L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fit-3 ta’ Ottubru li għadda tas-sena 2020, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku tana dokument ġdid li huwa l-iżjed dokument riċenti fis-sensiela ta’ dokumenti prezzjużi u għeżież li s-suċċessuri ta’ Pietru tawna fid-duttrina soċjali tal-Knisja. Din is-serje bdiet fl-1891 mill-Papa Ljun XIII bl-enċiklika Rerum Novarum u diversi papiet matul is-snin f’dawn l-aħħar seklu u nofs komplew iżidu mat-tagħlim soċjali tal-Knisja.

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa, hu u jħares lejn id-dinja tal-lum, ħass li jagħti profezija fuq il-fratellanza, fuq li aħna lkoll aħwa. Aħna lkoll aħwa tal-istess Missier. Mhux ta’ b’xejn meta d-dixxipli talbu lil Ġesù jagħtihom it-talba tiegħu, tana t-talba li tibda bil-kelma ‘Missierna’. Jekk aħna lil Alla, fl-iskola ta’ Ġesù, insejħulu ‘Missier’, mhux missieri imma ‘Missierna’, dak ifisser li aħna għandna l-istess missier u għalhekk aħna aħwa.

Id-dellijiet ta’ dinja magħluqa

Il-Papa Franġisku fil-fatt beda dan id-dokument ġdid, frisk, b’żewġ kelmiet li kien użahom San Franġisk t’Assisi biex jindirizza lill-aħwa tiegħu: Fratelli tutti, aħna lkoll aħwa. Il-Papa jħares lejn id-dellijiet ta’ din id-dinja tal-lum u jara fiha nuqqas ta’ tama u qtigħ il-qalb. Jara wkoll firdiet kbar; jara wkoll dak li hu ħafna drabi jsejjaħ “il-kultura tal-iskart”. Uħud minn ħutna donnhom m’għandhomx l-istess valur daqs ħaddieħor u jistgħu jiġu mormija skont kif wieħed jidhirlu u jaqbillu. Il-Papa mhux qed jgħid biss għat-tarbija fil-ġuf, għax il-kultura tal-ħajja mhix kwistjoni tat-tnissil u tal-mewt, imma hija għall-ħajja kollha. Meta s-soċjetà tinsisti li tirrispetta l-ħajja, qiegħda timpenja ruħha li tirrispetta l-ħajja mill-bidu tagħha – mit-tnissil, sal-mument tal-mewt naturali ta’ dak li jkun imma wkoll li nieħdu ħsieb xulxin fl-intervall bejn it-tnissil u l-mewt.

Il-Papa wkoll jara nuqqas ta’ ugwaljanza fid-drittijiet u ta’ min ifaħħar is-soċjetà li tinsisti fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza tad-drittijiet għall-membri kollha tas-soċjetà. Jara wkoll donnu nuqqas ta’ etika u d-dgħajfin tal-valuri spiritwali meta aħna nitkellmu fuq il-politika fuq kif għandna ngħixu flimkien.

Il-Papa ma jħarisx biss lejn dawn l-aspetti li hu jsejħilhom “id-dellijiet ta’ dinja magħluqa” (ara Fratelli Tutti, kapitlu 1) imma jitkellem ukoll dwar mediċina għal dan l-għeluq. X’inhuma ż-żewġ risposti li qed jissuġġerixxi l-Papa u li huma l-qafas ta’ dan id-dokument sabiħ li nirċevuh illum fil-festa ta’ Kristu Re aħna u nisimgħu lil Ġesù jgħidilna: “Kulma tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, qegħdin tagħmluh miegħi”? (Mt 25:40) għax aħna m’aħniex biss aħwa ta’ xulxin imma s-Sultan tal-Ħolqien Kollu, il-maħbub Ġesù, iqisna wkoll aħwa tiegħu. Hu jqis aħwa tiegħu lill-bnedmin kollha. Fix-xena tal-kapitlu 25 ta’ San Mattew, li d-djaknu ħabbar mill-Evanġelju tal-lum, quddiem il-Mulej jidhru u jiltaqgħu l-ġnus kollha bla ebda distinzjoni ta’ razza, ta’ pajjiż, ta’ kulur, u ta’ orjentament sesswali. Kulħadd se jiġi ġġudikat fuq kriterju wieħed: il-kriterju tal-imħabba.

Alla, jgħid il-Papa, ikompli jiżra’ fl-umanità ż-żerriegħa tat-tajjeb. Ma nistgħu qatt naqtgħu qalbna mill-umanità. Din hi t-tama tagħna: li Alla fil-qalb ta’ kull bniedem ikompli jiżra’ ż-żerriegħa tat-tajjeb. It-tajjeb, l-imħabba, il-ġustizzja u s-solidarjetà mhumiex kliem fieragħ li ngħidu fl-okkażjonijiet solenni imma l-Papa jridu jkunu l-aġenda ta’ kuljum għal kull wieħed u waħda minna. It-tama taf tara li hemm mill-kumdità li tjassarna u hekk nistgħu ninfetħu għal ideali għoljin.

Il-bniedem isib il-ferħ, il-paċi u l-milja ta’ ħajtu meta jingħata għall-oħrajn.

Barrani fit-triq

Fit-tieni kapitlu ta’ dan id-dokument, il-Papa Franġisku jagħti riflessjoni profonda u sabiħa fuq il-parabbola tas-samaritan it-tajjeb u jwissina li l-periklu kbir li jista’ jhedded is-soċjetà huwa li naraw min għandu bżonn l-għajnuna u nibqgħu għaddejjin bħalma għamel is-saċerdot, bħalma għamel il-levita jew is-seminarista, u bħalma għamel ukoll ħaddieħor. Imma mhux is-samaritan it-tajjeb. Għalkemm ma kienx ħuh għax kien Lhudi, imma fl-umanità tiegħu kien ħuh – ra persuna bil-bżonn u resaq lejha. Aħna ħafna drabi, meta nitkellmu fuq il-proxxmu nistaqsu min hu. Dan jiddependi ħafna minna u mill-inizjattiva tagħna stess.

Il-Papa jitlob lid-dinja u lil kull wieħed u waħda minna biex naħsbu u nnisslu bl-inizjattiva tagħna u bl-istil ta’ ħajja li nagħżlu, dinja miftuħa u mhux dinja magħluqa. Hu jerġa’ jikkwota dik l-espressjoni għażiża ta’ Ġesù mill-kapiltu 23 ta’ San Mattew vers 8: “Intom ilkoll aħwa”.

Qalb miftuħa għad-dinja kollha

Imma din is-sejħa għal fraternità universali l-ewwel nett titlobna u ġġagħalna nkunu konvinti li l-bniedem isib il-milja tiegħu meta jingħata għall-oħrajn. Aħna llum qed niċċelebraw lill-Mulej Ġesù bħala saċerdot u bħala dak li jibni l-pontijiet, sacerdos et pontifex. Is-saċerdot huwa dak li jagħti ħajtu imma kull Nisrani, kull bniedem, isib il-milja tiegħu meta ħajtu ma jżommhiex għalih biss imma jingħata bħalma jagħmlu l-ġenituri fl-att tal-imħabba li jnissel l-ulied. Qed jingħataw lil xulxin u qed inisslu ħajja ġdida; qed iħobbu. Il-bniedem isib il-ferħ, il-paċi u l-milja ta’ ħajtu meta jingħata għall-oħrajn.

M’aħniex weħidna.

Imma l-imħabba titlob ukoll minna li ma nagħmlux ħitan meta ngħidu li se nilqgħu lil xi ħadd. Il-Papa jisfidana biex nilqgħu lil kulħadd. Għalina l-Maltin u l-Għawdxin il-kliem tal-Papa jinkludi wkoll mhux biss lill-barrani imma anke lil dawk li fil-Baħar Mediterran, forsi anke waqt li qed nitkellem jien, qed jippruvaw isibu alternattiva oħra għal ħajjithom u qegħdin fil-periklu. Aħna ma nistgħu qatt nagħlqu qalbna għalihom. U waqt li ġustament, nerġa’ nirrepeti għal ma nafx kemm-il darba, li hu dritt tagħna l-Maltin li nitolbu s-solidarjetà ta’ pajjiżi oħra, b’mod speċjali tal-Ewropa. Imma waqt li qed nitolbu din is-solidarjetà ma nistgħux nagħlqu qalbna u ma noffruhiex kif nistgħu u kull meta nistgħu.

Il-Papa Franġisku jinsisti fuq kultura ta’ komunità li tilqa’ lil xulxin u jgħidilna li biex nagħmlu dan irridu naħsbu u naġixxu bħala komunità. Ħafna drabi t-tentazzjoni tkun li la moqdi jien, moqdi kulħadd. Jekk naħsbu bħala komunità l-perspettiva titbiddel, u n-nuċċali jara iżjed ċar. Allura, bħalma għall-grazzja ta’Alla għamlu f’diversi ġenerazzjonijiet il-politiċi tagħna wkoll, imma mhux biss il-Knisja wkoll, irridu naħsbu u nxammru l-kmiem biex ngħinu lil min l-iżjed għandu bżonn.      

Ma tfittixx biss kif ħa tiżgura li ġġib il-voti għax inkella jekk il-politiku jaqa’ fit-tentazzjoni li jrid jogħġob lil kulħadd, mhux bilfors jagħmel id-dover tiegħu

L-aħjar politika

Aħna għandna bżonn li l-Istat ikun dak li jiffaċilita l-għożża ta’ bejnietna. Niżguraw, il-Papa jgħid, li ħadd ma jitħalla barra u għalhekk qed jippromwovi, ibierek u jinkoraġġixi kull inizjattiva speċjalment tal-politiċi tagħna biex ikollna spirtu ta’ solidarjetà konkreta. Il-Papa jitlobna biex ikollna qalb miftuħa għad-dinja kollha u għalhekk ma nistgħux immorru f’kantuniera magħluqin, nieħdu pjaċir bil-patrimonju tagħna u ninsew li aħna membri ta’ familja kbira. Aħna niskopru s-sbuħija tal-għeruq tagħna jekk nifhmu li aħna siġra (jew arbuxell biex ma nesaġerawx) fi ġnien kbir ħafna. M’aħniex weħidna.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li dil-ħaġa tkun ukoll il-bażi ta’ dak li l-Papa Franġisku jsemmi bħala l-aħjar politika. Imma fiex tikkonsisti l-politika t-tajba li jgħallem il-Papa Franġisku? Isemmi ħames punti. L-ewwel nett il-politika tajba, jgħid il-Papa Franġisku, qiegħda hemm għas-servizz tal-ġid komuni, għas-servizz ta’ kulħadd. Meta l-Gvern jagħmel triq, jagħmilha għal kulħadd. Meta t-triq ikollha ħafna ħofor kulħadd ibati. Imma l-politika qiegħda hemm biex toffri servizz għall-ġid ta’ kulħadd. Ma tfittixx biss kif ħa tiżgura li ġġib il-voti għax inkella jekk il-politiku jaqa’ fit-tentazzjoni li jrid jogħġob lil kulħadd, mhux bilfors jagħmel id-dover tiegħu. Min qiegħed hawnhekk jifhimni ħafna iżjed.

Il-politika tajba tgħin lill-persuni jikbru u mhux jibqgħu tfal, jikbru. Jikbru anke fis-sens kritiku, jikbru bħala persuni. Il-politika tajba tippromwovi ekonomija b’risq id-diversità produttiva u l-kreattività intraprenditorjali. Il-politika tajba, fi kliem ieħor, tistimola lil min għandu idea li jpoġġiha għas-servizz tas-soċjetà, ikollu l-qligħ, il-Mulej ibierku bil-ġid, imma importanti li noħolqu ambjent fejn kull min għandu ħila, talent – iħossu imħajjar, għandu l-appoġġ biex jiżviluppa l-kapaċitajiet tiegħu. Wara kollox il-politika tajba, jikkonkludi l-Papa, taħseb b’viżjoni wiesgħa u tinkludi d-djalogu bejn id-diversi dixxiplini. Hi, biex ngħidu hekk, servizz b’moħħ miftuħ.

Djalogu u ħbiberija soċjali

Nirringrazzjaw lill-Papa Franġisku ta’ dan it-tagħlim tant qawwi u tant profetiku. Dawn huma ftit kelmiet ta’ introduzzjoni li għandhom iħajruna naqbdu dan id-dokument tal-Papa u nixtarruh, nirriflettu fuqu.

Il-Papa jħajjarna biex nippromwovu u nbierku lil xulxin b’kultura ta’ djalogu u ħbiberija soċjali. Imma xi tfisser niddjalogaw? Il-Papa jgħidilna li tiddjaloga fl-ambjent soċjali jfisser li noqorbu lejn xulxin, nesprimu ruħna, nisimgħu lil xulxin, inħarsu lejn xulxin, insiru nafu lil xulxin, nippruvaw nifhmu lil xulxin u nfittxu punti ta’ kuntatt.

Naħdmu biex inkunu tassew aħwa ta’ xulxin.

Il-Papa wkoll jwissina wkoll fuq atteġġjamenti jew fatti li ma jgħinux id-djalogu u jsemmi wkoll l-aggressività li nistgħu naslu biex nuru kemm bi kliem iebes u kemm bit-tgħajjir, speċjalment fuq il-mezzi soċjali. Kemm kummenti żejda! Kemm ikun aħjar li kieku qabel nagħfas klikk, qabel nagħmel like, jew qabel nikteb, nifhem. Jiena qed nagħmel hekk biex inweġġa’ jew biex ngħin? Ħafna drabi ninfexxu f’monologi, jgħid il-Papa, li ma jagħtux ċans li nisimgħu lil xulxin. Jgħid ukoll li ħafna drabi ngħaġġlu biex niskreditaw u numiljaw lil ħaddieħor. Kemm għandna bżonn nuru iżjed rażan meta nitkellmu fuq xulxin, meta nippruvaw nikkumentaw fuq il-realtajiet li jolqtuna.

Ma nistgħux ngħixu ta’ aħwa mingħajr ma nifhmu li rridu wkoll naħfru lil xulxin u li r-rikonċiljazzjoni vera mhix li issa naqilbu l-paġna u ninsew, imma li naffrontaw dak kollu li jkun sar b’sens ta’ umiltà u realiżmu. Il-Papa jinsisti li fejn hemm il-vjolenza ma tistax tinsa l-vittma, imqar jekk qed taħdem għar-rikonċiljazzjoni. Tkun qed tagħmel inġustizzja mal-vittma ta’ vjolenza jew aggressjoni jekk tinsieha. Imma ma tistax tieqaf hemm. Ir-risposta mhix il-vendetta, ir-risposta hi li aħna, b’sens ta’ realiżmu u umiltà, naħdmu biex inkunu tassew aħwa ta’ xulxin.

Nitlob lil Alla, jgħid il-Papa, iħejjilna qlubna għal-laqgħa ma’ ħutna li hemm lil hemm mid-differenzi ta’ ideat, ilsien, kultura u reliġjon. Wara kollox, fl-aħħar mument meta l-Mulej jiġi biex jiġġudikana, se jiġġudikana fuq l-imħabba u se jfakkarna fit-tajjeb li għamilna u jgħidilna; “Dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 34, 11-12.15-17
Salm: 22 (23), 1-2a.2b-3.5-6
Qari II: 1 Kor 15, 20-26.28
Evanġelju: Mt 25, 31-46