“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet; imnejn se tiġini l-għajnuna?”
Fit-tieni Ħadd tar-Randan nisimgħu dwar it-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq il-muntanja Tabor.
Il-muntanji u l-għoljiet fil-Bibbja huma msemmija iktar
minn ħames mitt darba. U dan
mhux b’kumbinazzjoni, iżda għax
fil-fidi Lhudija, il-muntanji jikkunsidrawhom
bħala
l-eqreb li tista’ tkun m’Alla minħabba li kienu jilħqu lejn is-smewwiet, l-eqreb
lejn id-dawl. Infatti ħafna ġrajjiet sinifikanti ġraw fuq il-muntanji.
Il-profeta Elija kien fuq il-muntanja Ħoreb meta Alla
żaru f’żiffa u Mosè rċieva
l-kmandamenti minn Alla fuq il-muntanja Sinaj.
Fl-Antik Testment ukoll insibu
kif David ġera lejn il-muntanji biex jaħrab minn Sawl li ried joqtlu u lill-profeta
Elija jaħrab mis-sultana
Ġeżabel li riedet toqtlu wkoll. Il-muntanji kienu post ta’ refuġju
għan-nies, post fejn jistkennu, u post fejn setgħu jkunu viċin t’Alla u fil-protezzjoni tiegħu.
Id-dixxipli wkoll jiltaqgħu
m’Alla fuq il-muntanja
Tabor permezz ta’ Ġesù, meta jitbiddel quddiemhom. Waqt
it-trasfigurazzjoni, Ġesù jirrappreżenta
t-twettiq tal-patt t’Alla li jilħaq il-qofol tiegħu fih. Ikun propju f’dan il-mument li jibqgħu jiftakru fi żminijiet
diffiċli. Il-memorja tal-ferħ, l-imħabba u l-paċi li ħassew dakinhar, ittihom tama biex jafdaw li Ġesù qiegħed
magħhom, kif il-Lhud kienu jiftakru fil-preżenza t’Alla f’ħajjithom meta kienu
jaraw il-muntanji.
Matul ir-Randan ngħaddu minn proċess ta’ preparazzjoni, mid-dlam għad-dawl, minn deżert għal muntanja, vjaġġ ta’ tama mill-mewt għall-ħajja. Waqt żminijiet ta’ dlam, niftakru li fil-quċċata tal-muntanja hemm id-dawl, hemm Alla li joffrilna ħajja ġdida kull darba li niġu għandu. Aħna wkoll f’ħajjitna jkollna mumenti ta’ trasfigurazzjoni, ta’ ħajja ġdida li jbiddlulna l-perspettiva ta’ qalbna lejn id-dinja.
F’liema mumenti ta’ ferħ u mħabba nista’ niftakar li jtuni tama ġdida fi żminijiet diffiċli? U jekk għadni ma esperjenzajtx verament lil Alla f’ħajti, x’nista’ nagħmel biex ikolli qalbi iktar miftuħa għalih u nersaq iktar viċin tiegħu?