• Nhar it‑Tlieta 8 ta’ Novembru 2016, saret iċ‑ċerimonja annwali tal‑gradwazzjoni tal-Istitu ta’ Formazzjoni Pastorali li tmexxiet mill‑Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi, fil‑Knisja ta’ San Duminku, ir‑Rabat. Iċ‑ċerimonja bdiet b’Quddiesa ta’ ringrazzjament, u wara saret il‑preżentazzjoni taċ‑ċertifikati lil 319-il gradwat ġdid.

    Click here to see all photos of the Celebration of Mass and Graduation.

    The Celebration of Mass and Graduation on YouTube

    Homily by Vicar General Mgr Joe Galea Curmi

  • Knisja ta’ San Duminku, ir-Rabat

    8 ta’ Novembru 2016

    “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn” (Lq 17, 10). Jiena dejjem tolqotni din il-kelma għax meta tismagħha għal bidu tgħid: “dina stramba, kif ma niswew għal xejn?” Meta Ġesù wera li l-iċken wieħed jew waħda hija għażiża u tiswa ħafna quddiem Alla, kif aħna, almenu kif qrajna hawnhekk ‘qaddejja li ma niswew għal xejn?’

    Din nifhmuha meta narawha fil-kuntest ta’ dak li qal Ġesù li l-messaġġ prinċipali hu li aħna qaddejja li m’għandux ikollna ‘sense of entitlement’ ma’ Alla, li minnu nistennew xi ħaġa bi dritt. Jista’ jiġrilna, aħna li aħna midħla, ibda minna s-saċerdoti, qisna nibdew nimmaġinaw li t-tajjeb ġej minna, li aħna qegħdin nagħmlu ħafna tajjeb u kważi kważi Alla hu obbligat lejna għat-tajjeb, għas-servizz u għall-ħidma li qegħdin nagħmlu.

    Ġesù jurina li mhux hekk; it-tajjeb ġej minn Alla u aħna kollaboraturi tiegħu f’ħidma li hi tiegħu u trid tibqa’ tassew tiegħu. Għalhekk meta nagħrfu li aħna ġejjin minnu, nagħmlu dak li hu sew, dak li hu tajjeb u aħna f’qalbna jkollna tassew dan is-sens ta’ gratitudni u ngħixu bi gratitudni. Infatti hemm saying li jgħiduha ħafna ‘gratitude begins where the sense of entitlement ends’. Hekk hi ma’ Alla. Meta aħna jkollna din il-gratitudni nistgħu nifhmu tassew dak li qal Ġesù “ qaddejja”. L-iskop tagħna huwa li naqdu. Il-ġid li rċevejna hu biex naqdu. Mhuwiex biex aħna quddiem l-oħrajn nuru kemm nafu, kemm nafu iktar minnhom, mhuwiex biex aħna dan nużawh biex ninqdew imma biex naqdu bħala qaddejja.

    Jien tolqotni ħafna kemm taqbel din is-siltà dak li qal Ġesù meta kien qed jispejga lid-dixxipli kif għandhom ikunu meta jkunu qaddejja  Kien qalilhom fl-Evanġelju ta’ San Luqa: “għax min hu l-akbar, min qieghed fuq il-mejda jew min qiegħed iservi? Mhux min qiegħed fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej” (Lq 22, 27). Ara kemm taqbel ma’ dan li qal hawnhekk. Ġesù identifika dan bħala l-ikbar sinjal għalina, għalina li nemmnu, li nimxu warajh. 

    L-eżempju li tagħtina Santa Eliżabetta tat-Trinità huwa propju hawn: jiena li nfittxek, li Alla jkun kollox għaliha, li jkun Alla li jimla lil qalbha biex tista’ tgħix mimlija bih, imbagħad twasslu lill-oħrajn.

    Dan hu li qed jitlob minna llum ukoll Ġesù speċjalment f’okkażjoni bħal din tant sabiħa ta’ gradwazzjoni għax aħna ngħarfu li dak li rċevejna, irċevejnih bil-grazzja tiegħu u aħna grati lejh. Dak li se nagħmlu bih imbagħad meta rċevejnih, huwa li nużawh biex inkunu tassew qaddejja tal-oħrajn u biex insibu il-ferħ tagħna propju fil-qadi tal-oħrajn. L-ikbar eżempju tahulna Ġesù stess hekk xtaq mid-dixxipli Ġesù, hekk juruna l-qaddisin speċjalment Marija il-qaddejja tal-Mulej u l-qaddejja tal-oħrajn, u hekk hi l-vokazzjoni tagħna.

    Għalhekk nixtieq li din tkun it-talba tagħna f’din il-quddiesa, nitolbu lill-Mulej biex aħna nkunu qaddejja tiegħu u qaddejja tiegħu fl-oħrajn, biex dak li għandna nużawh biex inservu lill-oħrajn, biex iktar ma nitgħallmu, u isbaħ ikun iktar ma nitgħallmu, iktar ma nsiru midħla tal-kelma tiegħu, tat-tagħlim li jwasslilna anke f’oqsma differenti, iktar nagħrfu kif dan hu biex aħna naqdu lill-oħrajn u hemm insibu tasew l-iskop ta’ dak li nkunu rċevejna speċjalment dawn il-korsijiet anke li intom segwejtu u segwejtu b’suċċess. Għal dan se nitlob jien, nistedinkom nitolbu għal dan, biex aħna lkoll flimkien inkunu tassew qaddejja li nagħmlu biss dak li għandna nagħmlu, jiġifieri dak li wriena Ġesù, li nsibu l-ferħ u l-paċi tagħna propju billi naqdu lill-oħrajn.

    Mons. Joe Galea Curmi
    Vigarju Ġenerali

  • Speech about the appointment of a new Director

  • L-ewwel nett nixtieq ninfurmakhom li Fr Mark Sultana temm is-servizz tiegħu bħala Direttur tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali. Fr Mark issa se jkun direttur spiritwali fis-Seminarju. F’dawn is-snin nixtieq ngħid kemm apprezzajna l-ħidma tiegħu, eżempju ta’ dak li qrajna llum fl-Evanġelju. Il-mod kif ħadem bħala direttur tal-Istitut ta’ Formazzjoni mhux biss għen biex jiżviluppa l-Istitut ta’ Formazzjoni, imma anke bl-ispirtu tassew ta’ koordinament, ta’ kollaborazzjoni flimkien, ta’ servizz kbir. Għalhekk nixieq niringrazzjah ta’ dawn is-snin u nuruh kemm il-Knisja f’Malta hija grata għas-servizz li ta f’dawn is-snin.

    L-Arċisqof naturalment ra min jista’ jkun Direttur tal-Istitut Pastorali u għażel lil Fr Jimmy Bonnici biex ikun id-Direttur ġdid tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali. Fr Jimmy għadu kif temm is-servizz tiegħu, jew se jtemmu minn hawn u ftit ieħor, bħala Rettur tas-Seminarju, L-istess il-Knisja f’Malta turih ħafna gratitudni lejn il-ħidma tiegħu u s-servizz li ta u bl-ispirtu li bih ħadem u li għen f’din il-ħidma hekk importanti tal-Knisja. Issa se jkun bħala suċċessur tiegħu Fr Albert Buhagiar li qiegħed hawn magħna wkoll. Fr Jimmy se jagħmel xi żmien sabbatiku mhux sena, ftit xhur, biex imbagħad wara l-Għid il-Kbir jibda hu prattikament bħala Direttur tal-Istitut Pastorali. Aħna nawgurawlu ħafna pero jien ċert li se jkompli fuq il-passi ta’ Fr Mark u qablu Fr Fabio u l-Istitut tassew ikun kif inhu għall-Knisja f’Malta verament ġawrha sabiħa illi qed tgħin biex aħna napprezzaw dak li u l-iktar importanti fil-ħidma tal-Knisja f’Malta. Għalhekk nawguraw lit-tliet saċerdoti għall-ħidmiet ġodda tagħhom.

    Mons. Joe Galea Curmi
    Vigarju Ġenerali

  • Photos: Curia Communications Office