Nagħtihom kuruna flok l-irmied, żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu” (Is 61, 3). Dan il-kliem mill-profeta Isaija huwa attwali għall-ġurnata tal-lum wara li lbierah fil-knisja Kon-Katidrali żżejnet u tlibbset l-ilbies tal-vistu, aħna u tajna t-tislima xierqa u dinjituża lill-missier tagħna l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.
Illum il-Mulej qed jagħtina “iż-żejt tal-ferħ” minflok l-irmied tal-penitenza li jistħoqqilna; qiegħed jagħtina kuruna; qed jagħtina “l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa.” Naċċettaw il-fatt li aħna bnedmin dgħajfin, kif infakkru fl-aħħar tislima tal-għeżież tagħna: “aħfirlu d-dnubiet kollha li għamel ta’ bniedem dgħajjef li kien”. Hekk tlabna lbieraħ fuq l-għażiż Mons. Mercieca, hekk nitolbu fuq l-għeżież tagħna, u hekk se jitolbu fuqna meta jasal il-mument; m’aħniex mgħaġġlin, imma dan il-mument jasal.
Jekk aħna naċċettaw il-fatt radikali li jekk inħarsu lejna nfusna fl-għerq tad-dgħufija tagħna, aħna jistħoqqilna l-irmied, l-ilbies tal-vistu, ir-ruħ tagħna hija mitluqa, llum irridu nirringrazzjaw lill-Mulej talli fl-iniżjattiva kollha ħniena tiegħu, illum irid ilibbsna kuruna, illum irid jidlikna biż-żejt tal-ferħ u jimla ’l qalbna “bl-għana tal-foħrija”. Għaliex iċ-ċelebrazzjoni li qegħdin nagħmlu llum hija ċelebrazzjoni tal-inizjattiva ta’ Alla, u mhux tal-merti tagħna. Hija ċelebrazzjoni ta’ din il-Bxara t-Tajba – fit-test tas-Septuaginta ‘evangelion’ – qiegħed jitħabbar lill-fqajrin, lilna, lill-qalb miksura taghna, lilna li aħna mjassrin bil-vizzji u bid-dnubiet tagħna, aħna li aħna ħabsin tar-ras iebsa u tal-qalb iebsa tagħna. Il-Bxara t-Tajba li tħabbrilbna d-duwa, il-ħelsien, il-ftuħ tal-ħabs, is-sena tal-grazzja, tal-imħabba, tal-ħniena tal-Mulej.
Aħna u nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ din il-konsagrazzjoni biż-żejt tal-ferħ li bih jikkonsagra lill-poplu qaddis tiegħu, nirriflettu ftit fit-talba tal-Knisja li għidna llum: O Alla inti kkonsagrajt lil Ibnek il-waħdieni bl-Ispirtu s-Santu u għamiltu l-Messija u l-Mulej,” (Kolletta tal-lum) Christos u Kyrios. Dawn huma ż-żewġ titli ta’ Ġesù ta’ Nażaret, huwa l-Kristu, il-Messija, il-midluk, imma huwa wkoll il-Kyrios, il-Mulej.
Dan l-għemil huwa għemil tal-konsagrazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, fl-Ispirtu s-Santu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Għalina din id-dilka u din il-vokazzjoni għandha isem wieħed: il-ħniena, “fil-ħniena tiegħek, agħmel li aħna li għandna sehem mill-konsagrazzjoni tiegħu, inkunu xhieda tal-fidwa quddiem id-dinja”. Dan li qegħdin nitolbuh llum lill-Mulej bħala Knisja, bħala komunità Nisranija, bħala presbiterju madwar l-Isqof, il-ħniena. Il-ħniena li flok l-irmied tagħtina kuruna, flok l-ilbies tal-vistù, tagħtina ż-żejt tal-ferħ, flok ruħ mitluqa timla lill-qalbna bl-għana tal-foħrija.
Din il-ħniena tittrasformana f’xhieda, ta’ xiex? Xhieda tal-fidwa! Meta jiltaqa’ magħna xi ħadd, ejjew nipperswadu ruħna minn din il-ħaġa, l-aħwa: irid jiltaqa’ ma’ xhud tal-fidwa, martri, għax il-kelma ‘xhud’ bil-Grieg hija ‘martyr’, imma martri xhud tal-fidwa. Meta jiltaqa’ miegħi xi ħadd, qed jara fija il-fidwa li ġab Ġesù Kristu? Jekk tgħiduli: kif? Il-kelma hija ħniena, billi jiena nkun xhud tal-ħniena li Alla wera miegħi, juri miegħi, kull mument ta’ ħajti. Meta l-ġnus iħarsu lejn Ġesù “li għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu u Missierna”, meta jħarsu lejn “Dak li ħabbna, li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta demmu,” huma “jaraw lil dawk li kienu nifduh” (Apok 1, 5-7) kif jgħid il-Ktieb tal-Apokalissi, u jirrealizzaw il-verità tad-dnub tagħhom u l-kobor tal-ħniena tiegħu, “iva, Ammen!”.
Kif fl-Evanġelju, ix-xena minn Nazaret fejn il-profezija ta’ Isaija sseħħ, “għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu” (Lq 4, 20), hekk ukoll aħna rridu nsammru għajnejna fuq Ġesù, il-ħniena tagħna, il-fidwa tagħna, l-Imgħallem tagħna u r-Ragħaj veru tagħna. Jekk il-ħarsa tagħna ma tidbiegħedtx minnu, anke jekk nogħtru, anke jekk nidimbu, ma nintilfux, anzi nitolbu l-Mulej l-grazzja li f’din is-Sena tal-Ħniena, imma f’kull sena, li hija sena ta’ ħniena, kull sena, min iħares lejna jara xhieda sabiħa ta’ bniedem mifdi li jixhed għall-fidwa, li jwassal il-fidwa, huwa strument ta’ paċi, ta’ rikonċiljazzjoni li jwassal bil-kelma, bil-ħarsa tiegħu, bl-għażliet tiegħu, “il-kuruna tal-glorja, iż-żejt tal-ferħ u l-għana tal-foħrija”.