L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“L-ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien… inxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej.”
Għeżież ħuti saċerdoti, għeżież membri lajċi tal-poplu ta’ Alla. Aħna llum nifirħu b’din il-liturġija solenni tat-tberik taż-żjut. B’dan id-don kbir li l-Mulej tana li nissieħbu fih. Il-qawwa tal-ispirtu s-santu li ssawbet fuqu biex ikun għajn ta’ ħelsien u ta’ grazzja.
L-ewwel mistoqsija li rridu nagħmlu lilna nfusna hi: Din l-għajn ta’ ħelsien u ta’ grazzja nħossha miftuħa għalija? Inħoss li għandi bżonnha? Il-Mulej illum fil-qalb tagħna jnissel dan il-għatx għall-ħelsien li jagħti hu u għall-grazzja li ġejja minnu biss għax mingħajr dan il-bżonn, mingħajr il-konvinzjoni li aħna mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn, u li jekk aħna bħala friegħi ninqatgħu minnu ma jibqa’ xejn ta’ valur fina ħlief li mmutu u nintremew. Mingħajr din il-konvinzjoni li għandna bżonnu, qatt ma nkunu nistgħu nilqgħu d-don li hu ħerqan li jsawwab fil-qalb tagħna, il-ħelsien tassew u l-grazzja, l-imħabba, il-ħniena.
Fil-bidu ta’ kull quddiesa li niċċelebraw bħala individwi, bħala komunità nagħrfu dan il-bżonn radikali għax meta nagħrfu ħtijietna, ma nagħmlux hekk biex nieqfu hemm, biex nistadu fil-fondoq li ħafna drabi d-dgħufija, il-vizzji u kultant ukoll is-suppervja tagħna noħolqu għalina nfusna. Imma nirrealizzaw li għandna bżonn dik l-id, li l-Mulej inewwel lil Pietru li qed jegħreq, waqt li jgħidlu tibżax: “Tkunx nieqsa l-fidi tiegħek”.
Waqt li nħossuna qegħdin negħrqu ngħidulu: ‘Għinni Mulej! Għinni Mulej!’. Ejjew nitolbu din il-grazzja li aħna nkunu persważi li għandna bżonnu, għandna bżonnu biex jeħlisna, għandna bżonnu biex iżurna bl-imħabba u l-grazzja tiegħu.
Waqt li nfakkru lilna nfusna l-merħla mhix tagħna. M’għandna l-ebda dritt ta’ pussess fuqha, jew ta’ atteġġjament ta’ superjorità jew ta’ possessività
U t-tieni mistoqsija li nagħmlu lilna nfusna llum f’dan il-jum solenni hi marbuta ħafna mal-missjoni li għaliha aħna msejħin u li llum il-Mulej iġedded fina u fostna: ‘Aħna qaddejja ta’ dan il-ħelsien? Aħna strumenti ta’ din il-grazzja?’
L-ordinazzjoni bla dubju. Imma fil-ħajja tagħna nifhmu li aħna ma nistgħux nagħtu mill-esperjenza li m’għandniex u għalhekk il-bżonn radikali tagħna, tal-ħniena, tal-grazzja, tal-ħelsien tal-Mulej jagħtina l-qawwa naqsmu din l-esperjenza ma’ ħutna f’kulma nagħmlu, fl-amministrazzjoni tas-sagramenti, fil-predikazzjoni tagħna, fil-kuntatt tagħna man-nies, f’dan kollu li aħna nsejħulu l-qadi tagħna, il-ministeru tagħna, hu x’inhu, skont is-sejħa li l-Mulej għamlilna u l-impenn tal-ubbidjenza tagħna, li nġeddu wkoll illum. Nitolbuh li aħna nkunu dejjem strumenti ta’ dak il-ħelsien li tiegħu għandna bżonn radikali, aġenti ta’ dik il-grazzja li l-Mulej ħerqan isawwab fuq id-dinja. Iż-żjut li aħna nbierku u li jissawbu fuq il-morda tagħna, fuq il-katekumeni tagħna, fuq l-Insara l-ġodda, fuq is-saċerdoti, fuq l-isqfijiet tagħna, fuq dak kollu li hu kkonsagrat lill-Mulej.
Dawn iż-żjut jissawbu bħala sinjal qawwi tal-ħelsien u tal-grazzja li l-Mulej tassew jixtieq. Għandu għatx li jissawbu fid-dinja. U jekk id-dinja, forsi barra, ma tħossx dan l-għatx, ejjew almenu nħossuh aħna. Inkunu aħna dik l-għajta tal-qalb minn qiegħ id-dinja li l-Mulej tgħidlu: ‘Sinjur Alla, jien għandi bżonnok. Sinjur Alla aħfirli. Grazzi Sinjur Alla’. Wara kollox din it-talba tant għażiża għas-saċerdot qaddis Dun Ġorġ Preca, hi wkoll dik li ġġib f’postu l-elementi kollha ta’ din il-liturġija solenni – ‘Grazzi Sinjur Alla. Aħfirli Sinjur Alla’.
U aħna u nqassmu ż-żjut fil-parroċċi, fl-isptarijiet, fil-komunitajiet reliġjużi tagħna, inkunu qegħdin ukoll nipparteċipaw, nissieħbu f’din l-għotja kbira ta’ ħelsien u ta’ grazzja.
Jalla l-liturġija li niċċelebraw il-ħin kollu ta’ ħajjitna, tkun espressjoni ta’ din il-ħtieġa radikali tagħna tal-ħniena t’Alla imma wkoll espressjoni ta’ intimità ma’ Ġesù li jafna, iħobbna u jagħdirna, u jibgħatna aħna kif aħna b’missjoni kbira. “Irgħa l-ħrief tiegħi, il-merħla tiegħi” (Ġw 21:15,17).
U waqt li nfakkru lilna nfusna l-merħla mhix tagħna. M’għandna l-ebda dritt ta’ pussess fuqha, jew ta’ atteġġjament ta’ superjorità jew ta’ possessività. Imma aħna tiegħu, għall-merħla tiegħu. Waqt li niftakru dan kollu, ejjew nitolbu l-grazzja li jibqa’ jftakkarna kemm għandna bżonnu u jibqa’ jfakkarna kemm iħobbna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Eż 12:1-8,11-14
Salm: 115 (116):12-13,15-16bċ,17-18
Qari II: 1 Kor 11:23-26
L-Evanġelju: Ġw 13:1-15