L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Ix-xena nafuha lkoll għax hija mnaqqxa fil-kultura tagħna. Nafu kemm fi żmien tal-Ġimgħa l-Kbira, Maltin u Għawdxin jiddedikaw l-enerġija tagħhom, id-devozzjoni, l-imħabba tagħhom biex jikkommemoraw ix-xena li għadna kemm smajna skont l-Evanġelju ta’ San Luqa.
“Il-poplu waqaf hemm iħares” (Lq 23:35). Aħna wkoll illum nixtiequ ninġabru madwar din ix-xena ta’ qsim il-qalb fuq l-għolja tal-Golgota, il-kalvarju, u nħarsu lejn Ġesù msallab, imsallab mal-midinbin u mal-kriminali akkumpanjat minn żewġ ħallelin wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.
Għal tliet darbiet f’din is-silta tal-Evanġelju skont San Luqa, Ġesù jiġi sfidat biex jinżel minn fuq is-salib biex skont il-kategorija ta’ min qiegħed jinkih, isalva lilu nnifsu. Imma aħna nafu mill-qari tal-istess Evanġelju li fl-ort tal-Ġetsemani Ġesù ħa d-deċiżjoni li ma jiċħadx il-kalċi morr li tah il-Missier imma li joqgħod għar-rieda misterjuża ta’ Alla mħabba.
Il-Mulej jeħlisna minn min juża s-setgħa tal-istat għall-vantaġġ personali tiegħu u jaħseb li hu fuq kulħadd, li l-ebda liġi ma tgħodd għalih, li jista’ joqtol, jisraq u jħawwel fejn irid.
Aħna ħafna drabi nistaqsu lilna nfusna fl-inżul u t-tlajja’ tal-ħajja jekk Alla huwiex veru Alla tal-imħabba. Kif jista’ jippermetti tant niket, tant dulur, tant inġustizzja? Dan kollu jnissel fil-bniedem domanda kbira: kif jista’ jkun li Alla li huwa tjieba bla qies jippermetti dan kollu? U l-għaraq tad-demm li San Luqa jgħidilna niżel mill-ġbin u l-ħdan ta’ Ġesù fl-ort tal-Ġetsemani f’ansjetà kbira, huwa wkoll sinjal ta’ dilemma kbira fl-Iben waħdieni tiegħu. “Jekk jista’ jkun jgħaddi minni dan il-kalċi, imma mhux li rrid jien imma li trid int” (Mk 14:36). U allura t-tliet darbiet li jiġi ttentat biex isalva lilu nnifsu, huma tentazzjonijiet biex hu jinjora l-pjan tal-Missier u jagħmel xi ħaġa oħra.
Il-kapijiet, l-ewwel kategorija, bdew jittieħku b’Ġesù. Il-kapijiet kienu l-esperti tar-reliġjon, kellhom id-dottorati biex nużaw il-kategorija ta’ żmienna, fl-Iskrittura u fil-liġi. Kienu l-Fariżej li kienu jitilgħu fuq it-tron tas-sewwa u jwaddbu l-ġebel lil min huwa ħati. Qed jarawh għeri, imneżża’ minn kull dinjità, merfugħ fuq is-salib u huma, li suppost jinterpretaw ir-rieda tal-Missier, jiddieħku b’Ibnu u jgħidu: “Salva lill–oħrajn, ħa jsalva lilu nnifsu, jekk dan hu l-Messija, il-maħtur ta’ Alla” (Lq 23:35).
Aħna r-risposta nafuha, nafu li dan huwa l-Messija, nafu li Ġesù huwa l-maħtur ta’ Alla u nafu li billi joqgħod fuq is-salib imsammar, hekk se jsalva mhux biss lill-oħrajn imma wkoll lilu nnifsu. U niftakru fil-kelma li qal lid-dixxipli tiegħu: “Min irid isalva ħajtu, jitlifha, min jitlef ħajtu minħabba fija jsalvaha”. Qed jitlef ħajtu fuq is-salib u r-risposta tiegħu lil dawn l-esperti tal-liġi ta’ Alla hija li s-serħan tagħna mhux fuq il-liġi u fuq ir-ritwal u fuq il-bravura tagħna, imma s-serħan tagħna jrid ikun fuq il-ħniena u l-grazzja u l-imħabba ta’ Alla. L-Appostlu Missierna li kien ġej minn din il-kategorija, li tgħallem f’riġlejn Gamaljel, kellu jkun wieħed minnhom li kkonverta fit-triq ta’ Damasku u li wriena li s-salvazzjoni mhux fil-liġi esterna, imma fil-fidi f’Ġesù.
Din l-ewwel tentazzjoni kultant aħna n-nies tal-Knisja wkoll nagħtuhielu lil Ġesù meta mingħalina aħna għandna l-awtorità għax aħna aħjar minn ħaddieħor, meta l-awtorità reliġjuża tintuża biex tkisser u tfarrak u tumilja biex tibni l-ħitan bejn il-ħajjin u bejn il-mejtin. Imma l-ġudizzju u l-ħniena huma ta’ Alla biss. Aħna qaddejja tagħkom mhux għax aħjar minn xi ħadd. Jiena dejjem inħobb nirrepeti u ngħidilkom bl-iżjed mod solenni: il-Knisja fl-għerf tagħha, ixxandar lill-isqof bħala l-ewwel midneb għax l-isqof fl-Ewkaristija jgħid: “Jien qaddej tiegħek mingħajr ma jistħoqqli’. U l-Appostlu Missierna jgħid: “Jekk hemm il-midinbin u hemm, jiena l-ewwel wieħed, imma Alla għażilni biex fija juri l-ħniena u l-paċenzja kbira ta’ Ġesù Kristu”. L-awtorevolezza tagħna mhijiex ġejja mill-bravura tagħna, m’għandna dritt niddieħku b’ħadd, nikkundannaw lil ħadd. Hija l-kelma li tiżen u tagħżel u tagħrbel, mhux il-kelma tagħna, imma l-Kelma ta’ Ġesù.
Ħafna drabi ninsew is-sens veru tal-ġustizzja mibnija fuq il-verità, fuq is-saltna tad-dritt, fejn kulħadd jieħu li ħaqqu u ħadd m’għandu dritt jiskappa l-konsegwenzi tal-għemil tiegħu.
Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien. Resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek” (Lq 23:37). Innutaw, li s-suldati ma kinux interessati jekk hux il-Messija jew je. Dik kienet il-preokkupazzjoni tal-kategorija tal-leaders reliġjużi, l-isfida tagħhom kienet: dan sejjaħ lilu nnifsu l-Messija. Is-suldati jħarsu lejn Ġesù bħala s-sultan tal-Lhud u jifhmu li s-saltna tiegħu hija xi saltna politika. Fuq rasu fil-fatt kien hemm il-kitba li kienet tgħid: dan huwa s-sultan tal-Lhud. Anke dawn, anke din il-kategorija ta’ nies tal-istat, resqu lejn Ġesù u għaddewh biż-żmien.
It-tentazzjoni li ġejja minn din il-kategorija hija tan-nies li għandhom ċiniżmu kbir biżżejjed biex fl-użu tal-poter jidħku b’min hu batut. Il-poter għalihom huwa mezz ta’ qligħ u ma jħarsu lejn ħadd u lejn xejn. Għalhekk jiddieħku bl-Iben ta’ Alla, bis-sultan tal-Lhud għax huma setgħu jumiljawh, isawtuh, isallbuh u joqtluh f’isem liġi inġusta. Il-kundanna tal-innoċenti hija dejjem inġusta. Il-qtil tal innoċenti huwa dejjem inġust u jgħajjat lil Alla. Il-Mulej jeħlisna minn min juża s-setgħa tal-istat għall-vantaġġ personali tiegħu u jaħseb li hu fuq kulħadd, li l-ebda liġi ma tgħodd għalih, li jista’ joqtol, jisraq u jħawwel fejn irid.
Wieħed mill-ħatjin ukoll li kienu msallbin miegħu, beda jgħajru u jgħidlu: “Inti m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna, ħa mmorru ’l hemm, neħilsu minn din it-tortura li twassal għall-mewt” (ara Lq 23:39). Dan il-kriminal li kien imsallab ma’ Ġesù, jaħseb ħafna fih innifsu. Għalih is-salvazzjoni li jista’ jġiblu Ġesù huwa sempliċement għall-interess personali tiegħu u biex jeħlisha. Isimgħu ċ-ċanfira ħelwa ta’ sieħbu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta tassew għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna imma dan ma għamel xejn ħażin” (Lq 23:40-41).
Il-biża’ ta’ Alla huwa li inti qabel tiddeċiedi tagħmel xi ħaġa, qabel tgħid xi ħaġa, qabel taħseb xi ħaġa, tistaqsi lilek innifsek: Alla fejn qiegħed f’dak li qiegħed nagħmel?
Ġesù kkundannat bla ħtija fl-aħħar isib avukat li lest jiddefendih u minn fuq il-għuda tal-kundanna tiegħu, isib ukoll xi ħadd li jiddikjarah innoċenti. “Dan ma għamel xejn ħażin”. Imma dan il-ħalliel, li aħna nafuh bħala l-ħalliel it-tajjeb, għax bravissmu seraq saħansitra l-ġenna kif ngħidu, kellu sens kbir tal-ġustizzja. “Tagħna hija ġusta tassew għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna” (Lq 23:41).
Iċanfarna dan ir-raġel ikkundannat u msallab ma’ Ġesù għax aħna ħafna drabi ninsew is-sens veru tal-ġustizzja mibnija fuq il-verità, fuq is-saltna tad-dritt, fejn kulħadd jieħu li ħaqqu u ħadd m’għandu dritt jiskappa l-konsegwenzi tal-għemil tiegħu. Aħna lesti f’isem Ġesù Kristu naħfru lil kulħadd imma l-esiġenzi tal-ġustizzja ma nistgħux ninsewhom f’isem is-sewwa, f’isem id-dinjità tagħna bħala soċjetà, bħala nazzjon u bħala pajjiż. “Anqas minn Alla int ma tibża’?”
U jiena din il-mistoqsija li nixtieq nagħmel lill-pajjiżna llum fil-festa solenni ta’ Kristu Re. Aħna għad għandna biża’ ta’ Alla jew le? Issa kważi spiċċa l-istaġun sabiħ li jiena, l-Isqof Awżiljarju li jgħinni u tant saċerdoti oħra, ħafna minnhom qegħdin hawn, ikollna l-privileġġ immorru fil-parroċċi namministraw is-sagrament tal-Griżma liż-żgħażagħ tagħna u nitolbu fuqhom id-doni tal-Ispirtu s-Santu. Fosthom hemm id-don tal-biża’ ta’ Alla. Xi jfisser? Li titwerwer minn Alla? Le, għax fejn hemm dak it-terrur m’hemmx l-imħabba jgħid l-istess appostlu San Ġwann.
Min għandu l-biża’ ta’ Alla huwa tassew nies. Meta aħna ninsew lil Alla u minfloku npoġġu l-flus bħala l-alla tagħna u l-idoli l-oħra kollha, aħna neqirdu lilna nfusna.
Il-biża’ ta’ Alla huwa li inti qabel tiddeċiedi tagħmel xi ħaġa, qabel tgħid xi ħaġa, qabel taħseb xi ħaġa, tistaqsi lilek innifsek: Alla fejn qiegħed f’dak li qiegħed nagħmel? Alla xi jrid? Il-biża’ ta’ Alla jfisser li aħna, bħalma kien iħobb jilmenta San Ġorġ Preca, ma nittrattawhx bħala żero kbir. Hekk kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca: ħafna drabi għalina Alla huwa żero kbir, ma jeżistix. Immorru purċissjonijiet, id-Duluri kulħadd jipprova jkun hemm, imma nemmnu fih tassew? Għandna rispett lejn il-liġi tiegħu li hija liġi ta’ vera libertà? Min għandu l-biża’ ta’ Alla huwa tassew nies. Meta aħna ninsew lil Alla u minfloku npoġġu l-flus bħala l-alla tagħna u l-idoli l-oħra kollha, aħna neqirdu lilna nfusna. Għax lil Alla ħadd ma jista’ jeqirdu, imma meta ninsewh u ninsew li kull bniedem, taqbel u ma taqbilx miegħu – l-ewwel nett ma jistħoqqlux li jmut għax huwa skomdu jew hija skonda – imma iżjed u iżjed għandek tirrispettah, tirrispettaha għax-xbieha ta’ Alla. “Anqas minn Alla int ma tibża’?” Nistaqsu lilna nfusna din il-mistoqsija lil l-ħalliel it-tajjeb jagħmel lil sieħbu minn fuq is-salib.
U mal-ħalliel it-tajjeb induru lejn il-Mulej, is-sultan tal-ħolqien kollu, u ngħidulu: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek”. Ejjew nifhmu x’qiegħed jgħid dan l-imsallab, kriminal, ikkundannat ġustament mir-Rumani forsi għal piena ħarxa wisq għax dan seraq, imma ġie maqtul għal dak li għamel, imma lill-Mulej isejjaħlu b’ismu: Ġesù. U aħna nafu xi jfisser l-isem: ‘Alla jsalva, Alla salvatur’. “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek”. Mhux biss iddikjarah innoċenti, imma qed jiddikjarah sultan “fis-saltna tiegħek”. Dan l-avukat isir ukoll il-bniedem li jistqarr li Ġesù msallab huwa sultan ta’ vera. U t-tweġiba ta’ Ġesù, it-tweġiba ta’ dan l-imsallab, imneżżgħa minn kull ħaġa għażiża għalina l-bnedmin, itturufnat, iħares lejn ommu mbikkma, jgħidlu: “Tassew, illum tkun fil-ġenna miegħi” (Lq 23:43).
Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna nerġgħu niskopru din ix-xenqa kbira għall-ġenna
Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna nerġgħu niskopru din ix-xenqa kbira għall-ġenna, li l-ħajja tagħna ngħixuha ta’ nies għax hija t-triq li twassalna għall-ġenna, li aħna f’ħajjitna ma nqisux li s-sodisfazzjonijiet ta’ hawnhekk, u l-poter u l-ġid u dak kollu li toffri d-dinja, huma qatt jistgħu jimlew l-għatx li għandna ġo ruħna, imma nibqgħu nixxenqu għal dik il-ħaġa li jagħtihielna biss Ġesù. “Tassew ngħidlek illum tkun fil-ġenna miegħi”.
U jiena nixtieq nirrepeti t-talba li tlabna wara l-ewwel Salm u nixtieq li nitolbuha flimkien:
“O Alla Missier kollok imħabba għall-bnedmin, inti bgħatt lil ibnek, li fih issib il-għaxqa tiegħek fostna biex jeħlisna mill-għadu l-qadim tagħna; agħtina, nitobuk, li hu jkun in-nida li ttaffi l-għatx tagħna għall-ġustizzja u s-sliem. Bi Kristu Sidna”.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Għasar:
Evanġelju: Lq 23, 35-43