-
-
****
Direttur: Pedro Almodovar
Atturi: Emma Suarez, Adriana Ugarte, Daniel Grao, Inma Cuesta, Michelle Jenner, Dario Grandinetti, Rossy de Palma u Susi Sanchez
Ħin tal-Film: 96 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Julieta li tgħix ġewwa Madrid, għamlet il-ħsieb li tmur tgħix ġewwa l-Portugal mas-sieħeb tagħha Lorenzo. B’kumbinazzjoni, jum wieħed, fit-triq, tiltaqa’ ma’ Beatrix, li żmien ilu kienet il-ħabiba tal-qalb tat-tifla tagħha Antia. Illum -il ġurnata, Julieta tinsab miksura ma’ Antia. Julieta isir taf li Antia tinsab tgħix ġewwa l-Iżvizzera u għanda tlett itfal. Bi ħsieb u x-xewqa li terġa’ tibni relazzjoni ma’ bintha Antia, hi tbiddel il-ħsieb li tmur il-Portugal u minflok tikri appartament qrib fejn darba kienet rabbiet lil Antia. B’xorti tajba sabet wieħed fl-istess binja, l-uniku indirizz li Antia, jekk tkun trid tikkomunika magħha, kienet taf. Julieta minn jum għal ieħor xtaqet ħafna li tisma’ mingħand bintha biex b’hekk tispjegalha x’kien ġara u għaliex kienu nfirdu tnax –il sena ilu. Għal dan il-għan, Julieta bdiet tikteb il-ġrajjiet li għaddiet minnhom bħala mara miżżewwġa, omm ta‘ tifla u dak li ġara matul dan iż-żmien kollu. Permezz ta’ xeni retrospettivi, insiru nafu fuq ir-ragel Xoan, li kienet iżżewwġet u li minn din l-għaqda taż-żwieg kellhom lil Antia. Il-flexbek jurina dak il-lejl li fih Antia kellha l-bidu ta’ ħajjitha fil-ġuf t’ommha, il-ħbiberija li Antia kellha waqt li kienet qegħda tikber speċjalment il-ħberija speċjali ma’ Beatix, kif ukoll il-kriżjiet li l-familja għaddiet minnhom sakemm Antia kellha tmintax –il sena. L-agħar waħda kienet il-mewt traġika ta’ Xoan waqt tempesta qalila li qamet wara nofsinhar f’daqqa waħda hekk kif Xoan mar jistad filgħodu kmieni wara tilwima ma’ Julieta. Iż-żwieġ bejnhom xejn ma kien għaddej minn żmien tajjeb l-aktar fejn tidħol il-fedelta’ lejn xulxin. Lura fi żmienna, Julieta ssir taf iktar fejn setgħet isib lil Antia. X’jiġri minn hawn?
Film Spanjol taħt id-direzzjoni u kitba tar-reġista magħruf Pedro Almodovar, hu msejjes fuq tlett stejjer minn ktieb bl-isem ta’ Runaway, miktub minn Alice Munro. L-istorja tal-film hi mimlija drama, misteri, intriċi u passjoni. Film tajjeb ħafna bi storja tajba u drammatika u li minn jarah żgur għandu jżommu fuq ix-xwiek sa tmiem. L-istorja nfisha tal-film, kif ukoll xi xeni ta’ sess u infedelta’ fiż-żwieġ, jitlob li l-film jarawh il-kbar biss.