L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” (Lq 1:42). Imbierka inti fost in-nisa għaliex għalina inti sirt sinjal tal-fidi li għaddewlna l-appostli, “għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu” (1Kor 22-23).

Aħna u nammiraw I l-kwadru titulari inkurunat li ħareġ mill-ġenju ta’ Stefano Erardi fis-seklu 17, ninnutaw mhux biss il-figura sabiħa ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema, imma wkoll grupp ta’ rġiel, l-appostli, miġbura madwar il-qabar tagħha. Din tikkorrispondi għal tradizzjoni antika li twieldet fil-Knisja ta’ Ġerusalemm fejn sal-lum, taħt l-Għolja taż-Żebbuġ, għadu jiġi meqjum il-qabar ta’ Sidtna Marija.

L-għadu tagħna l-bnedmin

Ġerusalemm għandha żewġ tradizzjonijiet antiki: il-qabar ta’ Kristu u l-qabar ta’ Marija. Dawn huma ż-żewġt oqbra li ma rawx it-taħsir; iż-żewġt oqbra li aħna sibniehom vojta bħala sinjal li l-ħniena ta’ Alla tassew tinfirex f’kull żmien. Dawn huma sinjal tal-qawwa ta’ Kristu “għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu”. Dan hu dak li niċċelebraw fl-Għid il-Kbir u f’kull jum tal-Ħadd matul is-sena: ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt.

Dak l-għadu, il-mewt u l-kultura tal-mewt, se jibqa’ jkiddna dejjem. L-aħħar għadu li jinqered hu l-mewt! Illum qegħdin hawn biex niċċelebraw ir-rebħa tal-kultura tal-ħajja li tirbaħ fuq il-mewt imma b’umiltà rridu nammettu li aħna wkoll fost dawk il-ġenerazzjonijiet li nibqgħu migduda mill-għadu tagħna li hu l-mewt.

Aħna wkoll ittentati mill-kultura tal-mewt: il-vjolenza, l-agressjoni, il-qtigħ il-qalb, il-gwerra, il-qtil tal-innoċenti, u l-mod kif nitrattaw l-anzjani. Din il-kultura tal-mewt tibqa’ tkiddna imma bħal-lum ningħataw sinjal ta’ tama: omm —l-ewwel frott tas-salvazzjoni ta’ binha— li l-ġisem tagħha li jmut ma rax it-taħsir għax binha ħelisha minn dak li huwa d-destin ta’ kull wieħed u waħda minna. Hi, li kienet bniedma bħalna f’kollox u ġiet imħarsa minn kull tebgħa ta’ dnub mit-tnissil tagħha, ma setgħetx tara t-taħsir tal-qabar. Illum qegħdin nifirħu magħha u ningħaqdu ma’ Eliżabetta fl-għajta ispirata mill-Ispirtu Qaddis: “Imbierka inti fost in-nisa, imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!”

Id-destin tal-bniedem

L-aħwa, il-festa li qegħdin niċċelebraw illum hija frott tas-salvazzjoni li ġabilna Ġesù li qal ““Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (Ġw 11:25-26).

Aħna għandna destin sabiħ, il-ħajja ta’ dejjem, li nistgħu nibdewh minn din il-ħajja jekk nagħżlu l-imħabba u s-servizz bħala l-istil tal-ħajja tagħna. Jekk fil-konfront mal-kultura tal-mewt fil-forom kollha tagħha, aħna nagħmlu għażla ċara favur il-ħajja, favur id-dinjità ta’ kull ħlejqa maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla, favur id-destin sabiħ tal-umanità, favur il-vokazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna, żgur li nħallu d-dinja aħjar milli sibnieha.

Tassew inti “mbierka fost in-nisa” Marija ta’ Nazaret, għax ibnek ried li l-ġuf li ġabu —mqaddes għax mingħajr tebgħa— u s-sider li redda’, jiġi wkoll meħlus mit-taħsir li ġġib il-mewt. Lilna Ġesù tana sinjal ta’ tama qawwija, sinjal li l-fidi tagħna mhijiex ħrafa. Dawk l-appostli, li Stefano Erardi pinġa lejn in-naħa t’isfel tal-kwadru titulari hu u jsegwi ikonografija antika, huma xhieda tal-fidi ta’ kull wieħed u waħda minna. It-tradizzjoni tal-Knisja ta’ Ġerusalemm tgħid li b’xi mod l-appostli kienu xhieda tal-qabar vojt ta’ Sidtna Marija. Il-qabar, li skont tradizzjoni antika ma kellux is-sinjal tat-taħsir imma l-fwieħa tal-ħajja, il-fwieħa tar-rebħa fuq il-mewt.

L-imħabba tal-Omm

Aħna u nippreparaw bħala Knisja għas-sinodu li se jiġi ċċelebrat f’Ottubru ta’ din is-sena u s-sena d-dieħla, illum insellmu lil din l-“Imbierka inti fost in-nisa” bħala r-Reġina tal-Appostli, il-Qaddejja tal-Appostli. It-Tieġ ta’ Kana huwa l-ewwel kuntatt mad-dixxipli tal-Mulej li aħna nafu bih u li ssemma’ fl-Evanġelju, u li minnhom kellu jagħżel l-appostli. Ġesù kien mistieden għax kienet mistiedna ommu ġo dan ir-raħal mhux ’il bogħod minn Nazaret.

L-Evanġelju ta’ San Ġwann jgħidilna li miegħu ġab lil sħabu. Ħin minnhom, b’dik il-ħarsa akuta tagħha mimlija imħabba ta’ omm, il-Madonna tinduna li l-għarajjjes qegħdin fl-inkwiet għax ma kienx baqgħalhom inbid. Ġesù jifhem xi trid u jgħidilha: “Mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx” (Ġw 2:4). Ma nafux eżattament kif kompla d-djalogu bejn l-omm u l-iben iżda nafu biss li lill-qaddejja l-Madonna qaltilhom: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Il-fiduċja tagħha f’binha tant kienet kbira li l-appostli qaltilhom jagħmlu dak li hemm bżonn.

L-istorja kif jirrakkontahielna Ġwanni, tgħidilna li dawk is-sitt ġarar mimlija bi kwantità ta’ ilma għall-purifikazzjoni, ilma modest u umli, jitbiddel f’inbid il-ferħ u l-hena u bl-abbundanza, inbid ġdid u aqwa mill-inbid li kienu servew sa dakinhar.

L-Evanġlista jikkonkludi b’dan il-vers: “Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2:11). Fit-Tieġ ta’ Kana, Sidtna Marija mhux biss tieħu ħsieb l-għarajjes, mhux biss timbotta lill-għażiż binha biex juri l-qawwa tiegħu, imma tibda trawwem ukoll il-fidi tad-dixxipli u tal-appostli futuri f’binha Gesu. Hi l-istrument li ġġiegħel lill-Mulej juri l-glorja tiegħu u d-dixxipli emmnu fih.

Marija dejjem magħna

F’ħin minnhom il-Madonna ma nisimgħux iktar b’aħbarha. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann nerġgħu niltaqgħu magħha ħdejn is-salib ta’ binha, mingħajr l-appostli. Fl-Ort tal-Ġetsamani, meta s-suldati marru jarrestaw lil Ġesù, hu qabeż għalihom u lkoll telqu. Ġwanni jibqa’ jsegwih u minħabba fih Pietru wkoll jidħol fil-bitħa tal-Qassis il-Kbir u kif nafu, jgħaxxaqha għax jiċħad lil sidu l-Mulej għal darba, darbtejn, tlieta. Uħud mill-kummentaturi tal-Evanġelju jgħidu li l-ieħor, dak li biegħu għal 30 biċċa tal-fidda, ma kellux ix-xorti jiltaqa’ mal-ħarsa tal-Omm, u allura jispiċċa ħażin. L-oħrajn ħarbu, biss Marija tibqa’ ma’ binha taħt is-salib tiegħu, taħt is-salib tal-kundanna u tal-umiljazzjoni tiegħu. Magħha hemm id-dixxiplu l-maħbub, hemm oħtha, hemm Marija Maddalena u nisa twajba oħra.

“Imbierka inti fost in-nisa”. Innutaw li taħt is-salib ta’ Ġesù l-maġġoranza kienu nisa. Ġwanni kien hemm jirrappreżenta l-familja l-ġdida ta’ Ġesù u għalkemm kien hemm oħt Marija, Ġesù ma jafdax lil ommu lil oħtha imma jħares lejn id-dixxiplu u jgħidlu: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27), u jdur lejn ommu jgħidilha “Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19:26). Ġesù jagħżel familja ġdida għal ommu: jagħżel il-familja tagħna; jagħżel il-familja tagħna l-midinbin imma li aħna mimlija tama fil-maħfra li tagħna, “aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34) u fil-wegħda li ta fuq is-salib, “tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23:43). Fil-qawwa tiegħu li mis-salib imqaddes jiftħilna l-bieb tas-sema.

Marija ma tabbandunax lil dawk li abbandunaw lil binha imma tibqa’ magħhom fil-kamra ta’ fuq. Hi preżenti meta wara 40 jum il-Mulej jgħidilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu (Mt 28:18-19). San Mark jgħidilna li anke f’dak il-mument uħud mid-dixxipli qrib tiegħu ddubitawh imma hu, għalkemm ikkonfrontat min-nuqqas ta’ fidi tagħna, jibqa’ jafdana u jagħtina l-missjoni li aħna nitqabdu għall-kultura tal-ħajja f’isem il-Missier li ħalaqna, l-Iben li fdiena u l-Ispirtu s-Santu li jqaddisna. Aħna, miksija bid-dnubiet u d-dgħufija, aħna destinati u midluka biex inkunu ambaxxaturi tal-ħajja mill-bidu tal-ħajja sal-bidu nett sat-tmiem, kull fejn inkunu.

Sidtna Marija tirritorna mad-dixxipli ferħana lejn Ġerusalemm u miġburin magħha jitolbu l-miġja tal-Avukat li wiegħed binha, il-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Hi kienet magħhom fl-Għid il-Ħamsin; hi li l-Ispirtu s-Santu xeħet id-dell tiegħu fuqha u nislet l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Hi, li kienet preżenti fil-magħmudija bl-Ispirtu s-Santu tal-Knisja ta’ Ġesù u bi dritt taħt is-salib, fil-misteru ta’ Pentekoste, tissejjaħ Omm il-Knisja. Iva, l-appostli li Stefano Erardi pinġa madwar il-qabar vojt ta’ Marija, huwa xhieda mhux biss ta’ kemm il-Madonna ħadet ħsieb lill-appostli anke fil-mumenti ta’ dgħufija tagħhom, ta’ tradiment u ċaħda tagħhom, imma wkoll hu sinjal tal-imħabba tagħhom u tagħna magħhom lejn dik li hija “Imbierka fost in-nisa”.

Iż-żerriegħa tal-ħajja, tal-glorja, u tal-ġenna

Aħna nitolbu l-interċessjoni tagħha għal din il-laqgħa (sinodu) li l-Papa Franġisku sejjaħ għall-isqfijiet kollha ta’ madwar id-dinja, għal-lajċi u r-reliġjużi. Se nkunu madwar 350 persuna; biex tiftiehem bejn tnejn diġà diffiċli, immaġinaw biex tiftiehem bejn 350. Imma aħna nitolbu l-ħarsa ħanina tal-Omm biex hi, li flimkien mal-appostli kienet qisha kalamita għall-Ispirtu s-Santu, tiżgura li fost dak li se ngħidu jkun hemm dejjem l-imħabba lejn Ġesù u nisimgħu dejjem il-vuċi tal-Ispirtu Qaddis tal-Mulej.

Ejjew nitolbu wkoll l-intercessjoni ta’ Sidtna Marija biex aħna u nammiraw l-istatwa li ġiet rinnovata 75 sena ilu, nifhmu li dik il-ħarsa tagħha lejn is-sema, u nifhmu x’riedet tgħid fil-Magnificat: “għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja”.

L-umiltà tal-Madonna tgħallimna li meta nħarsu lejna nfusna u naraw il-limiti tagħna, ma naqtgħux qalbna. Il-Mulej, li jassigurana rebħa imma jgħidilna wkoll li għandna battalja x’nirbħu u x’nitqabdu kull jum ta’ ħajjitna, f’Marija tana sinjal ta’ tama li tgħidilna li l-fidi fih hija fidi samma, fidi vera.

“Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. 23Imma kulħadd skont kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu (1Kor 15:22-23). Jekk hemm xi ħadd li huwa ta’ Kristu hija ommu, wara Kristu aħna nħarsu lejn il-qabar tiegħu vojt u nħarsu lejha u qabarha vojt ukoll. Għakemm l-oqbra tagħna huma l-oqbra tat-tħassir, nemmnu wkoll li fihom ukoll iż-żerriegħa tal-ħajja, tal-glorja, u tal-ġenna. “Nemmen fil-qawma mill-imwiet.” U alllura, aħna u nissieltu għall-kultura tal-ħajja u l-imħabba, ejjew nifhmu li qegħdin hawn għal erbat ijiem; li kull jum huwa prezzjuż u li l-ħajja mhix ta’ min jaħliha imma ngawduha kull jum billi nagħmluh jum ta’ mħabba, jum ta’ qadi, jum ta’ ħajja. B’hekk, aħna nkunu wkoll ulied denji ta’ dik li bir-raġun illum, fis-Solennità tal-Għid tal-Assunta, ngħidulha “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!”

Viva Santa Marija!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Aktar ritratti