L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-ħarsa ta’ Ġesù hi ħarsa ta’ ħniena fuq kulħadd. Illum iħares lejn kategorija ta’ nies, li nnota kienu jafdaw fihom infushom, li huma ġusti u jmaqdru lill-oħrajn. Tgħiduli: ‘dawn in-nies kienu jgħixu fi żmien Ġesù’. Imma nistaqsu lilna nfusna: m’hemmx xi ftit minn dan ukoll fil-qalb tagħna, fil-qalb tiegħi u tiegħek? Ħin minnhom aħna, għax nagħmlu opra tajba, nippretendu mill-ewwel il-premju u forsi naraw xi ħadd minn ħutna jew mill-ġirien, li forsi żelaq fin-niexef u nitkażaw. Meta nagħmlu hekk jew jiġrilna hekk, inkunu parti minn din il-kategorija li Ġesù jħares lejha b’ħarsa ta’ ħniena. “Kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn” (Lq 18:9).
Hu jipprova jispjega x’jiġri. Jieħu l-eżempju ta’ raġel li jaf il-Liġi, studja l-Liġi, jgħallem lill-oħrajn, li ta’ raġel osservanti jmur it-tempju imma quddiem Alla jmur b’idejh mimlija. “Niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa, inħallas l-għexur ta’ kull ma ndahħal” (Lq 18:11-12). Biex tgħaxxaqha dan ir-raġel tajjeb lil Alla jgħidlu: jiena m’iniex bħal dan il-pubblikan, ara kemm jien bravu. Nimmaġina ’l Ġesù jirrakkonta din il-parabbola b’għafsa ta’ qalb u bi ftit ironija. Kemm hu iblah dan ir-raġel li quddiem Alla jiftaħar b’rixu u għandu l-wiċċ jitkaża bil-proxxmu u jmaqdru!
Ejjew nitolbu maħfra, l-aħwa, ta’ kemm-il darba aħna fil-qalb tagħna nagħmluha din il-ħaġa, jiena magħkom, ta’ kemm-il darba lil Alla mmorru quddiemu u ngħidulu: ‘ara jien kemm jien bravu. Issa tinsiex tagħtini l-premju għax jien mhux bħall-oħrajn’. Kemm inkunu boloh ħuti.
Ġesù jsemmi raġel ieħor li kien iddisprezzat. Irridu nammettu li Ġesù kellu soft spot għal dawn li kienu jiġbru t-taxxa, il-pubblikani. Kienu nies mistmerra minn kulħadd; b’xi mod, bir-rispett kollu lejn dil-kategorija, ħadd ma jieħu pjaċir jiltaqa’ ma’ xi ħadd li jgħidlu li għandek tħallas it-taxxa għax ilkoll kemm aħna, meta nirċievu l-kont, qalbna tagħmel tikk. Imma dan il-pubblikan quddiem Alla mar b’idejh vojta, anzi bilwieqfa fil-bogħod, Ġesù jgħid anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema imma beda jħabbat fuq sidru – bħalma nagħmlu fil-bidu tal-quddiesa aħna – u jgħid: “O Alla ħenn għalija, għax jiena midneb” (Lq 18:13). Dan ir-raġel mistmerr minn kulħadd mar fit-tempju u ma ppretenda xejn minn Alla ħlief il-ħniena tiegħu. “Ħenn għalija għax jiena midneb”.
U Ġesù jgħid li dan ir-raġel li stqarr in-nuqqasijiet tiegħu, il-faqar tiegħu quddiem Alla mar id-dar iġġustifikat. X’inhi din il-kelma? Il-kelma ġġustifikat tfisser ħallejt lil Alla jagħmlek ġust, iustum facere, gustificare, fare giusto, iġġustifikat. Inti m’intiex ġust b’dak li għamilt, b’dak li għedt, bir-rużarji li għedt, bin-noveni, bil-labtu li tilbes, bl-istatwi li ġarrejt, b’kemm kantajt fil-knisja,b’ kemm ġejt quddies. Inti ħallejt lil Alla jagħmlek ġust. Lil Alla, biex nirrepeti t-talba għażiża ta’ San Ġorġ Preca, lil Alla kontinwament għedtlu: ‘jiena għandi bżonnok, grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla’. F’dawn iż-żewġ talbiet ta’ Dun Ġorġ hemm it-triq tal-qdusija, kif jipprova jispjega Ġesù llum fl-Evanġelju li inti quddiem Alla ma tmurx tiftaħar b’rixek għax it-tajjeb li għamilt hu mertu tal-ħniena tiegħu. Mhux hu tak il-grazzja li tfaħħru u tgħix ħajja tajba? Xi dritt għandi nitkaża b’xi ħadd?
Issa oqogħdu attenti li Ġesù mhux qed jgħid li l-ħażin hu tajjeb, u t-tajjeb hu ħażin, mhux hekk jgħid. Qed jipprova jsaffi l-qalb tagħna minn kull pretensjoni quddiem Alla, qed jgħidilna lil Alla ittrattah ta’ Alla li hu li minnu jiġi kull ġid. Aħna ngħixu bil-ħniena ta’ Alla. Min jitkabbar, min hu mimli bih innifsu, jiċċekken. Il-Mulej fil-ħniena tiegħu jsib il-mezz u l-mod. Min jiċċekken quddiem Alla, min lil Alla jgħidlu ‘ħenn għalija, tħallini qatt ninfired minnek’, allura l-Mulej jieħu ħsiebu.
Il-Madonna, hawnhekk qegħdin f’din il-bażilka ddedikata lill-Assunta. Kull festa ta’ Santa Marija nfakkru l-kliem li qalet il-Madonna. X’qalet il-Madonna? Ma qalitx: ‘Jien issa omm Alla, ara min iħares lejja.’ Ma qalitx hekk il-Madonna. “Ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, min issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar. Qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:46-50). Ara l-Madonna fl-umiltà kbira tagħha, fil-kobor veru tagħha tagħraf iċ-ċokon tagħha u tagħraf li l-kobor tagħha fil-grazzja, fl-umiltà, fis-servizz, fil-glorja wkoll fit-tbatija ġej minn Alla. Aħna hekk irridu nagħmlu.
Il-poplu ta’ Alla jilqa’ lil kulħadd, fih hemm wisgħa għal kulħadd għax il-kelma tal-ħniena u tal-imħabba jitkellmu kull lingwa, mentri l-kliem tad-disprezz jagħlaqna fina nfusna.
Il-ħsieb tagħna u t-talb tagħna jmur lejn il-Knisja żagħżugħa. Nixtieq insellem ukoll lis-sorijiet li hawn fostna. Fil-bidu semmejt lis-saċerdoti qrib tagħna imma tajjeb ninkwadrawhom wkoll illum lis-sorijiet li ġejjin minn diversi pajjiżi.
I would like to greet the sisters, the religious from different countries that are with us today as we celebrate Mission Sunday. They come from young churches, from churches that are really young. Vengono da chiese giovani, iglesias jovenes and we say thank you, demos gracias al Señor.
Aħna qegħdin f’din il-knisja li tilqa’ lil kulħadd u hi b’xi mod sinjal tal-Knisja, il-poplu ta’ Alla li jilqa’ lil kulħadd, li fih hemm wisgħa għal kulħadd għax il-kelma tal-ħniena u tal-imħabba jitkellmu kull lingwa, mentri l-kliem tad-disprezz jagħlaqna fina nfusna. Mulej, agħtini l-grazzja nħares lejn il-proxxmu bħalma tħares lejna inti, agħtini l-grazzja qatt u qatt ma niddisprezza lil ħadd.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 35:12-14,16-18
Salm: 33:2-3,17-18,19,23
Qari II: 2 Tim 4:6-8,16-18
L-Evanġelju: Lq 18:9-14