L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ix-xbieha li juża Ġesù fl-Evanġelju llum nistgħu nifhmuha mal-ewwel, anke jekk illum is-sistema tagħna tad-dawl hi differenti minn żmien Ġesù. Fi żmien Ġesù kienu jużaw il-lampa jew il-musbieħ, u hawn Ġesù jsemmi li ħadd ma jkollu musbieħ mixgħul u jqiegħdu f’post fejn ikun mgħotti, imma jqiegħdu fejn jidher ħalli jdawwal id-dar kollha.
Dal-kliem ta’ Ġesù, meta jsemmi d-dawl, ifakkarna f’dak li jgħid Ġesù fuqu nnifsu, speċjalment fl-Evanġelju skont San Ġwann. Jgħid hekk: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12). Ġesù qed jgħid li min jimxi warajh ikollu d-dawl, u Ġesù ġie biex idawwal l-umanità ħalli ma tibqax fid-dlam.
Imma f’mument ieħor Ġesù lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom – insibu dan fl-Evanġelju skont San Mattew – “Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:14). U jispjega, b’mod li jixbah ħafna dak li smajna llum fl-Evanġelju, li ħadd ma jqiegħed il-musbieħ taħt is-siegħ, imms fuq l-imnara biex idawwal id-dar kollha. U mbagħad ifisser x’irid jgħid, u din hi wkoll it-tifsira għall-kelma li qed jgħid illum: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:16).
Li jrid jgħid Ġesù hu li hu importanti li t-tajjeb jidher u li t-tajjeb jitwassal; li aħna għandna nfittxu li nwasslu lin-nies dak li hu tajjeb, dak li hu sabiħ, dak li hu sewwa. Imma nagħmlu dan mhux biex in-nies iħarsu lejna, ifaħħru lilna u jiggustaw lilna. Tiftakru l-kritika ta’ Ġesù lill-Fariżej u l-kittieba, meta kien jgħidilhom: intom li qed tagħmlu qed tagħmluh għal wiċċ in-nies. Irridu nagħmlu dan, inwasslu t-tajjeb, biex nagħtu glorja lil Alla li hu fis-smewwiet.
Dal-kliem ta’ Ġesù jgħodd dejjem, f’kull żmien tal-Istorja tal-Knisja. Imma żgur li hu importanti ħafna fi żmienna, għax kultant jiġri li l-ġid li jsir ma jkunx magħruf, li l-ġid kbir li jsir jibqa’ bħal musbieħ mgħotti f’xi post fejn ma tistax tara d-dawl tiegħu. U li jiġri kultant hu li l-aħbarijiet li jaslu jkunu ta’ xi ħaġa ħażina li saret, jew allegazzjoni ta’ xi ħaġa ħażina li saret, anke fejn tidħol il-Knisja. Imma fil-fatt aħna nafu li fil-ħajja tal-Knisja, il-ġid kbir li jsir – ma ngħidx kuljum imma f’kull minuta – f’tant oqsma differenti tas-soċjetà huwa kbir. Ħa nġib eżempju: idħlu xi darba f’kunvent tas-sorijiet. Aktarx issibuhom kollha f’età kbira. Tkellmu magħhom waħda waħda. Tibda tisma’ esperjenzi, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, per eżempju tletin sena f’dak il-pajjiż, erbgħin sena f’post ieħor – ħidma fl-isptarijiet, fl-iskejjel, mal-familji, mat-tfal, f’ċentri ta’ akkoljenza, ħidma kontinwa ta’ dedikazzjoni kbira. Anke jekk tmur f’dar waħda, f’kunvent wieħed, issib minjiera ta’ ġid li sar u li qed isir. Insemmi l-missjunarji Maltin li għandna f’tant pajjiżi differenti. Insemmi wkoll tant familji tajbin fejn hemm ġenituri ddedikati biex jibnu ambjent ta’ mħabba u l-ulied jistgħu jitilgħu f’dan l-ambjent. X’inhu dan? Hu dawl li jista’ jkun ta’ ġid għas-soċjetà, imma kultant ikun dawl moħbi. Hemm bżonn li l-ġid li jsir inwassluh biex ikun ta’ għajnuna għall-bini tas-soċjetà, biex ikun ta’ dawl għall-bnedmin.
Nitolbu lill-Mulej biex aħna dejjem inħarsu lejh, hu li hu dawl tad-dinja; biex nirċievu d-dawl mingħandu, ħalli mbagħad aħna, bix-xhieda ta’ ħajjitna, bl-għemejjel tagħna, inkunu ta’ dawl għall-oħrajn u ngħinuhom biex jagħtu glorja lil Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju