• Bejn is‑Sibt 25 u t‑Tnejn 27 ta’ Marzu 2017, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna iltaqa’ ma residenti u familji li jgħixu fil‑Parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi, fosthom dawk li joffru servizz fil‑gruppi u l‑għaqdiet tal‑parroċċa, u familji f’sitwazzjonijiet partikolari. Kienet għażla ta’ Monsinjur Arċisqof li l‑Viżta Pastorali tiegħu fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta tibda minn din il‑parroċċa. 

    Il‑Viżta Pastorali bdiet is‑Sibt 25 ta’ Marzu biċ‑ċelebrazzjoni tal‑Quddiesa fil‑Knisja Parrokkjali, u wara l‑Arċisqof ltaqa’ man‑nies fuq iz‑zuntier tal‑Knisja. Qabel  il‑Quddiesa, l‑Arċisqof amministra s‑sagrament tal‑Qrar.

    Il‑Ħadd 26 ta’ Marzu, l‑Arċisqof kellu laqgħa ta’ djalogu mal‑katekisti, u wara ltaqa’ mal‑membri tal‑Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi u mar‑rappreżentanti tas‑soċjetà ċivili. Filgħodu ċċelebra Quddiesa bis‑sehem tat‑tfal tal‑parroċċa, u wara li ltaqa’ ma’ dawk preżenti, qagħad għall‑ikel mas‑saċerdoti tal‑parroċċa. Filgħaxija, l‑Arċisqof kellu laqgħa ta’ djalogu maż‑żgħażagħ tal‑parroċċa u mal‑Iscouts ta’ Ħal Qormi.

    It‑Tnejn 27 ta’ Marzu, filgħaxija, l‑Arċisqof kellu l‑opportunità jiltaqa’ mal‑adoloxxenti tal‑parroċċa li qed iħejju għas‑sagrament tal‑Griżma, mal‑operaturi pastorali tal‑parroċċa u mas‑sorijiet Agostinjani. Matul dawn il‑laqgħat, l‑Arċisqof kien akkumpanjat mid‑delegati tiegħu u mill‑kappillan tal‑parroċċa, Dun Joseph Buhagiar.

    Jekk jiena u nitratta ma’ ħuti l‑bnedmin m’hemmx tjieba fija, għadni fid‑dlam, jekk jiena ma’ ħuti l‑bnedmin ma nimxix bil‑ġustizzja, fija għad hemm id‑dlam, jekk jiena ma’ ħuti l‑bnedmin ma nimxix bil‑verità, fija għad hemm id‑dlam.

    Fl‑omelija waqt iċ‑ċelebrazzjoni tal‑ftuħ tal‑Viżta Pastorali, l‑Arċisqof tkellem dwar it‑tjieba, il‑ġustizja u l‑verità, li l‑Appostlu Missierna San Pawl isemmi fl‑Ittra tiegħu lill‑Efesin. L‑Arċisqof qal li n‑Nisrani jrid ikejjel l‑qalb tiegħu b’dawn it‑tliet atteġġjamenti. “Jekk jiena u nitratta ma’ ħuti l‑bnedmin m’hemmx tjieba fija, għadni fid‑dlam, jekk jiena ma’ ħuti l‑bnedmin ma nimxix bil‑ġustizzja, fija għad hemm id‑dlam, jekk jiena ma’ ħuti l‑bnedmin ma nimxix bil‑verità, fija għad hemm id‑dlam. Fir‑Randan, aħna li aħna dgħajfin u li kultant id‑dlam jogħġobna iżjed mid‑dawl, nitolbu lill‑Mulej jippurifikana billi jnissel fina t‑tjieba, il‑ġustizzja u l‑verita.”

    Il‑Viżta Pastorali tal‑Arċisqof kienet tinkludi wkoll laqgħat ma’ familji li jgħixu f’Ħal Qormi u li qed jiffaċċjaw sfidi soċjali u koppja f’realtà pastorali partikolari. Fil‑jiem li ġejjin, l‑Arċisqof ser jiltaqa’ wkoll ma’ tfal minn ambjenti soċjali diffiċli, li jgħixu f’dar tal‑Aġenzija Appoġġ.  


    Agħfas hawn għal iktar ritratti tal-Viżta Pastorali tal-Arċisqof fil-Parroċċa ta’ San Sebastjan Ħal Qormi.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja