L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fit-talba ta’ din il-festa għażiża, illum tlabna hekk bħala Maltin u Għawdxin: ‘Inti għoġbok, Mulej, li l-Appostlu Missierna San Pawl jara l-għarqa biex jiġi fostna u jxandrilna l-fidi, agħmel li nibqgħu dejjem irroddu ħajr għat-tħabrik u l-imħabba li hu wera magħna’.

Fir-riflessjonijiet tiegħi ta’ din is-sena nixtieq nieqfu ftit fuq il-frażi ‘l-imħabba li Pawlu wera magħna’ għax għan kbir ta’ din il-festa tant għażiża għalina hi propju li rroddu ħajr lil Alla tal-imħabba li wera magħna Pawlu ta’ Tarsu. Xi mħabba hi din? Ejjew naraw ħabsi mterter bil-bard għax l-Atti tal-Appostli li għadna kemm smajna, jgħidu: “Kienet qed tagħmel ix-xita u kien il-bard” (Atti 28:2). Ovvjament Pawlu jinnota l-laqgħa ta’ dan il-poplu li quddiem 276 nawfragu jagħmlu ħuġġieġa.

Aħna kburin bil-kliem li San Luqa jikteb li l-inħawi ta’ dawn il-gżejjer kienu mberkin b’nies ta’ qalbhom tajba li laqgħuhom “bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:1). Dan hu mod konkret li għandek kważi 300 ruħ li għadhom ġejjin minn nawfraġju kbir u tagħmlilhom ħuġġieġa. Imma nnutaw lil Pawlu, xi ħaġa li nnota ovvjament ukoll il-kbir San Ġwanni Krisostmu: ifittex il-ħatab u z-zkuk biex jitma’ din il-ħuġġieġa. Hu parti minn dawk li qed jieħdu ħsieb ħaddieħor. Fl-iskola ta’ Ġesù dan l-appostlu tgħallem li min irid ikun l-ewwel, irid ikun qaddej ta’ kulħadd.

Mitt sena ilu, propjament fl-1921, il-poeta nazzjonali kiteb sunett Petrarkjan. Irrid nammetti li mill-ħafna poeżiji li Dun Karm kiteb kull sena lil Pawlu fl-10 ta’ Frar, għandu xi 17-il waħda, dan hu wieħed mill-favoriti tiegħi:

Nistħajjel, meta ġejt fix-xtajta tagħna
mixħut mil-qilla ta’ taqliba kbira
u fhimt il-ħniena li ried jagħmel magħna
dak li tal-ġrajja jaħdem it-tiswira.

U rajt b’għajnek il-ħila, it-tjieba,
il-għana ta’ qalb li kellha n-nies ta’ din il-gżira
u l-fehma tal-azzar li jekk tistgħana
bil-ħaqq u s-sewwa qatt ma terġa’ fqira.

Int, missierna Pawlu sraqt minn qalbek
l-isbaħ xrara tan-nar l-aktar qawwija
u laqqamt biha qlub missirijietna
u ħadet it-tilqima kif ridt f’talbek.

Tħalltet ma demmna u mija wara mija
rebħet is-snin u għadha nar bejnietna.

Mitt sena ilu kienet is-sena li l-poplu beda jiggverna lilna nfusna fl-affarijiet interni, u li kellna l-Kostituzzjoni tal-1921. Bħal-lum 100 sena l-Maltin kienu qed jitħabtu, jinnegozjaw bejniethom stess biex l-ewwel liġi li jgħaddu tkun dik li tiddikjara r-reliġjon ta’ Malta bħala r-reliġjon Kattolika għax l-Ingliżi ma riduhiex fil-Kostituzzjoni. B’dan il-kuntest Pawlu ma jitkellimx fuq il-bandiera bajda u ħamra, jitkellem fuq xrara mill-qalb ta’ Pawlu li tlaqqmet fil-qalb tagħna. U sejħilha “nar li għadu jħeġġeġ bejnietna”.

U din id-domanda li nixtieq nagħmel lil kull wieħed u waħda minna. Din ix-xrara li Dun Karm jimmaġina ħierġa mill-qalb ta’ Pawlu biex titlaqqam fil-qalb tagħna, għadha nar ta’ mħabba bejnietna?

Meta jikteb it-Tieni Ittra tiegħu lill-Korintin Pawlu jitkellem dwar l-imħabba li hemm fil-qalb tiegħu. Isejħilha l-imħabba ta’ Kristu li  ġġiegħelna naħsbu dan: li wieħed Ġesù Kristu miet għal kulħadd u miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.

It-tradizzjonijiet, il-kultura tagħna, il-letteratura u l-arti tagħna li huma mlaqqmin fil-Kristjaneżmu, għadhom espressjoni tal-imħabba ta’ bejnietna?

Hu jitkellem dwar qadi, ministeru, servizz, li hu jsejjaħlu s-servizz tal-ħbiberija. U minn fejn ġej dan is-servizz ta’ ħbiberija li jħoss fil-qalb tiegħu l-Appostlu Missierna? Ġej mil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù. “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu,” jgħid, “isir ħolqien ġdid. Il-qadim għadda u daħal il-ġdid. Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla”.

Hu jinsisti fuq dan il-misteru kbir li hu wkoll ministeru ta’ ħbiberija. Donnu qed jgħidilna tridu tassew tħobbu ’l xulxin? Ibdew irringrazzjaw lil Alla ta’ kemm iħobbkom. Ħobbu lilkom infuskom għax dak hu s-sens ta’ gratitudni ta’ min int, ta’ min aħna. U qisu li bejnietkom tħaddmu u tħaddnu dan il-ministeru ta’ ħbiberija. Hemm traduzzjonijiet oħrajn li jgħidu ‘rikonċiljazzjoni’. Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu, jgħid, bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna. Nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu. Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu. Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina biex insiru fih ġustizzja ta’ Alla.

L-imħabba li għallimna Pawlu hi mibnija fuq il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Ejjew nagħrblu lilna nfusna. It-tradizzjonijiet, il-kultura tagħna, il-letteratura u l-arti tagħna li huma mlaqqmin fil-Kristjaneżmu, għadhom espressjoni tal-imħabba ta’ bejnietna? Qegħdin iwassluna għall-imħabba ta’ bejnietna?

“L-imħabba ta’ Kristu ssuqna”. Għal min jiftakar xi paniġierku antik bħal-lum, Caritas Christi urget nos, ‘l-imħabba ta’ Kristu ssuqna’, timbuttana. Għaliex? Biex niftakru li Alla ħabbna, bagħat lil ibnu fid-dinja biex jifdina.

Lir-Rumani, Pawlu jitkellem ukoll dwar l-imħabba, u jgħidilhom: “L-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna. Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. Meta konna għadna għedewwa ta’ Alla,” jgħid, “Alla ħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu. Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu li permezz tiegħu ksibna din il-ħbiberija”.

Fl-Ewwel Ittra li kiteb lill-Korintin jispjegalna x’inhi din l-imħabba b’mod konkret. Min jaf kemm-il darba morna xi tieġ u t-tieni qari li jagħżlu l-għarajjes ikun l-innu tal-imħabba li jagħtina l-Appostlu Missierna ll-Ewwel Ittra lill-Korintin vers 13. Jekk jinsewhiex jew le din il-qari wara t-tieġ, ma nafx, imma meta tara l-lista ta’ dik li tfisser l-imħabba skont San Pawl, tara li mhix xi ħaġa astratta, hi konkreta ħafna. L-ewwel nett jgħid li l-imħabba tagħti t-togħma tajba lil kollox.  

“Li kont nitkellem b’ilsna tal-bnedmin u tal-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ramm iżarżar jew platti jċekċku, u li kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteru tal-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li tqanqal il-muntanji imma ma kellix l-imħabba, jien ma kont inkun xejn”.

Min jaf kemm-il darba smajtu xi prietka u minflok toħroġ serħan u mistrieħ, tħossok imsawwat u mkissser. Ikun veru bniedem għaref imma nistaqsi lili nnifsi, lilna, kien hemm imħabba fil-kelma li tajt? Anke jekk kienet kelma ta’ twiddib? “Li kieku kelli naqsam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid”. Xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid. Hi l-imħabba li tagħti togħma lill-ħajja, hi l-imħabba li tagħmel il-fidi, il-predikazzjoni, l-għemejjel tajbin – veri ġusti, veri tajbin.

Min iħobbok ma jkissrekx, min iħobbok jerfgħek, jagħtik il-ħajja mill-ġdid

Imbagħad jgħidilna x’inhi konkretament l-imħabba. “L-imħabba taf tistabar u  tħenn, l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tagħmilx dak li mhux xieraq, ma tfittix dak li hu tagħha. Xejn ma tinkorla, ma żżommx f’qalbha d-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja imma tifraħ bil-verità. Kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt”.

Il-Papa Franġisku fl-2016 tana kummentarju sabiħ ħafna fuq dan l-innu lill-imħabba li jagħtina l-Appostlu Missierna. Kiteb, kif tafu, eżortazzjoni appostolika sabiħa dwar il-ferħ tal-imħabba u ddedikaha għall-familji kollha, għall-miżżewġin kollha Amoris Laetitia. U dan id-dokument, din il-kitba sabiħa ħafna tal-Papa Franġisku, iffirmata fid-19 ta’ Marzu 2016, għandha kapitlu sħiħ fejn il-Papa jispjega dan il-kliem għażiż tal-Appostlu Missierna.

Ħa nieħdu s-sabar. Jgħid: “Is-sabar jidher meta l-persuna ma tħallix is-sentimenti tal-mument ikaxkruha u taħrab il-korla. Is-sabar ta’ Alla u t-tħaddim tal-ħniena tiegħu mal-midneb u jikxef il-vera setgħa li għandu. Is-sabar hu l-paċenzja, hu li tagħlaq għajnejk – il-ġenituri jafu x’jiġifieri kultant ikollok tagħlaqhom it-tnejn – u taħfer u tagħder.

Jitkellem ukoll dwar l-imġiba tajba. Xi tfisser? Għax l-imħabba tagħmel il-ġid lill-oħrajn u tara kif terfagħhom. Min iħobbok ma jkissrekx, min iħobbok jerfgħek, jagħtik il-ħajja mill-ġdid. U jgħid li tħobb bil-Lhudi tfisser li tagħmel il-ġid. Anke bit-Taljan jgħidu ti voglio bene, irridlek il-ġid.

“L-imħabba mhijiex għajjura”. Fl-imħabba m’hemmx lok li wieħed jissogħbih minħabba fil-ġid ta’ ħaddieħor. Għax dik hi l-għira: jissogħbija għal ġid li għandek. Waqt li l-imħabba tridna noħorġu minna nfusna, l-għira twassalna biex noqogħdu nduru mal-jien tagħna.

Il-Papa – nissuġġerilkom taqrawh bil-kwiet dan il-kapitlu 4 ta’ Amoris Laetitia – jitkellem dwar bl-imħabba li ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx għax dak ikun meta wieħed moħħu biex juri li hu superjuri, biex jimpressjona lill-oħrajn b’imġiba ta’ min jaħseb li jaf kollox. U għalhekk isir aggressiv. Imma min iħobb mhux biss joqgħod lura milli jpaċpaċ iżżejjed fuqu nnifsu imma fuq kollox billi hu interessat fl-oħrajn, jaf fejn hu postu, bla ma jippretendi li jkun hu fiċ-ċentru. Hi bil-maqlub tal-kultura l-ewwel jien, it-tieni jien, it-tielet jien u jekk jibqa’ jien.

“L-imħabba ma tagħmilx dak li mhux xieraq”. Min jaf x’naħsbu meta nisimgħu din l-espressjoni ta’ San Pawl imma l-Papa jinsisti li dak li qed jgħid l-Appostlu Missierna hu li l-imħabba tgħallmek iġġib ruħek ta’ nies. Allura f’kull aspett. Il-korteżija, jgħid, hi skola ta’ sensibbiltà u ġenerożità. Li titlob lill-persuna li tieħu ħsieb tal-menti u s-sensi tagħha, li titgħallem tisma’, titkellem u f’ċerti mumenti tiskot. Li jimxi bi mħabba ħelwa, mhux stil li Nisrani jista’ jagħżel jew ma jagħżilx, hi parti essenzjali tal-imħabba: li timxi bi mħabba u bi ħlewwa.

Biex inkunu lesti għal-lagħa vera mal-ieħor hemm bżonn dik il-ħarsa ta’ mħabba li tistrieħ fuqu. Dan mhux possibbli fejn hemm isaltan pessimiżmu li aktar jiffoka fuq id-difetti u l-iżbalji ta’ ħaddieħor, forsi biex jagħmel tajjeb għal dak li hemm nieqes fih. Ħarsa ta’ mħabba ma tħalliniex nieqfu żżejjed fuq il-limiti ta’ ħaddieħor u hekk nistgħu naċċettawh kif inhu u nixxierku fi proġett komuni anke jekk aħna differenti. L-imħabba li timxi bil-ħlewwa tnissel rabtiet, tħożż l-għaqda, toħloq xbieki ġodda ta’ integrazzjoni, issejjes strutturi soċjali b’saħħithom.

L-imħabba hi dik li tilliberana. Fl-imħabba hemm il-libertà. Għalhekk ma ningħalaqx fija nnifsi imma min jiltaqa’ miegħi bid-don tal-imħabba jħossu liberu li jagħti ħajtu. Għalhekk l-imħabba taf kif tmur lil hemm mill-ġustizzja u tingħata kollha kemm hi b’xejn bla ma tistenna xi ħaġa lura sa ma tilħaq l-ogħla mħabba, li hi ta min jagħti ħajtu għall-oħrajn. Min jaf kemm ġenituri jgħixuha din il-kelma u aħna ma nafux bihom. Il-Mulej jaf bihom. Min jaf kemm ommijiet qalbhom maqsuma minħabba wliedhom, min jaf kemm missirijiet inkwetati minħabba l-futur tax-xogħol tagħhom, qed jagħtu ħajjithom kuljum.

Hawnhekk għandi quddiemi nies li qed jagħtu ħajjithom fil-qadi tas-soċjetà u nieħu l-opportunità biex insellimlek, għażiż President ta’ Malta, lilek Prim Ministru, lilek ukoll President tal-Parlament Ewopew, il-Prim Imħallef, il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Ministri, lil tant personalitajiet distinti. Il-mistoqsija li nagħmlu llum aħna u nogħxew u nirringrazzjaw ’l Alla tax-xrara li l-Mulej poġġa f’qalbna permezz tal-Appostlu Missierna: hi din ix-xrara ta’ mħabba ta’ bejnietna? Qegħdin inkebbsuha? Jew nonfħulha biex tintefa kemm jista’ jkun malajr?

“L-imħabba taħfer”. Mhix li tinsa l-inġustizzja jew ma tfittixx l-ġustizzja imma l-imħabba twassal lill-maħfra tkun għas-servizz tal-verità. Illum nafu li biex tista’ taħfer trid tgħaddi mill-esperjenza ħelliesa li tifhem u taħfer lilek innifsek. Kemm drabi l-iżbalji tagħna jew il-ħarsa kritika tal-persuna li nħobbu wassluna biex tlifna tagħna nfusna? Dan fl-aħħar mill-aħħar iwassalna biex inżommu lura billi nidħlu f’relazzjonijiet mal-oħrajn, naħarbu mill-imħabba u nimtlew bil-biża’ fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Għalhekk donna nistrieħu meta nixħtu l-ħtija fuq l-oħrajn imma nkunu qed nitqarrqu. Jeħtieġ nitolbu fuq l-istorja tagħna, naċċertaw lilna nfusna, nagħrfu ngħixu bil-limiti tagħna, u anke naħfru lilna nfusna biex hekk nistgħu nimxu b’din l-istess imġiba mal-oħrajn.

Imma qabel dan, dan jitlob l-esperjenza li niġu maħfura minn Alla, iġġustifikati b’xejn u mingħajr ebda mertu tagħna. Jekk naċċettaw li l-imħabba ta’ Alla hi bla kundizzjonijiet, li l-għożża li għandu l-Missier għalina, la tinxtara u lanqas tħallas għaliha, hi b’xejn il-maħfra ta’ Alla, allura nkunu nistgħu nħobbu lil hemm minn kull ħaġa, naħfru lill-oħrajn imqar jekk kienu inġusti magħna.

“L-imħabba tifraħ mal-oħrajn”. Għax l-imħabba tithenna mhux biss bit-tajjeb ta’ dak li jkun imma bit-tajjeb ta’ kulħadd, tithenna għall-ġid tal-ieħor, meta tiġi magħrufa d-dinjità tiegħu, meta jiġu apprezzati l-ħiliet u l-għemejjel tajba tiegħu. “Kollox temmen, kollox tagħder, kollox tittama, kollox tissaporti”. Xi tfisser kollox tagħder? Dan it-twemmin għandu x’jaqsam mal-użu tal-ilsien. Jista’ jfisser nżommu siekta dwar in-negattiv li jista’ jkun hemm fil-persuna l-oħra. Jimplika li nillimitaw il-ġudizzju tagħna, inrażżnu l-inklinazzjoni tagħna li nikkundannaw b’mod iebes u bla ħniena. Il-Papa jitkellem ukoll dwar il-malafama. Ta’ min nixtarruh il-kliem li jgħid il-Papa fuq il-malafama.

“Kollox temmen” xi tfisser?  Li tibla’ kollox bħal mazzun? Le, imma li tafda, l-imħabba tafda. Din l-istess fiduċja tagħmel possibbli relazzjoni ta’ libertà. M’hemmx bżonn nikkontrollaw lill-ieħor, li noqogħdu nsegwu kull pass tiegħu biex nevitaw li jaħarbilna minn taħt idejna. L-imħabba tafda, tħalli fil-libertà, ma tridx tikkontrolla kollox, tipposedi, taħkem taħtha.

L-imħabba ttittama. Dan ifisser li fl-imħabba hemm dan l-ottimiżmu li nistgħu nkunu aħjar.  Nixtieq insellem lil kull min fis-soċjetà anke b’sagrifiċċju personali għax qatt ma tilef it-tama, jaħdem għall-ġustizzja, jaħdem għal-libertà, jaħdem għal-libertà tal-espressjoni, jaħdem fil-qasam soċjali biex iż-żgħażagħ tagħna jintrefgħu minn kull vizzju, minn kull periklu. Dawn huma nies ta’ tama, dawn huma nies ta’ mħabba.

L-imħabba taf kif tmur lil hemm mill-ġustizzja u tingħata kollha kemm hi b’xejn bla ma tistenna xi ħaġa lura sa ma tilħaq l-ogħla mħabba, li hi ta min jagħti ħajtu għall-oħrajn

“L-imħabba kollox tissaporti”. U l-Papa hawnhekk jikkwota lil Martin Luther King għaliex li tissaporti tfisser li inti taqla’ ġo l-istonku u ma xxejjirx bil-ponn. Mhix faċli. Martin Luther King qal hekk: mibegħda għal mibegħda iktar ħa żżid l-eżistenza tal-mibegħda u tal-ħażen fl-univers. Jekk jien inweġġgħek u int tweġġagħni, u jien nagħtik daqqa lura u inti tagħtini oħra lura, u nibqgħu sejrin hekk, hu ċar li se nibqgħu sejrin hekk għal dejjem. Sempliċiment ma tieqaf qatt. Xi mkien xi ħadd irid ikollu biżżejjed sens u dik tkun il-veru persuna b’saħħitha, il-persuna b’saħħitha, il-persuna li kapaċi tfarrak il-katina ta’ mibegħda u tal-ħażen. Xi ħadd irrid ikun li jkollu biżżejjed fidi u moralità biex ifarrakha u jixħet fl-istess struttura tal-univers l-element qawwi u setgħan tal-imħabba.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna għalkemm pajjiż ċkejken inkunu dan l-element pożittiv. Imma mhux biss bil-kiem biss, anke bl-eżempju tagħna. Aħna kontinwament pereżempju fuq il-kwestjoni tal-emigranti nitolbu s-solidarjeta tal-Ewropa u għandna d-dritt nagħmlu hekk. Imma aħna rridu nkun minn tal-ewwel li jekk ikun hemm xi ħadd fil-periklu tal-għarqa bħalma kienu dawn il-276 persuna nagħtuhom l-assistenza. U hekk ikollna iżjed dritt ninsistu li aħna ma nistgħux nitħallew weħidna, li aħna l-imħabba tagħna hi konkreta u titlob u tattira s-solidarjetà, l-imħabba konkreta tal-oħrajn.

Fl-1923 l-għażiż poeta nazzjonali Dun Karm fil-poeżija li għamel għal bħal-lum irrifletta fuq ir-rabta bejn Malta u Pawlu:

Malta u Pawlu, min jifridhom?
Ħadd, jixhduh iż-żminijiet.
L-ebda qawwa ma taf tħollu
dak li ntrabat fis-smewwiet.

F’xatt il-baħar taħt l-irwiefen,
huma ltaqgħu ma’ xulxin.
Ħarsu, ftiehmu, qalbhom xegħlet
it-tnejn baqgħu mirbuħin.

Biddlu kelma Pawlu u Malta,
kelma taħraq bħal nirien,
‘Binti,’ qal il-kbir appostlu,
‘Missier,’ wieġbet Malta, ‘hawn jien’.

U fil-mixja dewwemija
ta’ mijiet u eluf ta’ snin,
Malta u Pawlu ferħ jew niket
baqgħu dejjem ma’ xulxin.

Malta u Pawlu min jifridhom?
Ħadd, jixhduh iż-żminijiet.
L-ebda qawwa ma taf tħollu
dak li ntrabat fis-smewwiet.

Viva San Pawl!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 14:3-7
Salm: 107:21-31
Qari II: Atti  27:16-44; 28:1-10
L-Evanġelju: Mk 16:15-20


It-tħabbira tal-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku f’Malta

Il‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku jilqa’ l‑istedina tal‑President tar‑Repubblika ta’ Malta, tal‑awtoritajiet ċivili u tal‑Knisja Kattolika tal‑pajjiż, u ser jagħmel Vjaġġ Appostoliku f’Malta u Għawdex fit‑2 u 3 ta’ April 2022. 

Il‑Papa se jżur il‑Belt Valletta, ir‑Rabat, il‑Furjana u Ħal Far, u l‑gżira ta’ Għawdex. Il‑programm u dettalji oħra tal‑vjaġġ se jitħabbru aktar ’il quddiem.