L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fil-parabbola meħuda minn kapitlu 13 ta’ San Mattew, Ġesù ma jaħbix it-tagħlim dwar il-ġudizzju finali. X’inhu dan? Huwa l-ġudizzju li jimmarka d-destin tagħna wara din il-ħajja. Dan huwa destin li aħna niddeċieduh minn issa. Il-mod kif nistgħu nevitaw il-ġudizzju tal-kundanna huwa li minn issa nitgħallmu nafdaw u nirrikorru lejn il-ħniena ta’ Alla.

Anke fil-mument tal-ġudizzju se jkun hemm ukoll il-ħniena ta’ Alla; l-offerta ta’ Alla li nilqgħu l-ħniena tiegħu. Imma hemm ukoll il-periklu, minħabba l-libertà li tana l-Mulej stess, li aħna niċħduh. Illum irridu nitolbu li fl-għażliet tagħna, żgħar u kbar ta’ kuljum, aħna nuru dik l-istess ħniena li nixtiequ li Alla juri magħna, meta jiġi fill-mument tal-għażla u tal-ġudizzju.

Ġesù qed jimmaġina xi ħaġa li kien jara kemm-il darba f’Kafarnahum, fuq ix-xatt ta’ Tiberija. Kien jara s-sajjieda li jidħlu bil-qabda tal-ħut tagħhom u mbagħad qabel imorru s-suq jew jibdew ibiegħu, kienu jagħżlu l-ħut it-tajjeb mill-ħażin; dak li jistgħu jbiegħu u li jkun tajjeb għall-ikel. Anke jekk taqra xi ktieb dwar il-ħut li għandna mal-ibħra tagħna, speċjalment il-kotba miktuba mill-Maltin stess, ikun hemm dettal ta’ kif tista’ tuża l-ħuta; għalxiex tista’ tużaha, kif tistad għaliha u jekk hix tajba għal ikel jew le. Il-ħut jintagħżel, mill-ħafna modi ta’ kif tista’ tużah, tieklu jew ma tiklux.

Dan il-ġudizzju, huwa ġudizzju li jiddetermina d-destin ta’ x’jiġri minna. “Jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar” (Mt 13:50), jgħid Ġesù. “Hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien” (Mt 13:50). ‘Il-biki u theżżiż tas-snien’, forsi għall-għażliet ħżiena tagħna, li tagħhom ma tlabbniex maħfra, jew li ma għamilniex riparazzjoni biżżejjed. Qatt mhu tard wisq. Dejjem hemm iċ-ċans li nieqfu, naħsbuha, u forsi nagħmlu għażliet differenti.

Mhux faċli fil-ħajja, li meta taqbad triq, tagħmel pass lura, u taqbad triq oħra. Mhux faċli. Hawnhekk irridu nitolbu l-umiltà, tat-tafal quddiem il-fuħħari. Kemm hi sabiħa din ix-xbieha li jagħtina l-Profeta Ġeremija. Il-Mulej stess jagħżel din ix-xbieha għall-poplu tiegħu. Isma’ intom it-tafal f’idejja, jiena l-fuħħari. Ħalluni nħaddimkom u naħdimkom. Kunu doċli. Aħna rridu nitolbuh din il-grazzja lill-Mulej: għaġinna inti; inti l-fuħħari, aħna t-tafal.

Ħafna drabi aħna tant inwebbsu qalbna, li l-fuħħari —meta jiġi biex jaħdimna— l-ewwel ikollu jagħmilna frak. Ma nafx jekk qatt kellkomx l-opportunità taħdmu t-tafal. It-tafal meta mbagħad jitlef l-umdità tiegħu ma tkunx tista’ taħdmu. Xi jkollok tagħmel? Tfarrku, tagħmlu trab, iżżidlu l-ilma, u mbagħad tkun tista’ terġa’ taħdmu. Meta l-Mulej isibna ta’ qalb iebsa, hekk ikollu jagħmel ukoll, għax hu fuħħari. Xi kultant aħna ngergru li fiċ-ċirkustanzi, il-Mulej veru jagħmilna frak imma mbagħad iżid ftit ilma, li hija l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, u jkun jista’ jerġa’ jaħdimna.

Forsi f’din is-sħana tas-sajf, fejn kollox jinxef malajr, anke moħħna, l-omm xi kultant tgħid lil binha li nixxifilha moħħha. Fis-sajf forsi moħħna jinxfilna malajr allura qalbna wkoll tixrief. Nitolbu lill-Mulej biex fejn hemm il-moħħ imnixxef u l-qalb xierfa, il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu terġa’ tagħmilna proprju tafal biex il-fuħħari jkun jista’ jerġa’ jaħdem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 18: 1-6
Salm: 145 (146), 2abċ.2d-4.5-6
L-Evanġelju: Mt 13:47-53