L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Huwa bi spirtu ta’ ringrazzjament li llum niċċelebraw din il-festa għażiża tad-Duluri wara diversi snin, fejn minħabba restrizzjonijiet, daqqa mod u daqqa ieħor, ma stajniex nesprimu kif xtaqna d-devozzjoni, l-imħabba, ir-reliġjożità tagħna. Imma waqt li nagħmlu hekk dalgħodu, u llejla waqt il-purċissjonijiet fil-parroċċi u hawnhekk fil-Belt Valletta, ta’ min nistaqsu: is-sinifikat profond ta’ dak li qegħdin nagħmlu, x’jiġbidna lejn din il-mara? Umiljata imma siekta, imnikkta, imbikkma ħdejn is-salib ta’ Binha. X’jiġbidna lejn Marija? Jekk ikollna nużaw il-kejl tad-dinja, hemm ftit. 

Ejjew naħsbu f’dan il-mument f’tant ommijiet li bħalissa huma tturufnati, inkwetati, umiljati minħabba wliedhom. Huma vittmi innoċenti ta’ deċiżjonijiet ta’ ħaddieħor. Ippermettuli l-aħwa llum b’mod speċjali naħseb, u nistedinkom li naħsbu, fl-ommijiet li qegħdin jibku lil uliedhom mejta fl-Ukrajna, fuq naħa u fuq oħra. Mijiet ta’ żgħażagħ maqtula fi gwerra ta’ regħba u ta’ bla sens. Imma aħna fostna, mhux ukoll għandna ommijiet li fis-skiet ta’ darhom jibku lil uliedhom? Illum huwa wkoll il-mument li aħna niftakru fihom. Fl-istess ħin nitolbu lill-Mulej biex, minflok inżidu l-mewt bil-qtil tal-innoċenti fil-ġuf, aħna nagħmlu kulma nistgħu biex nibqgħu soċjetà li verament, mhux bil-paroli, imma ta’ vera, tħares il-ħajja u s-saħħa ta’ dak li jkun. 

Illum, f’isem il-Mulej, f’riġlejn Sidtna Marija Addolorata, nitlob il-veru ħelsien ta’ pajjiżna: il-ħelsien mill-kultura tal-mewt li tiddisprezza l-ħajja fil-bidu tagħha u ma jimpurtahiex mill-mewt fl-aħħar; u lanqas kultant matulek ja ħajja. Inkunu boloh jekk inċedu għall-kultura li t-tarbija fil-ġuf ma tqishiex iżjed, li nogħxew li nqattgħuhom biċċiet lil uliedna. Dan f’isem il-progress, f’isem is-saħħa. Toqtol persuna; ħalli ma ngħidux persuna biex ma nidħlux fid-diskussjoni legali, ħlejqa tqattagħha biċċiet f’isem is-saħħa ta’ xi ħadd. L-aħwa, nistgħu nagħmlu kemm nagħmlu purċissjonijiet wara d-Duluri; l-għażliet tagħna jridu jkunu ċari, iridu jkunu ċari favur il-ħajja, u kontra kull kultura tal-mewt. Għax inkella d-devozzjoni tagħna tkun qoxra, imma ġewwa kollox imnawwar. 

Ejjew nitolbu wkoll għal ħutna li llum, għalkemm mhumiex ommijiet, imma huma bħal Ġesù fuq is-salib, jistennew kelma ta’ faraġ bil-preżenza ta’ xi ħadd. Minn fuq is-salib Ġesù seta’ jara diversi kategoriji ta’ nies. Sallbuh ’il barra mill-belt, imma mhux ’il bogħod mill-belt, proprju kif toħroġ mill-belt ta’ Ġerusalemm ta’ dak iż-żmien, ta’ elfejn sena ilu. X’aktarx kien post passaġġuż, ħalli dak li jkun għaddej, dieħel u ħiereġ mill-belt, jara l-aħħar ikkundannati għall-mewt. Hekk kienet il-Golgota, il-Qorriegħa. U Ġesù, innoċenti, il-Ħaruf bla tebgħa, sallabnieh, sallabnieh bi dnubietna. Ridna nagħmlu xow bih, imma x- xow kien tad-dnubiet tagħna. Meta dendilna lilu fuq is-salib, dendilna d-dnub tagħna għax-xow ta’ kulħadd. Ġesù, minn fuq is-salib, ra lil min kasbru, lil min biegħlu ħwejġu, għax saħansittra anke ħwejġu ħadulu u tellgħuhom bix-xorti. Imma ra wkoll lil min baqa’ miegħu: Marija Madalena, lid-dixxiplu l-maħbub, imma ra wkoll lil ommu. Aħna, ma’ liema kategorija rridu nkunu? Jalla nkunu ma’ dawk li ħdejn Ġesù nġibu kelma ta’ faraġ. Inkunu sinjal ta’ solidarjetà ta’ vera. Ejjew nitgħallmu nieħdu ħsieb xulxin. 

Ippermettuli nirrepeti xi ħaġa li min jaf kemm-il darba smajtuni ngħidha: ejjew noqogħdu attenti kif nitkellmu fuq xulxin, kif niktbu fuq xulxin, b’mod speċjali fuq il-midja. Inti tiltaqa’ ma’ persuna fit-triq ma tgħidilhiex il-kliem li kultant nużaw għal xulxin fil-messaġġi u fuq il-midja soċjali. Ikun min ikun, ejjew nużaw dejjem kliem ta’ mħabba, ta’ rispett. Jekk bniedem ma taqbilx miegħu, staqsi lilek innifsek għaliex; imma ma hemmx għalfejn tuża kliem li jniggeż, li jumilja, li jweġġa’. Dan ukoll huwa x-xhieda ta’ mħabba tagħna. 

Waqt li llum fil-purċissjonijiet fil-parroċċi tagħna, hawnhekk il-Belt Valletta llejla, li l-purċissjoni toħroġ minn din il-Knisja għażiża ta’ Ġieżu, nimxu wara x-xbieha ta’ Sidtna Marija Addolorata, ejjew nitolbuha l-grazzja: Bierek lil pajjiżna. Eħlisna mill-pjaga tar-rabja, tal-mibegħda u tal-għira. Jalla dan ikun tassew Jum il-Ħelsien mill-kultura tal-mewt.        

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Ġer 20:10-13
Salm: 17 (18):2-3a,3bċ-4,5-6,7  
L-Evanġelju: Ġw 10:31-42

More Photos