L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Mal-Knisja kollha aħna niċċelebraw il-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej proprju qrib ħafna l-Milied u l-Epifanija. Tista’ tidher stramba li hi daqshekk viċin, għax Ġesù ma tgħammidx meta kien tarbija, bħalma hu l-każ tagħna li tgħammidna meta konna żgħar ħafna, u għalhekk il-Magħmudija marbuta mat-twelid. 

Rabta mill-qrib

Imma  hemm raġuni għaliex aħna niċċelebrawha f’daż-żmien, u hemm rabta kbira bejn il-Magħmudija, u l-Milied u l-Epifanija. Qiegħda spjegata fl-aħħar vers tal-Evanġelju tal-lum skont San Mattew, meta hemm il-leħen mis-smewwiet li jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt il-għaxqa tiegħi” (Mt 3:17). Meta naraw il-ġrajja tal-Milied, u naraw lil Marija bit-tarbija Ġesù f’idejha, Marija żgur hekk qed tgħid fis-skiet ta’ qalbha: Dan hu Ibni l-għażiż, fih sibt il-għaxqa tiegħi. 

Mill-festa tal-Milied dejjem naraw dan iċ-ċirku li jinfetaħ. Fil-Milied, ħdejn Ġesù, hemm Marija u Ġużeppi. Imbagħad jiġu r-rgħajja mill-inħawi viċin. Iktar tard, fl-Epifanija, naraw lill-Maġi li jiġu mil-Lvant, mill-bogħod, ifittxu s-sultan li twieled, u jagħrfuh bħala d-dawl tal-ġnus. U hawn għandna din il-manifestazzjoni tal-identità ta’ Ġesù: bin Alla. Hemm il-preżenza tat-Trinità qaddisa, u l-leħen tal-Missier li jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt il-għaxqa tiegħi”. Mument wara ieħor, aħna nsiru iktar midħla ta’ dan il-misteru kbir: l-Iben ta’ Alla “sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1:14). Aħna msejħin biex lil Ġesù  nqimuh bħala l-Iben ta’ Alla.

Magħmudija b’differenza

Meta Ġesù mar biex jitgħammed, ma marx kif marru n-nies l-oħra għand Ġwanni l-Battista għax kellhom bżonn jistqarru d-dnubiet u jitlolbu maħfra tagħhom. Ġesù ma kienx midneb, ma kellux dnub. Hu għalhekk li Ġwanni l-Battista għall-ewwel oġġezzjona u jgħidlu: “Jien hu li neħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?” (Mt 3:14) Imma Ġesù mar biex jieħu fuqu d-dnubiet tal-umanità, biex b’dal-mod jissieħeb mal-bniedem midneb, isalvah u jagħtih ħajja ġdida. Kif jgħid Ġwanni f’mument ieħor: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1:29).

Fil-Magħmudija, mhux l-ilma qaddes lil Ġesù imma hu qaddes l-ilma. Bis-saħħa ta’ hekk Ġesù ried jagħtina l-grazzja li nissieħbu miegħu, u nsiru wlied adottivi ta’ Alla meta nissieħbu miegħu fil-Magħmudija.

X’għamlet fina l-Magħmudija 

Il-festa tal-lum, għalhekk, filwaqt li tgħinna jkollna qalbna miftuħa għal Ġesù, l-Iben ta’ Alla, is-Salvatur tagħna, tfakkarna wkoll fil-Magħmudija tagħna. Aħna tgħammidna meta konna żgħar ħafna, u naħseb ħadd hawnhekk ma jiftakar dik in-nhar tal-Magħmudija. Dak inhar ma kinetx għażla tagħna, imma kienet għażla tal-ġenituri tagħna li riedu mill-bidu jagħtuna l-isbaħ u l-aħjar – u għalhekk ħaduna biex nitgħammdu. Dak inhar, iseħibna bis-sħiħ ma’ Ġesù.

Dik l-għażla aħna ġeddidnieha meta kbirna – għamilna hekk b’mod sinifikanti ħafna fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Konfermazzjoni – u nkomplu nġedduha kuljum. Il-festa tal-lum tgħinna niskopru x’ifisser meta ngħidu li għandna ngħixu l-Magħmudija tagħna. Mhux inħarsu lura biss lejn dak inhar li tgħammidna, imma nħarsu lejn ħajjitna llum.

