L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Huwa ta’ pjaċir għalija li llum nintroduċi wieħed mill-għaxar saċerdoti l-ġodda tagħna, is-Salesjan Dun Damian Formosa, li għandu esperjenza ta’ missjunarju fil-Kenja. Bħalissa qiegħed hawn għaliex il-vjaġġi huma diffiċli ħafna. Insellmulu u nawgurawlu ħafna, u b’mod speċjali, permezz tiegħu, insellmu lill-familja mwaqqfa minn Don Bosco.

Ġesù llum isejjaħ tfajjel ċkejken u jqiegħdu f’nofs id-dixxipli tiegħu biex jgħallimhom min hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet. Aħna l-bnedmin kważi minn awl id-dinja għandna stint qawwi  biex nuru kemm aħna kbar, kemm aħna bravi, kemm aħna sbieħ, kemm aħna b’saħħitna, kemm aħna għonja. Ġesù qed jgħallimna li dan l-atteġġjament mhuwiex atteġġjament ta’ min hu l-ikbar fis-saltna tas-smewwiet.

“Għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir. U kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili” (Mt 18:4-5). Iċ-ċokon hi xi ħaġa li titgħallem. Ġesù jgħid li meta ċċekken lilek innifsek tirrealizza min inti, tirrealizza ċ-ċokon tagħna l-bnedmin. Ommu, meta kienet għadha qed iġġorru fil-ġuf tgħid: “Il-Mulej ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Hija umiltà li hija l-verità fuq il-kundizzjoni tagħna.

Min nippretendu li aħna? Quddiem Alla tajjeb nagħrfu min aħna tassew.

Aħna naqra ta’ virus li ma tarahx iġibna għarkobbtejna u jimliena b’inkwiet u kumplikazzjonijiet. Min nippretendu li aħna? Quddiem Alla tajjeb nagħrfu min aħna tassew. Dan hu l-għerf li Ġesù qed jipprova jgħallimna; mhux tiċħad it-talenti tiegħek imma tirrealizza li veru aħna importanti u imprezzabbli, imma m’hemmx għalfejn nesaġeraw u qisna ċ-ċentru tad-dinja, jekk mhux tal-univers. Kultant tiltaqa’ ma’ persuni li donnhom qed jgħidu: “Warrabbli, ħa ngħaddi”. Bil-qalb kollha, sinjur, mela le.

“Kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi jkun jilqa’ lili” (Mt 18:5). Waħda mill-affarijiet sbieħ fis-soċjetà tagħna li hi aħna għadna poplu li jifraħ meta titwieled tarbija fostna. F’din il-kelma ta’ Ġesù hemm ukoll dan l-appell li aħna nibqgħu nilqgħu lit-tfal tagħna bħala rigal kbir.

Il-Mulej ukoll jitkellem fuq dak ir-raġel li jkollu 100 nagħġa, tintiliflu waħda minnhom u jħalli d-99 l-oħra fuq l-għoljiet biex imur ifittex lil dik li ntilfitlu. Meta jsibha ma jlumhiex, imma “jifraħ iktar biha milli bid-99 l-oħra li ma jkunux intilfu. Hekk ukoll, anqas Missierkom li hu fis-smewwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar” (Mt 18:13-14).

Illum ejjew nitolbu l-interċessjoni tal-qaddisin biex aħna nagħrfu min aħna b’sens kbir ta’ paċi u serenità u fl-istess ħin nilqgħu lil xulxin mingħajr ħafna kumplikazzjonijiet. Inkomplu nitolbu għall-aħwa nisa li taw ħajjithom fl-ideal Franġiskan. Aħna Malta għandna l-grazzja li għandna monasteru tas-sorijiet Klarissi li huma spirati mill-ispiritwalità Franġiskana imma għandna wkoll diversi kongregazzjonijiet oħra ispirati mill-ideal Franġiskan. Illum, fil-festa ta’ Santa Kjara, nitolbu b’ħeġġa kbira għal dawn in-nisa u għal vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 2, 8 – 3, 4 a
Salm: 118 (119), 14.24.72.103.111.131
Evanġelju: Mt 18, 1-5.10.12-14