-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
2 ta’ Frar 2019Il-liġi ta’ Mosè kienet titlob sinjal qawwi minn kull familja: l-ewwel wild kellu jingħata lill-Mulej. Din il-ħaġa għandha sinifikat profond. Kull familja li tiddedika u tikkonsagra lil Alla l-ewwel wild tagħha, kellha tirrikonoxxi s-sovranità tal-Mulej: li l-Mulej huwa s-sid tal-ħajja, qed tirrikonoxxi li l-ħajja hija don tiegħu u għalhekk huwa mill-iżjed naturali li aħna li nirċievu tant mingħand il-Mulej, nirrikonoxxu d-dejn tagħna miegħu.
Is-sagrifiċċju ta’ kull familjaFid-dinja semitika li fiha kiber il-poplu ta’ Alla ma kontx tiċċajta mal-allat. Jekk se toffrilhom xi ħaġa, m’għadhiex tiegħek, allura trid toqtolha. Jekk toffri annimal trid toffrih b’sagrifiċċju u toqtlu. L-istess regola tgħodd jekk se toffri lil ibnek, imma Alla ta’ Iżrael ma riedx hekk. Ried li l-ewwel wild ikun iddedikat lilu, imma jiġi immedjatament mifdi. U għalhekk bi ħlas ta’ fidwa, il-liġi ta’ Mosè kienet titlob li għall-ewwel wild ikkonsgrat lill-Mulej, jiġi offrut ħaruf. Għall-familji foqra li ma setgħux jixtru ħaruf—u allura qegħdin naħsbu f’faqar mhux żgħir—din l-offerta setgħet tkun ta’ par gamiem jew żewġ bċieċen.
L-ewwel ħsieb li nixtieq naqsam magħkom illum huwa li meta San Luqa jitkellem fuq il-familja ta’ Nazaret, il-familja ta’ Ġużeppi l-mastrudaxa, ma jsemmix l-offerta tal-ħaruf, imma jsemmi mill-ewwel l-offerta tal-iżjed fqar joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġt ibċieċen. Dan huwa indikatur ta’ kemm kienet fqira l-familja ta’ Nazaret. Ippermettuli ngħidha kif inħossha: din il-familja kienet imbierka mill-faqar tal-onesti u mhux mill-miżerja. Dak kien jippermetti x-xogħol tal-mastrudaxxa ta’ Nazaret, raħal minsi u ċkejken.
…il-flus u l-għana li kellhom, kienu frott ix-xogħol onest?
Forsi f’Iżrael kien hemm ħafna familji li setgħu jagħtu lil Alla ħafna iżjed imma l-mistoqsija hi: il-flus u l-għana li kellhom, kienu frott ix-xogħol onest? U din hija mistoqsija li hemm bżonn nagħmlu lilna nfusna wkoll. L-ironija hija li għalkemm il-familja ta’ Nazaret fit-tempju twassal żewġt ibċieċen jew par gamiem, huma qed jippreżentaw ħaruf, il-ħaruf ta’ Alla. Tant hu hekk li fl-ikonografija ta’ San Ġużepp, ħafna drabi huwa ppreżentat b’gaġġa u żewġ gamiem ġo fiha għaliex dik kienet l-offerta tiegħu. Ġużeppi ma kellux għalfejn iġib il-ħaruf tal-fidwa għax fi ħdan Marija kien hemm il-ħaruf ta’ Alla li jifdi lid-dinja, il-ħaruf veru tal-fidwa ta’ vera.
Il-missjoni ta’ Ġesù tarbijaIt-tieni ħsieb li nixtieq naqsam magħkom hija l-esperjenza u l-profezija ta’ Xmun. Xmun, li kien raġel ġust u tajjeb, jistenna l-faraġ ta’ Iżrael, li l-Ispirtu s-Santu kien fuqu, kien imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara lil Kristu tal-Mulej, qabel ma jara lill-Messija għax il-kelma Cristos bil-Grieg tfisser Messija, dak li kienu qed jistennew il-Lhud kollha, il-poplu ta’ Iżrael. Mela, kif ħadu fuq dirgħajh lil Ġesù, bierek ’l Alla u qal: “Issa, o Sid tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem skont kelmtek. Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek” (Lq 2:29). X’kienu raw? Raw lil Ġesù tarbija. Imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, f’dik it-tarbija Xmun ra s-salvazzjoni. Hija wkoll il-konferma tal-isem mogħti lit-tarbija. L-anġlu Gabrijel, kemm lil omm u kemm lil Ġużeppi, il-missier putattiv, jinsisti magħhom li jsemmuh Ġesù, Alla jsalva, Alla salvatur.
…Xmun iħares lejn din it-tarbija u jara s-salvazzjoni li l-Mulej ħejja għall-popli kollha.
Xmun jikkonferma l-missjoni ta’ din it-tarbija ta’ 40 jum. Ġesù jirċievi din il-profezija ta’ Xmun: “Is-salvazzjoni li inti ħejjejt għall-popli kollha” (Lq 2:31). Il-profezija ta’ Xmun tmur lil hinn minn dak li qed jistenna Iżrael, għax id-don ta’ Alla jiżboq it-talb, l-aspettattivi u x-xewqat tagħna. Iżrael kien qed jistenna messija biex jeħles lill-poplu ta’ Alla; Xmun iħares lejn din it-tarbija u jara s-salvazzjoni li l-Mulej ħejja għall-popli kollha. B’xi mod jerġa’ jiġi ppreżentat quddiemna l-misteru li ċċelebrajna fil-jum tal-Epifanija: Ġesù, dawl minn dawl, jidher lill-ġnus u hekk hu l-kliem ta’ Xmun jikkonferma dan għaliex lil Ġesù jsejjaħlu: “Dawl biex idawwal il-ġnus. Glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2:32). Salvazzjoni, dawl, u glorja.
Dan huwa Ġesù għall-poplu ta’ Iżrael u għall-popli kollha. Imma mbagħad iħares lejn ommu Marija u Xmun jgħidilha: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael” (Lq 2:34). Dan se jkun skandlu; l-iskandlu huwa dak li jwaqqgħek, imma l-iskandlu wkoll huwa dak li jġibek f’sensik. Hemm skandlu ħażin li jkissrek, imma hemm skandlu tajjeb li jagħtik skossatura u jġibek f’sensik. “Se jkun sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). Fil-Vulgata, fit-traduzzjoni bil-Latin, Signum Contradictionis, sinjal ta’ kontradizzjoni, sinjal li jmeruh. U jgħidilha wkoll il-prezz għoli ta’ dan il-kontradizzjoni: “Sejf jinfidlek ruħek!” (Lq 2:35).
Hawnhekk naraw li din il-festa tal-preżentazzjoni tal-Mulej, li tfakkarna fil-profezija ta’ Xmun, diġà qed tħares lejn il-misteru tal-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù. U għalhekk huwa propizju li llum il-Logotenenza ta’ Malta tal-Ordni tas-Santissimu Sepulkru qiegħda tiċċelebra l-ħatra u l-bidu tas-servizz tal-Logotunent il-ġdid. Din il-festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej tħares lejn dak il-post qaddis. M’hawnx post iżjed qaddis fuq l-art fejn il-Mulej miet u fejn il-Mulej irxoxta. U aħna u niċċelebraw dan l-avveniment li seħħ f’Ġerusalemm, illum nitolbu b’mod partikulari għall-Art Imqaddsa.
Interessanti li San Luqa juża din l-espressjoni biex juri l-fidwa li kien qed jistenna l-poplu. Anna titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm. Kemm hi espressjoni sabiħa: il-poplu huwa mxennaq għall-fidwa ta’ Ġerusalemm (ara Lq 2:38), din il-belt antika u qaddisa li fiha l-Mulej ċarċar demmu u li fiha l-Mulej qam mill-mewt. Aħna nistgħu ngħidu li f’din il-memorja li se niċċelebraw f’April li ġej qegħdin tassew nantiċipaw u nixxenqu għall-fidwa ta’ Ġerusalemm li niċċelebraw f’kull Ewkaristija?
Nitolbu biex il-Mulej ikun għalina u għas-soċjetà tagħna d-dawl, il-glorja u s-salvazzjoni. Imma ma nibżgħux meta jintalab minna l-prezz għoli li nkunu wkoll sinjal li jmeruna. Ġesù stess qal li kif għamlu miegħi, jagħmlu magħkom ukoll; min jisma’ lili jisma’ lilkom. Ejjew nitolbu biex aħna u naffaċċjaw il-prezz għoli tas-sejf li jinfed ir-ruħ, ma nibżgħux nagħtu ħajjitna lill-Mulej u nippreżentaw ruħna quddiemu għaliex hu l-ħlas tal-fidwa tagħna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti