L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
F’dan il-jum għażiż tal-Ġimgħa Mqaddsa, l-ewwel jum wara Ħadd il-Palm, naraw ix-xena tad-dilka ta’ Ġesù. Hu stess jgħid li din hija tħejjija għad-difna tiegħu. Il-fwieħa li tintuża hija prezzjuża ħafna; tliet mitt dinar kienet il-paga ta’ tliet mitt jum; għaxar xhur paga. Għalhekk, Ġuda kważi jiskandalizza ruħu bil-prezz għoli li tħallas għal din il-fwieħa, li waħda minn ħut Lazzru tuża’ biex tidlek lill-Mulej. Tuża’ xuxxitha biex tixxotta din id-dilka.
Hemm nota li nixtieq naħsbu ftit fuqha. L-Evanġelju jgħidilna: “Id-dar kollha mtliet bir-riħa tfuħ” (Ġw 12:3). Aħna u nibdew nippreparaw biex nagħmlu t-tifkira solenni tat-tbatija ħarxa li għaddha minnha l-Mulej minħabba d-dnubietna, ejjew inkunu aħna din il-fwieħa ta’ mħabba, ta’ devozzjoni, ta’ lealtà u ta’ ndiema li tfarraġ bħal dilka qaddisa l-qalb tal-Mulej. Kemm tkun ħaġa sabiħa li d-djar u l-knejjes tagħna jkunu mimlija b’din il-fwieħa qaddisa li mhux biss tmiss is-sens tax-xamm tagħna imma tinfed il-qalb tagħna.
Illejla se niltaqgħu fis-6pm għall-pellegrinaġġ li joħroġ minn din il-knisja għażiża magħrufa bħala Ta’ Ġieżu. Is-soltu nagħmlu pellegrinaġġ b’Marija Addolorata, iżda llum il-pellegrinaġġ ser ikun ukoll bix-xbieha għażiża tal-Kurċifisss Mirakoluż ta’ Ġieżu. Nixtieq nistieden lill-poplu Malti biex waqt li nitolbu ħafna għalina u għas-soċjetà tagħna, nagħmlu intenzjoni partikolari għall-Ukrajna. Kuljum nisimgħu bl-istejjer ta’ qsim il-qalb.
Wieħed jistaqsi: għaliex din il-kefrija f’dan is-seklu? Donnu ma tgħallimna xejn mit-traġedji l-kbar li għaddejna minnhom fl-Ewropa fis-seklu 20? Nisimgħu lil missirijietna jirrakontawlna t-tbatija taż-żmien it-Tieni Ġwerra Dinija li laqtet lil Malta b’mod l-iżjed aħrax. Tmenin sena ilu missirijietna rċevew rikonoxximent bil-George Cross tat-tbatija kollha li għaddew minnha, tal-qlubija ta’ min iddefenda l-integrità tal-gżejjer tagħna. Tmenin sena wara, fl-Ewropa, donnha qegħdin naraw l-istess xeni ta’ distruzzjoni u ta’ mwiet. Għalhekk, fil-pellegrinaġġ tal-lejla u anke f’din l-Ewkaristija, nitolbu biex jieqaf kull tentattiv iblah u kiefer li wieħed jaħkem lill-ieħor; li poplu jumilja, joqtol, ixejjen poplu ieħor, hu min hu, u għal liema raġuni.
F’din il-Ġimgħa Mqaddsa, ejjew nitolbu biex nersqu lejn Ġesù b’dik l-istess gratitudni u devozzjoni li wrew l-aħwa ta’ Lazzru. L-Evanġelju llum jgħidilna li Lhud, “marru mhux biss minħabba Ġesù, imma wkoll biex jaraw lil Lazzru, li hu kien qajjem mill-imwiet” (Ġw 12:9). Tant hu hekk li f’ħin minnhom il-kapijiet qalu li aħjar inneħħuhom it-tnejn, lil Ġesù u anke lil Lazzru. Inneħħu mid-dinja l-evidenza tal-qawwa ta’ Ġesù li jista’ jgħaddina mill-mewt għall-ħajja; mid-dlam għad-dawl.
Ta’ min nistaqsu lilna nnfusna: min jiltaqa’ magħna, jiltaqa’ mal-qawwa ta’ xhieda ħajja ta’ Ġesù? Xi fwieħa nwasslu aħna fejn qegħdin? Għax il-fwieħa vera li tmiss il-qalb hija dik tal-maħfra, tar-rikonċiljazzjoni, tal-umiltà, ta’ min jifhem li aħna dgħajfa ħafna, bħalma tgħid it-talba sabiħa ta’ dan il-jum qaddis: ‘bnedmin dgħajfa li aħna’. Kemm hi qawwija t-talba li tagħmel il-Knisja: ‘biex aħna, għall-merti tal-passjoni ta’ Ġesù Kristu, nieħdu r-ruħ’. Wara kollox, din hija t-talba tagħna f’din il-Ġimgħa Mqaddsa.
Illejla, aħna u nakkumpanjaw ix-xbieha għażiża ta’ Marija Addolorata u ta’ Ġesù Msallab, ejjew nitolbu din il-grazzja li nieħdu ruħ għal merti tal-passjoni ta’ Ġesù Kristu. Nadurawk O Ġesù inberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 42:1-7
Salm: 26 (27), 1.2.3.13-14
Evanġelju: Ġw 12:1-11