L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Qegħdin niċċelebraw il-Festa ta’ Kristu Re, u l-Evanġelju li smajna jippreżentalna min hu r-Re tagħna: bniedem imsallab. Ma għandu l-ebda kuruna fuq rasu jekk mhix il-kuruna tax-xewk; ma għandu l-ebda lbies fuqu għax neħħewlu ħwejġu kollha. Madwaru għandu diversi kategoriji ta’ nies: għandu l-kapijiet, il-Qassisin il-Kbar, li meta jarawh għeri, imdendel ma’ għuda, jiddieħku b’Ġesù. “Salva lill-oħrajn, ħa jsalva lilu nnifsu” (Lq 23:35). Din l-isfida tirrepeti ruħha għal darba, darbtejn, tlieta, fl-istess Evanġelju li għadna kemm qrajna.
Ġesù huwa mdendel fuq l-għuda tas-salib, u l-ewwel jibdew il-kapijiet, li huma l-esperti tal-liġi, li kienu jafu jaqraw it-Torah u jfehmuh lin-nies, u jgħidulu: “Ħa jsalva lilu nnifsu” (Lq 23:35). Is-suldati wkoll, li jirrappreżentaw il-poter politiku, lil Pilatu li kkundannah bla ħtija: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!” (Lq 23:37). Hekk jagħmel ukoll wieħed mill-imsallbin miegħu: “Inti m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna” (Lq 23:39).
Xi tfisser: ‘li ssalva lilek innifsek?’ F’ħin minnhom niftakru f’xi ħaġa li kien qal Ġesù: “Min irid isalva ’l ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha” (Mt 16:25). Xi tfisser din li titlef ħajtek, jekk mhux li tidħol għall-isbaħ avventura li jista’ jkollok f’ħajtek, li hija l-avventura tal-imħabba, li permezz tagħha, skont it-triq li jagħżillek il-Mulej, biċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek, bis-sejħat ta’ qalbek, bin-nies li tiltaqa’ magħhom, inti mistieden tagħti ħajtek. Titlifha, titlef u tinża’ l-egoiżmu tiegħek, in-nuċċali li bih tara biss l-interessi tiegħek: ninqeda jien, moqdi kulħadd. Li titlef ħajtek huwa li titgħallem timmatura, tgħix f’relazzjoni ta’ mħabba ma’ ħaddieħor, ma’ persuna, jew inkella f’għotja totali permezz ta’ Ġesù lill-komunità. Kollha huma sejħiet ta’ mħabba, kollha huma sejħiet li bihom aħna mistednin, mhux darba għal dejjem, imma kuljum, li ninżgħu minna nfusna. Nitilfu ħajjitna u mhux insalvawha; u b’hekk biss insibuha mill-ġdid. Dak l-uġigħ kollu, l-umiljazzjoni kollha, it-tentazzjoni, għall-Mulej min jaf kemm kienet kbira. Hu jirbaħha frott l-imħabba għalik u għalija.
Huma u jinkuh, dawn it-tliet kategoriji ta’ nies jagħrfu min Hu tassew. Il-kapijiet isejħulu: “il-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!” (Lq 23:35); is-suldati jgħidulu: “is-sultan tal-Lhud” (Lq 23:37), għax hekk kien hemm miktub fuq is-salib: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud” (Lq 23:38). “Inti m’intix il-Messija?” (Lq 23:39), jgħidlu wieħed mill-imsallbin sħabu. Hemm ieħor, aħna ngħidulu l-ħalliel it-tajjeb, it-tradizzjoni tgħidilna li kien jismu Disma: “Dan ma għamel xejn ħażin” (Lq 23:41). F’ħin minnhom dan il-ħalliel ikkundannat, isir imħallef ġust. L-aħħar sentenza li jirċievi Ġesù, jirċeviha minn dan il-kundannat: “Dan ma għamel xejn ħażin” (Lq 23:41). Dan l-imsallab, li jista’ jkun wieħed minna, aħna, jiena u inti, li quddiem il-kundanna ta’ Ġesù, miegħu nistgħu ngħidu: “tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin” ( Lq 23:41). It-talba tiegħu ssir it-talba tagħna, tiegħi u tiegħek: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek” (Lq 23:42).
Lil hemm minn dak li hemm miktub fuq is-salib, lil hemm mill-inkejja tal-kapijiet, tas-suldati, ta’ sieħbu l-imsallab, dan l-ikkundannat, wieħed mill-ħallelin, jindirizza lil Ġesù b’ismu: ‘Ġesù’, u jitolbu jiftakar fih. Jagħrfu bħala Sultan: “ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek” (Lq 23:42). Ikollok perċessjoni, għarfien profond, biex inti tħares lejn sieħbek li qed jiġġieled biex jieħu n-nifs. Nafu li t-tislib kien xi ħaġa krudili ħafna, li bil-mod il-mod dak li jkun jifga, jibda jitlef l-ossiġnu u jmut fgat fuq is-salib. Ġesù, minħabba l-flaġellazzjoni, it-torturi brutali, kampa biss tliet sigħat fuq is-salib; imma kien hemm min jibqa’ għal jiem jiġġieled biex ikompli jgħix. Hu jħares lejn Ġesù, f’dik il-qagħda, u jemmen li qed ikellem sultan.
X’ra f’Ġesù? X’ħass fil-preżenza ta’ Ġesù msallab? Ġesù stess kien qal: “Meta Bin il-bniedem ikun merfugħ, kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:14). Isir sinjal ta’ mħabba, iħarsu lejh u jfiqu. Ejjew nitolbu, li aħna u nħarsu lejn Ġesù msallab, ikollna dan l-għarfien, dan il-fejqan, din il-fidi, u li t-talba li hija tal-ħalliel it-tajjeb, kif aħna ngħidulu Disma, tkun tagħna wkoll: “Ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek” (Lq 23:42). Ġesù wkoll jirrispondi mhux b’ġudizzju, imma b’wegħda solenni, l-ewwel att tiegħu bħala Sultan rebbieħ: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23:43). Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna nafdaw ħajjitna, il-passat tagħna, il-preżent, il-ħolm tagħna, f’idejn dan is-Sultan tal-imħabba, li ma jinżilx minn fuq is-salib, ma jsalvax ħajtu biex isalva lilna, biex isalva lili u lilek, biex ifakkarna li min jitlef ħajtu, isibha. “Min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha” (Mt 16:25).
Għeżież, ma nibżgħux, kuljum, għax dan huwa proċess u jieħu t-tul u ħafna paċenzja, u li rridu nġeddu kuljum. Ma nibżgħux ninżgħu minna nfusna, mill-egoiżmi tagħna, u nitolbu l-grazzja lill-Mulej li, meta l-inkejja tan-nies, jew tal-poter, jew ta’ sħabna, iġiegħelna ningħalqu fina nfusna, niftakru li Ġesù, meta kien f’sitwazzjoni ta’ dulur kbir, umiljazzjoni kbira, għażel lilna, għażel l-imħabba u sar il-veru Sultan tal-qlub tagħna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Sam 5:1-3
Salm: 121 (122):1-2,4-5
Qari II: Kol 1:12-20
L-Evanġelju: Lq 23:35-43