L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda”. Dan hu li naqraw fl-Evanġelju llum, skont San Mark, fuq ir-raġel li mar jgħaġġel biex ikellem lil Ġesù, inxteħet għarkopptejh, u qallu: “x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Dar-raġel kien qed ifittex dak li tassew jista’ jimlielu qalbu. Ġesù lilu jagħmillu stedina. Meta r-raġel iwieġbu li l-kmandamenti segwihom, Ġesù jgħidlu: “mur, bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma naqraw li, għal dan il-kliem, dan ir-raġel “qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda”.

Dakinhar kien hemm tnejn b’qalbhom sewda: dar-raġel għax baqa’ diżappuntat b’dak li qallu Ġesù, u Ġesù meta ra lil dan il-bniedem – li l-Evanġelju jgħid fuqu tefa’ “ħarsa ta’ mħabba” – jagħmillu din l-istedina u jirrifjutaha. Ma fehemx li Ġesù, b’li kien qed jagħmel, ried li jimla l-qalb tiegħu – “ikollok teżor fis-sema”. Ried li jagħtih l-aħjar, l-aqwa. Ma fehemhiex. L-Evanġelju jgħidilna għaliex:  “għax kellu bosta ġid”.

Għalhekk Ġesù kien ukoll qalbu sewda, meta jara lil dan il-bniedem li kien segwa l-kmandamenti, kellu prinċipji li jmexxuh fil-ħajja tiegħu, imma mbagħad għalaq qalbu għall-akbar teżor li Ġesù ppreżentalu. Dan għax il-ġid tiegħu kien jagħlqu, ma jħallihx tassew li jaħseb f’dawk li huma fil-bżonn. Għalhekk Ġesù, permezz ta’ din il-ġrajja, ried jagħti tagħlima importanti lid-dixxipli tiegħu, u lilna wkoll.  

Ġesù qed jgħid biex ma nħallux il-ġid li għandna – flus, proprjetà – jikkmandana hu fil-ħajja, imexxina hu, ma jħalliniex naħsbu fl-oħrajn

X’jgħallimna Ġesù hawnhekk illum? L-ewwel ħaġa importanti hi li nibdew minn fejn beda hu. Ġesù beda billi qallu fuq il-ħarsien tal-kmandamenti. Mhux biss semmielu l-kmandamenti imma speċifikahom. Qallu “Int il-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor, weġġah lil missierek u ’l ommok”. Innutaw li Ġesù qed isemmielu l-kmandamenti li għandhom x’jaqsmu mar-relazzjoni mal-oħrajn. Jiġfieri qed jgħidlu: biex ma tagħmilx ħsara lill-oħrajn, u biex tagħti ġieh ukoll kif jixraq lill-oħrajn. Minn hemm beda Ġesù, u minn hemm irridu nibdew aħna. Għax il-kmandamenti jgħinu tassew għall-bini tas-soċjetà, biex ikollna soċjetà li tassew tixraq lid-dinjità tal-bniedem u tirrispetta l-ħajja tal-bniedem.

Imbagħad Ġesù jgħidlu aktar minn hekk. Tajjeb li nifhmu x’qed jgħid Ġesù. Hu mhux qed jgħid li hu kontra l-flus u l-proprjetà. Dawn huma meħtieġa, u meta jaqdu l-funzjoni tagħhom b’mod xieraq, huma bżonn għall-bniedem. Imma Ġesù qed jgħid biex ma nħallux il-ġid li għandna – flus, proprjetà – jikkmandana hu fil-ħajja, imexxina hu, ma jħalliniex naħsbu fl-oħrajn. Innutaw dar-raġel: jidher li l-ġid li kellu mhux għax stagħna minn fuq dahar ħaddieħor, ma jidhirx li ħa l-ġid minn fuq dahar ħaddieħor b’xi korruzzjoni. Imma dar-raġel, meta Ġesù semmielu l-kmandamenti, qallu “dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Meta semmielu l-fqar, ma qallux: jien ili ngħinhom snin lill-fqar! Ma semmielu xejn, imma telaq b’qalbu sewda għax kellu bosta ġid. Għalhekk Ġesù dan li jrid minna: li noqogħdu attenti biex il-ġid li għandna nużawh b’mod xieraq għalina, imma wkoll biex naħsbu fl-oħrajn, f’dawk li huma fil-bżonn.  Ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn, għax dak hu l-aqwa investiment. Biex ikollna teżor fis-sema, kif xtaq dar-raġel, l-aqwa investiment hu proprju billi ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn.

Nitolbu lill-Mulej, imdawlin mill-kelma tiegħu, li nfittxu dejjem li jkollna lilu bħala t-teżor ta’ qalbna. Imbagħad hu jdawwalna b’liema mod għandna nużaw il-ġid tagħna kif jixraq għalina, imma wkoll biex naħsbu f’dawk li huma fil-bżonn u nieqfu magħhom. Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja biex qalbna nimlewha mhux b’dak li għandna – dak ma jistax jimla l-qalb tagħna – imma bih, imbagħad hu jgħinna nużaw il-ġid tagħna b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju