-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
31 ta’ Marzu 2018“Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda” (Mk 16, 5). In-nisa twajba: Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Salomi, ma kinux qed jistennew din il-laqgħa ma’ raġel żagħżugħ.
Hekk kif sebaħ l-ewwel jum tal-ġimgħa, wara li kien għadda Sibt il-Għid, kienu qed jistennew li jaraw qabar b’ġebla kbira tgħattih u kellhom din il-problema: ‘Min se jgerrbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?’ (v. 3). U fil-qabar ippretendew li jsibu katavru; kienu xtraw xi fwejjaħ biex ikunu jistgħu jidilku l-ġisem mejjet ta’ Ġesù Ma kinux ippreparati li meta jidħlu fil-qabar jiltaqgħu ma’ żagħżugħ liebes libsa bajda.
Bir-raġun inħasdu! Bħalma taħsadna r-realtà tal-irxoxt tal-Mulej, iżjed ma naħsbu dwarha. Dan huwa avveniment li ġara tassew. Aħna nemmnu fih għaliex m’aħniex xhieda diretti tiegħu; it-twemmin fih jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra ta’ Nsara. It-twemmin f’dan l-avveniment, f’dan il-mument storiku, jagħmel minna dak li aħna, jagħti s-sinifikat tat-twemmin tagħna f’Ġesù ta’ Nazaret, Sultan tal-Lhud.
L-Appostlu Missierna jgħidilna ċar u tond: “Jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom” (1Kor:15:14), ħela ta’ żmien u battikati għalxejn. Imma li tkun Nisrani u li tinkedd biex tkun u għaliex tkun Nisrani, jagħmel sens fl-isfond tar-rebħa ta’ Ġesù. Mhijiex rebħa li tumilja lill-għedewwa tiegħu. Ix-xhieda jaraw qabar vojt u min ma riedx jemmen kellu kull opportunità jivvinta alternattiva oħra għall-qabar vojt.
Imma llum nixtieq li nieqaf fuq dan iż-żagħżugħ, fuq dan ir-raġel “żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda”. Huwa żagħżugħ għax illum tiġġedded iż-żgħożija tal-Knisja; huwa żagħżugħ għaliex il-messaġġ tal-irxoxt tal-Mulej iġedded l-univers, jagħti iż-żgħożija fejn hemm il-qedem, l-għajja u d-depressjoni u jimliena bl-entużjażmu, bil-kompassjoni, bil-ġenerożità tant naturali għaż-żgħażagħ.
Żagħżugħ kalm, “bilqiegħda n-naħa tal-lemin”. Mhuwiex f’attakk ta’ paniku dan iż-żagħżugħ; huwa messaġġier ta’ aħbar tajba “liebes libsa bajda”. Dik il-libsa bajda li tfakkarna fit-trasfigurazzjoni tal-Mulej meta fuq il-muntanja qaddisa quddiem it-tliet xhieda: “Wiċċu sar abjad bħax-xemx, ilbiesu saru bojod bħas-silġ” (ara Mt 17, 2). Tfakkarna fil-libsa bajda li ħadna fil-Magħmudija.
Dear catechumens, most of you are not Maltese, you come from different countries but you have met Jesus Christ on our Islands and today you will become Christians through Baptism. You will pass from sin to grace, from death to life. You are invited to meet the young man and the empty tomb clothed in white. And you will receive the white garment of Baptism as a memorial of the fact that you die in the death of Jesus and you rise again in the mystery of the resurrection. We welcome you as you become Christians, as we welcome one of your dear brothers who today will be confirmed with the gift of the Holy Spirit.
Aħna llum nifirħu b’dawn l-Insara ġodda li ġejjin mill-erba’ rkejjen tad-dinja, minn kulturi differenti — uħud minnhom diġà jitkellmu bil-Malti wkoll — imma llum jitkellmu l-istess lingwa tal-fidi tagħna. Illum jiċħdu lix-xitan u jilqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħhom, jilqgħu lil Alla li huwa l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, u jsiru membri tal-Knisja qaddisa tiegħu.
Aħna lkoll li ħafna drabi jkollna nostalġija għall-qabar mimli bit-taħsir ta’ din id-dinja, jkollna nostalġija għad-dipendenzi tagħna, għad-dnubiet tagħna. Kif kantajna fl-Exultet: imsejħin li nersqu lejn il-qdusija, ninfatmu mid-dnub u nilbsu mill-ġdid il-libsa bajda tal-Magħmudija. Aħna magħhom inġeddu ċ-ċaħda ta’ dak kollu li hu ħażin, ta’ dak kollu li hu korrott, ta’ dak kollu li hu mħassar, u nġeddu l-fidi tagħna fil-qawwa tal-imħabba, fil-maħfra, fir-rikonċiljazzjoni, inġeddu l-fidi tagħna fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu.
“Morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilhom: tarawh hemmhekk kif kien qalilkom” (Mt 16, 7). Aħna llum ningħaqdu ma’ Pietru, aħna u nfittxu biex nilmħu lil Ġesù, niltaqgħu miegħu, nisimgħu l-kelma tiegpħu. Aħna llum nifirħu li aħna parti minn familja kbira, familja verament Kattolika, universali.
L-ebda Nisrani qatt ma jista’ jħossu waħdu jew abbandunat għax il-familja tagħna hija kbira u ħallihom iħabbtu l-ħalel, għax il-Mulej wegħdna li s-setgħat tal-infern ma jegħlbux il-komunità tagħna. Il-Knisja tiegħu hi mibnija fuq il-blata li hi Pietru. “Morru għidu lid-dixxipli tiegħu u lil Pietru li l-Mulej sejjer il-Galilija qabilhom”.
Il-Galilija ġġib in-nostalġija tal-ewwel sejħa: iġġib in-nostalġija tal-fejqan tat-tifla ta’ Ġajru, tat-trasfigurazzjoni. Il-Galilija hija l-Galilija tal-ġnus. Hemmhekk il-Mulej jiltaqa’ magħna. Illum il-ġnus fil-katekumeni għeżież tagħna ġew hawnhekk jitolbu l-Magħmudija, nilqghuhom u nifirħulhom.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 1, 1 – 2, 2
Salm: 32 (33), 4-5.6-7.12-13.20.22
Qari II: Ġen 22,1-18
Salm: Salm 15 (16), 5.8.9-10.11
Qari III: Eż 14, 15 – 15,1
Salm: Eż 15, 1-2.3-4.5-6.17-18
Qari IV: Is 54, 5-14
Salm: 29 (30), 2.4.5-6.11.12a.13b
Qari V: Is 55, 1-11
Salm: Is 12, 2-3.4bċd. 5-6
Qari VI: Bar 3, 9-15.32 – 4,4
Salm: 18 (19), 8.9.10.11
Qari VII: Eżek 36, 16-17a.18-28
Salm:50 (51), 12-13.14-15.18-19
Epistola:Rum 6, 3-11
Salm:17 (118), 1-2.16ab-17.22-23
Evanġelju: Mk 16, 1-7
-
-
-
-
-
-
-
-
-
-
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace