, u kulħadd jieħu xi ħaġa biex jitrejjaq wara 14-il jum ma jitrejqux.

Pawlu jasal fuq il-gżira tagħna għasra, ħabsi u jieħu ħsieb l-oħrajn. Il-Maltin qabdu ħuġġieġa. Urew lil dawn ħutna mħabba liema bħala. Imma Pawlu jipparteċipa wkoll f’dan l-atteġġjament. Jieħu ħsieb lil ħutu. Irid ukoll jalimenta, iħeġġeġ din il-ħuġġieġa. Dan huwa Pawlu li l-Mulej laqqagħna miegħu, li fir-rebħa tiegħu fuq il-lifgħa velenuża tana sinjal ta’ qawwa kbira, tant hu hekk li għalkemm domna nistennew, tkellimna naqra fuqu bejnietna bħalma nagħmlu u għadna nagħmlu sal-lum – żgur li ġie Malta – imma ħin minnhom ħsibnieh li huwa Alla, morna minn estrem għall-ieħor. Tipikament tagħna.

Il-messaġġ tiegħi aħna u nimmaġinaw lil Pawlu jeħles mil-lifgħa huwa li aħna wkoll nfarfru l-lifgħa li tista’ sserrep bejnietna. Il-lifgħa f’dawn l-elfejn sena dejjem fehemnieha bħala akkuża infamanti li l-Appostlu li ġabilna l-ħajja nagħmluh qattiel u hu jfarfar il-lifgħa ġewwa n-nar. Ejjew meta nitkellmu fuq xulxin niftakru f’dik il-lifgħa. Jista’ jkun li l-ġudizzju tiegħi mhux skont il-verità. Jekk m’iniex ċert, niskot. Allaħares meta ngħaddu ġudizzju fuq xulxin ikun malizzjuż. Hemm bżonn nitgħallmu mil-lifgħa ta’ San Pawl li nkunu aġenti tal-verità u mhux aġenti tal-gidba. It-traġedja l-kbira hi li l-Maltin għall-bidu ħasbu li l-lifgħa kienet strument ta’ ġustizzja. Pawlu billi jfarfarha fin-nar jipperswadihom li kienet aġent tal-inġustizzja. L-għażla f’idejna, l-aħwa.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

U raġel qsajjar, lewnu ismar, ħarstu
Bħal berqa u kelmtu donnha fiha seħer,
Ġewwa l-ħuġġieġa, li kebbist minn qalbek
Biex issaħħanhom,

Alla deher li dak il-ħin, u Pawlu
Għaraf lit-Tfajla li ħatarlu Alla;
Itgħannaq miegħek u fi ħdanu żammek
Qalbek fuq qalbu.

Inti ma’ għonqu tfajt dirgħajk u ħliftlu.
F’bewsa ta’ mħabba li hu biss missierek;
Li qatt, sal-aħħar, ebda żmien ma jista’
Minnu jifirdek.

Minn dakinhar fil-hemm, fil-għaks, bix-xaba’,
Fi sliema bnina, fit-taqbida kiefra,
Żewġ ilub qawwija, Pawlu u Malta, ħabbtu
Taħbita waħda.

Viva San Pawl!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 14:3-7
Responsorju: S 106:21-31
Qari II: Atti 27:16 – 28, 10
L-Evanġelju: Mk 16:15-20

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Aktar ritratti