L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Jekk tħobbuni” (Ġw 14:15). Ġesù jħalli d-deċiżjoni f’idejk. Ma jġagħlekx tħobbu bilfors imma quddiemek qed jagħmel għażla, biex tagħżel inti. Inti trid tħobb ’il Ġesù? Tista’ tgħidli mhux dejjem jirnexxili. Għamel kuraġġ. Taqtax qalbek. Ġesù jagħraf l-isforzi li tagħmel biex tħobbu. U tgħidli: Imma jien lil Ġesù ma narahx. U jiena nistaqsik: Inti lil sħabek kif titrattahom? Bi mħabba? Lill-ġenituri tiegħek tirrispettahom? Lil ħutek, jekk għandek, tieħu ħsiebhom? Lil sħabek tħobbhom tassew? Jekk tgħidli ‘iva’, mela nfakkrek x’qal Ġesù: “Kulma għamilt mal-iżgħar fost ħuti għamiltu miegħi.”

Jekk inti tħobb lill-ġenituri, lil ħutek, il-ħbieb tiegħek, lill-ġirien – qed tħobb ukoll lil Ġesù bil-fatti. U Ġesù jixtieq li inti tgħix il-ħajja tal-imħabba. Jekk tħobbuni, “jiena nitlob lill-missier, u hu jagħtikom difensur ieħor” (Ġw 14:16). Jgħid “difensur ieħor” għax anki Ġesù jiddefendina quddiem il-missier. Ftakru li iżjed minn 50 jum ilu, fil-Ġimgħa l-Kbira, aħna lil Ġesù smajnieh jgħid: “Aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Dak il-ħin fuq is-salib Ġesù kien id-difensur tagħna.

Illum qed iwegħidna difensur ieħor, xi ħadd li jgħinek, jagħtik parir tajjeb, meta tkun fl-inkwiet se ssibu maġenbek. Id-difensur iħarsek mid-deni, jipproteġik. Meta tkun fil-kumpanija ta’ difensur bravu u bil-għaqal, inti tħoss kalm, seren, fis-sigur. U dan hu l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu hu d-difensur li jibgħat il-Mulej lil dawk li jgħidu lil Ġesù nixtieq inħobbu – nixtieq nirrispondi bi mħabba għall-mħabba li tani. “Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu  li għidtilkom” (Ġw 14:26). Meta tkun f’mument diffiċli fil-ħajja, itlob l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. Għidlu:

Spirtu s-Santu dawwal lill-moħħ tiegħi,
lill-qalb tiegħi,
biex il-kelma li ngħid tkun kelma ta’ għaqal u ta’ verità,
li l-għemil tiegħi jkun safi u ta’ mħabba.

Jgħallmek u jfakkrek. Dak kollu li qalilna Ġesù. Ħobb lil Alla. Ħobb lill-proxxmu. Ħobb lilek innifsek. Aħfer lill-għedewwa. “Itma’ lil min hu bil-ġuħ, isqi lil min hu bil-għatx, ilqa’ lil min hu bla dar, żur lill-morda, żur lill-ħabsin…” (Opri tal-Ħniena).

L-Ispirtu s-Santu hu d-difensur li jibgħat il-Mulej lil dawk li jgħidu lil Ġesù nixtieq inħobbu – nixtieq nirrispondi bi mħabba għall-mħabba li tani.

Dan lil qalilna Ġesù. Qalilna biex ngħixu ħajja ta’ mħabba u llum l-Ispirtu s-Santu, għeżież żgħażagħ, bħalma sawwab fuqna, aħna li għandna ftit taż-żmien, jissawwab fuqkom ukoll. Illum tirċievu s-siġill tad-don tal-Ispirtu s-Santu.

Nixtieq nirringrazzja ħafna, bħalma għamilt fil-bidu, lill-parrini li għażlu li jilqgħu l-istedina li jkunu ta’ sapport għalikom u bħala tifkira ta’ dan il-jum għażiż se nagħtikom isem ġdid b’tifkira tal-Papa l-ġdid: lis-subien ‘Leo’ u lill-bniet ‘Leonine’.

Tajjeb li tiftakru li fis-sagrament tal-griżma, intom adulti f’familja ta’ biljun, anzi iżjed, ta’ nies li qed nippruvaw inħobbu ’l Ġesù. U minn hawn u ftit ieħor se nistaqsikom, u intom se tirrisponduni, jekk tridux tiċħdu l-ħażen u x-xitan, jekk tridux tħobbu lil Alla, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 2:1-11
Salm: 103 (104), 1ab.24aċ.29bċ-30.31.34
Qari II: 8:8-17
L-Evanġelju: Ġw 14:15-16. 23b-26

Aktar ritratti