Il-kliem li qal il-Missier fuq Ġesù – “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt il-għaxqa tiegħi” – hu kliem li l-Mulej qal fuq kull wieħed u waħda minna dak inhar tal-Magħmudija tagħna. Minn hemm nibdew meta ngħidu li għandna ngħixu l-Magħmudija tagħna: li aħna, kull wieħed u waħda minna, nagħrfu li aħna wlied għeżież ta’ Alla. Lilek Ġesù jgħidlek: int ibni l-għażiż, int binti l-għażiża, fik insib l-għaxqa tiegħi.

Hekk jgħidilna Ġesù. Imma mbagħad minna jiddependi kemm nilqgħu din l-għożża u ngħixuha f’ħajjitna. Irridu niftakru: mhuwiex għax aħna, b’dak li nagħmlu, jirnexxilna nakkwistaw l-imħabba ta’ Alla, u nġagħluh iħobbna. Hu jħobbna qabel dak kollu li nistgħu nagħmlu, jgħidilna kemm aħna għeżież għalih qabel kull ħaġa li nagħmlu; minna jiddependi nilqgħux din l-imħabba tiegħu.

Kif ngħixu l-Magħmudija tagħna

Fil-bidu tal-quddiesa, għamilna t-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija. Għamilna dan b’rabta mal-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej illum. Irridu niftakru li l-Magħmudija ngħixuha mhux biss meta niltaqgħu fil-knisja f’Jum il-Mulej – kif għandna dejjem nagħmlu – imma wkoll bid-deċiżjonijiet li nieħdu kuljum, bl-istil ta’ ħajja li nħaddnu. Li nagħżlu t-tajjeb u nwarrbu dak li hu ħażin, li nimxu mal-Kelma ta’ Ġesù li hu “t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6).

Fil-fatt, innutaw ir-rabta li hemm, fejn jidħol il-leħen tal-Missier waqt il-Magħmudija, ma’ dak li jsir fil-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni – qiegħda llum fl-Akklamazzjoni ta’ qabel l-Evanġelju. Fit-Trasfigurazzjoni, il-leħen tal-Missier jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: isimgħu lilu” (Mk 9:7). Hu b’dan il-mod li nkunu tassew qed ngħixu bħala wlied għeżież: billi nisimgħu lilu.

Fil-ħajja tagħna, iktar ma nagħrfu kemm hu sabiħ li ngħixu kuljum il-Magħmudija tagħna, bħala wlied għeżież ta’ Alla, iktar qalbna timtela bil-paċi u l-ferħ tiegħu. Minkejja d-diffikultajiet u l-problemi li ngħaddu minnhom fil-ħajja personali jew familjari, fis-soċjetà li qed ngħixu fiha llum u fid-dinja, meta ngħixu bħala wlied maħbuba u għeżież ġa jkollna qalbna mimlija bil-preżenza ta’ Ġesù li ma ġġibx ħlief ġid.

Nixtieq li nitolbu għalina lkoll. Naf li intom persuni ta’ impenn kbir, u tesprimu dan bis-sehem tagħkom fiċ-Centesimus Annus Pro Pontifice Foundation. Nitolbu li nkomplu nieħdu b’serjetà kbira l-ħajja Nisranija u dak li titlob minna fl-oqsma differenti tas-soċjetà: fil-qasam soċjali, kulturali, politiku. Nitolbu li nagħrfu ngħixu l-Magħmudija tagħna b’impenn sħiħ, u bħala wlied għeżież ta’ Alla, li fina – kull wieħed u waħda minna – Alla jsib il-għaxqa tiegħu.

Centesimus Annus Pro Pontifice Foundation. Nitolbu li nkomplu nieħdu b’serjetà kbira l-ħajja Nisranija u dak li titlob minna fl-oqsma differenti tas-soċjetà: fil-qasam soċjali, kulturali, politiku. Nitolbu li nagħrfu ngħixu l-Magħmudija tagħna b’impenn sħiħ, u bħala wlied għeżież ta’ Alla, li fina – kull wieħed u waħda minna – Alla jsib il-għaxqa tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta