L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għażiż André, inti u tkompli l-mixja tiegħek ta’ formazzjoni bħala seminaristi, illum, il-Knisja tilqgħek bħala ministru tal-Kelma ta’ Alla. Il-fatt li inti msejjaħ biex taqra l-Kelma ta’ Alla fil-komunità huwa wkoll responsabbiltà. Minn hawn u ftit ieħor se nitlob fuqek it-talba tal-barka, u nitlob fuqek ukoll it-talba li inti twassal il-Kelma ta’ Alla bil-fedeltà kollha, biex dejjem tikber fi qlubhom u tagħti frott bil-kotra. Inti qiegħed tirċievi l-Ministeru tal-Lettorat f’dan il-jum partikolari li l-Papa Franġisku xtaq li jkun iddedikat lill-Kelma ta’ Alla. F’dan il-Ħadd ukoll qegħdin niċċelebraw is-solennità titulari ta’ dan il-katidral, il-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl.

Il-Kelma li rċieva l-Appostlu Missierna, skont kif jirrakkonta hu stess kemm-il darba, kienet kelma diretta. Il-Mulej isejjaħlu b’ismu u jistaqsih kelma li Pawlu baqa’ jhewden fuqha tul ħajtu kollha. “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 22:7). “Min int, Mulej?” (Atti 22:8). U Ġesù, jintroduċi lilu nnifsu, bit-titlu li tawh fuq is-salib: “Jiena Ġesù ta’ Nazaret, li int qiegħed tippersegwitah” (Atti 22:8). Il-Mulej, ma qallux li hu l-Iben ta’ Alla, ma qallux li hu Kristu, imma qallu: “Jiena Ġesù ta’ Nazaret” (Atti 22:8). ’Il quddiem Pawlu kellu jagħraf u jħabbar li s-salib ta’ Ġesù ta’ Nazaret kien is-salvazzjoni u l-glorja tiegħu.

Il-Kelma li rċieva Pawlu hija Kelma tal-Mulej, u din irċeviha f’laqgħa personali miegħu. Ġesù jsejjaħlu b’ismu; jgħidlu wkoll li għandu missjoni għalih imma jindikalu lill-komunità. “X’għandi nagħmel, Mulej?” (Atti 22:10). Ġesù jindikalu l-familja tal-fidi li waqqaf, li welled minn fuq is-salib u permezz tas-sinjal tas-salib, l-Appostlu Missierna jsir Nisrani fil-magħmudija. Pawlu hu appostlu li tgħammed bħalna, li sema’ l-Kelma tal-Mulej direttament f’kuntest ta’ laqgħa intima ta’ mħabba. Għaliex min isejjaħlek b’ismek jifhem li jħobbok, imma fl-istess ħin laqgħa ta’ verità. Pawlu, hu u jiltaqa’ ma’ Kristu u mal-Kelma tiegħu, jagħraf is-sejħa tiegħu. Jaqgħu minn għajnejh il-qxur tal-preġudizzju, tal-arroganza ta’ min mingħalih studja u jifhem imma ma kienx għadu għaraf lill-Mulej ħaj u veru.

Matul din is-Sena tal-Ġublew, nitolbu li niltaqgħu ma’ Ġesù u li l-laqgħa tagħna miegħu tbiddilna. Qegħdin niċċelebraw il-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna, il-bidla li l-Mulej għamel fil-qalb ta’ dan ir-raġel għaref u istruwit, li kellu bżonn ukoll jitgħallem il-liġi tal-imħabba u lezzjoni sabiħa tal-umiltà. Pawlu jiftaħ qalbu għal din l-għażla li jagħmillu l-Mulej. Hu jirrealizza li fil-laqgħa tiegħu ma’ Kristu hemm id-dawl veru. Pawlu, l-Appostlu Missierna, jiddikjara li l-Mulej Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla.

Aħna xxurtjati li ltqajna ma’ Pawlu, u li Pawlu laqqagħna ma’ Kristu. Din is-sena qegħdin niċċelebraw 1,700 sena, minn meta aħna bħala komunità f’Niċea, iddikjarajna li Ġesù, hu Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru. Hekk, il-fidi li tawna l-Appostli stajna nħabbruha hekk kif nirrepetuha kull nhar ta’ Ħadd, kif se nagħmlu minn hawn u ftit ieħor. Dan il-kliem li llum se nirrepetuh ukoll fil-festa tal-Appostlu Missierna San Pawl, ġie ddikjarat fis-sena 325, 1,700 sena ilu, imma jsib l-għeruq tiegħu fix-xhieda ta’ Pawlu, u tal-appostli l-oħra kollha li ltaqgħu ma’ Ġesù u kienu xhieda tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u li tawna dik iż-żerriegħa ċkejkna li fiż-żmien saret l-istqarrija tal-fidi tagħna.

Ejjew nitolbu l-interċessjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl. Aħna u niċċelebraw il-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù, naraw f’dik il-laqgħa tiegħu l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, permezz tiegħu. Hu ġie fostna bniedem ikkalzrat, li għadda mill-għarqa, ħeles mill-għarqa, ħeles mill-gidma tal-lifgħa, fejjaq lill-missier tal-kap ċivili tagħna, l-Protos Publiju, u tana xhieda tal-qawwa tal-isem ta’ Ġesù. Aħna u niċċelebraw lill-Appostlu Pawlu, niċċelebraw l-għerq tal-fidi tagħna, li jibqa’ imma Ġesù, u laqgħa tagħna miegħu.

Għażiż André, qies li f’ħajtek tiltaqa’ ma’ Ġesù, u tlaqqa’ lill-poplu għażiż tiegħu ma’ Ġesù.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Neħ 8:2-4a,5-6,8-10
Salm: 18(19):8,9,10,15
Qari II: 1 Kor 12:12-30
L-Evanġelju: Lq 1:1-4; 4:14-21

Aktar ritratti