-
-
Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, il-Belt Valletta
23 ta’ Marzu 2018Bir-raġun bħal-lum infakkru din ix-xena fuq il-Kalvarju: ħdejn is-salib ta’ Ġesù kkundannat għall-mewt għaliex ippretenda li jkun is-sultan tal-Lhud; dik kienet il-kundanna: Ġesù ta’ Nażaret Sultan tal-Lhud. Il-kundanna kienet fiha nnifisha umiljazzjoni għaliex is-Sultan tal-Lhud ma kienx fuq tron liebes il-porpra imma kien għeri, imsallab ma’ għuda. U li inti tikteb ‘Is-Sultan tal-Lhud’ kienet umiljazzjoni kbira kemm għall-ikundannat u kemm ukoll għall-poplu Lhudi.
Fuq is-salib Ġesù jissejjaħ mir-raħal fejn trabba, Nażaret, Ġesù ta’ Nażaret. Aħna l-Maltin ngħożżu dan it-titlu għaliex meta nirreferu għall-appartenenza tagħna lil Ġesù, insejħu lilna nfusna mir-raħal fejn trabba. Il-kelma ‘Nisrani’ ġejja minn Nażaret. Aħna ta’ Nażaret, għalhekk insejħu lilna nfusna Nsara.
Fl-Orjent jużawha biex jinsulentaw lil dawk tal-Messija għaliex dawk li jsegwu lil Ġesù, fl-Orjent anke fl-Għarbi, jissejħu tal-Messija, imma biex jinkuwhom kultant jgħidulhom ‘Ta’ Nażaret’. Imma għalina l-Maltin l-isem ‘Nażaret’ huwa isem ta’ bniedem u nsejħu lilna nfusna Nsara, li nsegwu lin-Nazzarenu.
Marija ta’ Nażaret tieqaf ħdejn is-salib ta’ binha bħalma tagħmel kull omm. Għamel x’għamel it-tifel, ġralu xi ġralu, jekk jinsieh kulħadd, isib lil ommu. Ilbieraħ mort inżur iż-żgħażagħ li qegħdin fil-ħabs taż-żgħażagħ l-Imtaħleb, jgħidulu l-YOURS. Hemm għoxrin żgħażugħ: erba’ tfajliet u sittax-il ġuvni, l-iżgħar wieħed għandu erbatax-il sena. U ngħidilkom il-verità kellimthom wieħed wieħed u waħda waħda, u staqsjethom kemm għad baqgħalhom, kemm ilhom hemm, imma mingħajr ma għedtilhom, ħsibt f’ommijiethom.
Illum niftakru f’kull omm għax kull omm dejjem tinkwieta għall-ulied.
llum iżjed u iżjed naħseb f’ommijiethom, bħalma ħafna drabi meta nżur il-morda tagħna fl-isptarijiet u b’mod speċjali ta’ kull sena, meta nżur il-morda tagħna ġewwa Londra f’diversi sptarijiet li jkunu hemm għall-kura speċjalizzata, ma ngħidilkomx x’naħseb fl-ommijiet għax ħafna drabi niltaqa’ magħhom hemmhekk. Jekk trid tifhem id-Duluri, ħares lejn l-omm ħdejn is-sodda tal-mard ta’ binha jew bintha. U tifhem x’inhu dak li qegħdin niċċelebraw illum: l-istint matern.
Għalhekk, illum niftakru f’kull omm għax kull omm dejjem tinkwieta għall-ulied. Meta jkunu żgħar mod, mhux hekk ngħidu?! U meta jikbru mod ieħor. Kemm-il darba smajt min jgħid: ‘Aħjar meta kienu żgħar għax illum joħroġlok għal Paceville u ma tafx kif se jerġa’ jiġi lura’. U bla ma trid tinwkieta, bla ma trid. U fil-weekend naf li ħafna ġenituri li għandhom it-tfal kbar, jerġgħu jagħmlu bħal meta kienu trabi it-tfal, u ma jorqdux billejl, mhux għax it-tfal jibku, għax mhux qegħdin id-dar għax saru is-siegħa ta’ billejl, is-sagħtejn, it-tlieta, l-erbgħa, jew il-ħamsa u għadu ma ġiex. Imbagħad tisma’ l-bieb jinfetaħ u taparsi kont rieqed jew rieqda. Imbagħad tistrieħ, imma tiftakar li trid tqum biex tibda x-xogħol tiegħek. Dan huwa wkoll id-duluri ta’ min iħobb ħafna.
Aħna għandna l-istint qawwi li nsegwu lil Madonna Addolorata għax nifhmu li qegħdin fil-preżenza ta’ mħabba kbira: l-imħabba tal-omm. Fiha nara wkoll l-imħabba tal-missier, biex inkunu ġusti wkoll mal-missirijiet għax dawn is-sentimenti li semmejt huma wkoll tal-missier. Imma Ġesù fuq is-salib ma kellux lil missieru ta’ din id-dinja, lil Ġużeppi. It-tradizzjoni tgħidilna li Ġużeppi kien diġà ħalla din id-dinja għax kieku kien ikun hemm ukoll iwennes lil Marija, bħalma wennisha meta tilfu lil Ġesù u tilfu rashom ukoll. Ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu bl-inkwiet li qabadhom meta Ġesù, ta’ tnax-il sena — wieħed mid-duluri tal-Madonna — għamel waħda tinkiteb. Tant hu hekk li kitibha fl-Evanġelju, ġrajja li tinkiteb. Ta’ tnax-il sena! Allura min għandu l-addoloxxenti ta’ tnax-il sena ma jaqtax qalbu għax anke s-sinjur għamel waħda tinkiteb, aħseb u ara l-adolexxenti tagħna.
Id-duluri li għaddiet minnhom il-Madonna, aħna ngħidulhom is-seba’ duluri. Tindunaw li segwew il-ħajja ta’ Ġesù imma kienu wkoll kultant parti mill-mumenti ta’ ferħ. Anke s-sejf li naraw fl-istatwi għeżież. Għaliex għandha s-sejf? Min fejn ġej dan is-sejf? Għax hi fuq il-kalvarju ħadd ma niffidha b’sejf hekk.
Imsammar u mxappap fit-tbatija, hu jaħseb f’ommu.
Intom tiftakru li ta’ erbgħin ġurnata, hi u Ġużeppi, ħadu u ppreżentaw lil Ġesù fit-tempju. Il-Qassis il-Kbir, Xmun, laqa’ din it-tarbija u qal: “Issa nista’ mmut għax issa rajt is-salvazzjoni ta’ Iżrael, dawl għall-ġnus, glorja ta’ Iżrael” (ara Lq 2, 29-32). Imma mbagħad lil ommu jgħidilha: “Dan għad ikun il-qawmien u l-waqgħa ta’ ħafna. Għad ikun sinjal li jmeruh u lilek,” iħares lejha, “Sejf jinfidlek ruħek” (vv. 34-35). Din hija l-profezija li l-Madonna semgħet meta Ġesù kellu biss erbgħin ġurnata. U meta mbagħad kellu tlieta u tletin sena taħt is-salib, fehmet żgur x’ried jgħidilha Xmun għax fuq is-salib, Ġesù hu dak is-sinjal li aħna merejnih. Ġie Iben Alla magħmul bniedem u ma ridnihx, anzi qtilnih, sallabnieh u ommu f’dak il-mument sejf nifdhilha ruħha.
Ġesù jgħallimna xi tfisser l-imħabba tal-Iben għax aħna qed infakkru l-imħabba tal-omm. Imma f’dan il-mument u f’dan l-Evanġelju niftakru f’Ġesù u kif kull qatra ta’ demmu u kull qatra tal-għaraq qaddis tiegħu, kienu kollha mħabba. Imsammar u mxappap fit-tbatija, hu jaħseb f’ommu. Għaliex afdaha lil Ġwanni? Għaliex kien jaf li l-armla, meta jmutilha t-tifel, ma jkollha lil ħadd min jieħu ħsiebha. Veru li dawk it-tliet snin li għamel barra minn Nażaret, il-Madonna kienu jieħdu ħsiebha l-qraba tagħhom, imma dan kemm se ddum il-ħaġa? Allura Ġesù kien inwketat x’ser jiġri minn ommu, issa li ma jibqax fostna fid-dinja, u afdaha lill-appostlu l-maħbub u li baqa’ fidil miegħu anke taħt is-salib, lil Ġwanni, u qallu: “Dik ommok”. Lilha qalilha: “Dak ibnek”, ser jieħu ħsiebek hu. U fil-fatt hekk għamel Ġwanni, “Minn dak il-ħin, id-dixxiplu ħadha għandu” (ara Ġw 19, 26-27) saret parti mill-familja tiegħu.
Kemm hi ħaġa qaddisa li aħna naħsbu f’xulxin; inkunu ommijiet u missirijiet ta’ xulxin, inkunu tassew parti mill-familja ta’ Ġesù n-Nazzarenu.
U għalhekk Ġesù seta’ jagħlaq għajnejh moħħu mistrieħ, ta’ bniedem li kien, li ommu hemm xi ħadd jieħu ħsiebha. U fl-istess ħin imma Ġwanni wkoll sab omm ġdida; kellu ommu, il-mara ta’ Żebedew, għax hu kien bin Żebedew. Imma b’din il-kelma ta’ Ġesù aħna sirna wkoll ulied il-Madonna: “Hawn hi ommok”. Ħafna drabi niltaqgħa ma’ żgħażagħ, huma ftit imma niltaqa’ magħhom, li jħossuhom abbandunati. Kien hemm persuna spjegatli li tfajla minnhom tmur il-ħabs anke billejl biex tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jħobbha, ma’ social worker li tista’ tgħidilha kelma ta’ faraġ għax m’għandha ’l ħadd. Kemm hi ħaġa qaddisa li aħna naħsbu f’xulxin; inkunu ommijiet ta’ xulxin, missirijiet ta’ xulxin, inkunu tassew parti mill-familja ta’ Ġesù n-Nazzarenu.
Aħna llum rridu naħsbu u nitolbu għal min għandu bżonn l-għajnuna. Inbierku l-poplu Malti li huwa tant ġeneruż f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà, ta’ mard u fl-istess ħin nitolbu għall-ommijiet u l-missirijiet kollha biex ikollhom il-faraġ li jaraw lil uliedhom jikbru, u li jaraw lil uliedhom jieħdu ħsiebhom. Kemm hi ħaġa sabiħa li meta mmur fir-residenzi tal-anzjani nara lill-ulied jieħdu ħsieb il-ġenituri, b’mod speċjali meta l-ġenituri moħħhom ma jibqax ikkonċentrat; tmur ħdejn ommok u ma tagħrfekx, u inti qisu ma ġara xejn. Jew inkella tmur ħdejn missierek li mhux jagħrfek u inti tħobbu, għax hu, meta inti kont tarbija, ħa ħsiebek u naddfek u ħa ħsieb li jkollok biex tgħix, u ħa ħsiebek u qallek kelma ta’ ġid. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna l-ulied ikollna l-grazzja nuru l-imħabba tagħna lejn il-ġenituri. Din hija barka, din hija barka tal-pajiż. Il-pajjiż tagħna għandu dan il-vantaġġ li huwa pajjiż ċkejken li aħna nistgħu nilħqu lil xulxin, min irid, u allura nibqgħu qrib xulxin. Kemm hi ħaġa qaddisa!
U din il-festa tgħaqqadna f’dawn il-valuri kollha. Ikollna kemm ikollna flus, m’għandna xejn jekk m’għandniex ir-rispett lejn xulxin u l-imħabba lejn xulxin. U l-Madonna, din il-ħaġa tfakkarhielna fid-duluri tagħha għax hemmhekk binha ma baqagħlu xejn għax il-kefen m’għandux bwiet u fuq is-salib il-Mulej lanqas kefen ma kellu. Kellha tara wkoll lil binha midfun u l-ġebla mgerrba fuq il-qabar tiegħu. Imma baqgħet tittama li dak li qalilha l-anġlu, kellu jseħħ: li dan għad jeħles lil ħutu minn dnubiethom.
U aħna d-devozzjoni tagħna — illum ma stajniex nagħmlu l-purċissjoni, nagħmluha l-Ħadd, jekk ma jinqagħlax il-maltemp ukoll — importanti li nersqu lejn il-qrar, jiena magħkom, biex dak li jixtieq jagħtina veru Ġesù fil-qalb tagħna nilqgħuh, nilqgħuh bil-kalma u bil-ferħ. Il-Mulej jilqagħna għandu, jaħfrilna u jagħtina l-paċi.
Nadurawk, O Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: RUM 8, 31B-39
Salm: 17
Evanġelju: Ġw 19 25-27
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace