L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Lq 21:28). Dan huwa l-kliem ta’ Ġesù li smajna fl-Akklamazzjoni ta’ qabel l-Evanġelju, meħud mill-Evanġelju skont San Luqa. 

Ħaġa li żgur tolqotna hi li hawnhekk nisimgħu dan il-kliem “Qawwu qalbkom”, imma mbagħad meta naqraw l-Evanġelju jagħtina l-impressjoni li ma hemm xejn li jqawwilna qalbna u li jgħinna biex nerfgħu rasna. Anzi, qisek tieħu l-impressjoni li Ġesù qed inissel il-biża’.  Fil-fatt, hawn jitkellem fuq żmien Noè, u jitkellem fuq il-qerda: “Qeridhom ilkoll” (Lq 17:27);  u jitkellem fuq żmien Lot, u juża l-istess kliem: “Qeridhom ilkoll” (Lq 17:29). Hawn qisek tieħu l-impressjoni – din kelma li nħobbu nużaw kultant illum – ta’ negattività. Ġesù qisu negattiv hawnhekk, għaliex jitkellem b’dan il-mod.

Imma Ġesù qatt ma tkellem biex inissel il-biża’. Anzi, il-kliem tiegħu hu kliem li  jgħinna noħorġu mill-biża’, jekk aħna nsegwuh. Fil-fatt, Ġesù dejjem hekk qal, u anke l-kelma ta’ Alla, jekk immorru lura fit-Testment il-Qadim, hija dejjem kelma li tgħinna biex ma nibżgħux. U dan hu importanti ħafna għalina, għaliex kultant ikun hawn, anke fostna, min jgħid kliem li jbeżża’. F’liema sens? Per eżempju, jgħidlek “wasalna fl-aħħar tad-dinja”. Issa l-aħħar tad-dinja tista’ tkun għada, u jista’ jkun baqgħalha ħafna snin. Imma li kuljum tgħid “wasalna fl-aħħar tad-dinja” biex qisek tbeżża’, dik mhix sewwa, mhijiex skont il-kliem ta’ Ġesù. Hu ma jgħid xejn biex lilna jbeżżagħna. Imma jgħid kliem biex lilna jgħinna ma ngħixux aljentati – hekk iva! Jgħid kliem li jurina r-realtà biex aħna ma ngħixux aljenati, u ninsew dak li hu l-aktar importanti fil-ħajja.

Fil-fatt, x’isemmi hawn? Din interessanti. Hawn jgħid li fi żmien Noè, kienu “jieklu, jixorbu, jiżżewġu, iżewġu” (Lq 17:27). Hemm xi ħaġa ħażina f’dawn? Hawn mhux qed jgħid li kienu jieklu, u tant jieklu żżejjed li jagħmlilhom il-ħsara; mhux qed jgħid li kienu jixorbu u jkunu fis-sakra; lanqas li jħalltu u jaqsmu fiż-żwieġ. Hawn qed jitkellem fuq il-ħajja ordinarja tagħhom, u qed isemmi affarijiet li minnhom infushom mhumiex ħżiena. L-istess meta jitkellem fuq żmien Lot. Jgħid: “kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu” (Lq 17:28). Hawn mhux qed jgħid li kienu jbigħu u jqarrqu fil-bejgħ; jew inkella jeqridu s-siġar flok iħawlu; jew jibnu fejn ma għandhomx jibnu u jeqirdu l-ambjent. Hawn qed jgħid fuq affarijiet li minnhom infushom tajbin.

Għalhekk Ġesù qed jgħid li fl-istess ħajja tagħna ordinarja jista’ jiġrilna li  aħna ngħixu aljenati, minn ħaġa għal oħra, u ninsew dak li hu l-aktar importanti. Il-messaġġ li jrid jagħtina Ġesù hu biex aħna nagħrfu ngħixu l-ħajja tagħna b’mod tajjeb, imma qatt ma ninsew l-iskop, il-mixja fejn trid twassalna, qatt ma ninsew lil Alla. Il-preżenza tiegħu fil-ħajja tagħna tgħinna biex dak li nagħmlu jkollu sens, u biex dak li nagħmlu nagħmluh tassew bi mħabba u nagħmluh ukoll għall-glorja tiegħu. Fil-fatt, innutaw kif San Pawl fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin juża kliem minn dan, u jgħid: “sew jekk tieklu jew tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla” (1 Kor 10:13). Mela qed jgħid: fil-ħajja ordinarja tagħna, għandna nfittxu li dak li nagħmlu nagħmluh tajjeb u nagħmluh għall-glorja ta’ Alla. U nagħmluh b’imħabba. U meta nagħmluh hekk – jiġifieri ngħixu f’għaqda ma’ Alla – hu jurina kif f’dak li nagħmlu għandna naħsbu fl-oħrajn. Hekk turina llum it-tifkira ta’ Santa Eliżabetta tal-Ungerija li hi eżempju mill-isbaħ ta’ kif taħseb fl-oħrajn; mhux sempliċiment fik innifsek, jiġifieri kollox qisu jdur miegħek innifsek, imma taħseb fl-oħrajn, speċjalment f’dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Hemmhekk inkunu qed ngħixu l-ħajja ordinarja ta’ kuljum imma b’mod li nagħtu glorja lil Alla u l-għajnuna lil dawk li huma fil-bżonn.

Bil-kliem tiegħu Ġesù llum isejħilna mhux għal azzjoni ta’ disperazzjoni, imma għal azzjoni ta’ deċiżjoni.

Nitolbuh il-grazzja li aħna ngħixu mhux aljenati fil-ħajja, imma ngħixu fil-preżenza tiegħu; hu jgħarrafna  ħafna aktar l-iskop tal-ħajja tagħna, ikun magħna biex jgħinna nagħżlu dak li hu tajjeb, dak li hu sewwa, ħalli fil-ħajja tagħna ta’ kuljum dak li nagħmlu nagħmluh dejjem għall-glorja tiegħu u bl-akbar imħabba, kif għallimna hu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta