L-aħħar tislima lil Patri Elija Vella se tingħata nhar is-Sibt li ġej fil-Parroċċa ta’ Marija Addolorata f’San Pawl il-Baħar. Patri Elija, eżorċista u eks kappillan ta’ San Pawl il-Baħar, miet nhar it-Tnejn 10 ta’ Ottubru fl-età ta’ 81 sena. Qabel il-funeral, Patri Elija se jkun espost għall-qima tal-pubbliku l-Ġimgħa u s-Sibt filgħodu.

Il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru

Fl-3:45pm Jitlaq il-korteo funebri mill-Isptar Mater Dei lejn il-Parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar. Issir waqfa quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Burmarrad u jsir mument ta’ talb u tberik mill-Kappillan u l-Patrijiet tal-Komunità ta’ Burmarrad. Wara ssir waqfa quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-Qawra u jsir mument ta’ talb u tberik mill-Kappillan u l-Patrijiet tal-Komunità tal-Qawra.

Wasla San Pawl il-Baħar fil-5:30pm (ħdejn il-Museum tas-subien) u jibda korteo bis-sehem tal-patrijiet, fratelli u abbatini lejn il-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Addolorata. It-tebut jitpoġġa fl-kappella tal-kurċifiss fejn jkun espost.

Fis-6pm Quddiesa konċelebrata għal ruħu li fiha ssir it-talba tal-Għasar. Imexxi l-quddiesa l-Kappillan Patri Joseph Mamo. Jieħu sehem il-kor Parrokkjali Marija Addolorata. Il-Knisja Parrokkjali tibqa’ miftuħa sat-8pm fejn ikun espost għall-qima tal-poplu.

Is-Sibt 15 ta’ Ottubru: Jum il-Funeral

Il-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Addolorata tiftaħ fis-6:30am fejn ikun espost għall-qima tal-poplu fil-Kappella tal-Kurċifiss. Il-quddies tas-7am u tat-8am ma jsirux.

Fis-7:30am il-Komunità tal-Patrijiet tinġabar madwar it-tebut ta’ Patri Elija fil-Kappella tal-Kurċifiss u hemm jsir it-talb tal-Laudi.

Fid-9.30am issir quddiesa tal-funeral li titmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna u jipprietka l-Provinċjal Patri Colin Sammut OFM Conv. Wara l-quddiesa jsir korteo lejn iċ-ċimiterju tal-parroċċa bis-sehem tal-Banda San Pawl ta’ San Pawl il-Baħar. Wara ssir id-difna fil-kappella taċ-ċimiterju tal-parroċċa. Fiċ-ċimiterju jsir kant mill-membri tal-Moviment Kariżmatiku.

Għal dawk li ma jilħqux post fil-knisja se jsiru siġġijiet, speakers u monitors apposta fi Triq San Pawl biex wieħed jkun jista’ jsegwi l-quddiesa tal-funeral.

Il-quddiesa se tkun online fuq il-Facebook tal-parroċċa u fuq xejk Tv.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem,
id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu,
jistrieħ fil-paċi.
Ammen