-
-
****
Direttur: Todd Philips
Atturi: Joaquin Phoenix, Robert De Niro, Zazie Beetz, Frances Conroy, Brett Cullen, Douglas Hodge, Glenn Flesher, Bill Camp u Shea Whigham
Ħin tal-Film: 122 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Fl-1981, xogħol Arthur Fleck kien li jaħdem il-parti ta’ buffu waqt xi riċeviment. Kien jgħix m’ommu Penny ġewwa Gotham City fejn sfortunatament, il-kriminalità u n-nuqqas ta’ xogħol kienu jiddominaw din il-belt. Ħafna mill-popolazzjoni kienu fqar u bla dritt ta’ vot. Arthur kien isofri minn disordni mentali tant li ħafna drabi kien jinfexx jidħaq f’ħinijiet li ma kontx tistenna li kien hemm għalfejn tidħaq. Hu kien jidddependi ħafna mis-servizzi soċjali tant li ħaddiema soċjali kienet ittih il-mediċina li kellu bżonn.
Jum wieħed, hu u sejjer lura lejn id-dar wara x-xogħol, jiġi attakkat fi sqaq minn grupp ta’ żgħażagħ. Minħabba dan l-inċident, Rendall, wieħed mill-ħaddiema li kienu jaħdmu miegħu bħala buffu, selfu pistola biex ikun jista’ jiddefendi ruħu jekk jerġa’ jinqala’ każ. Lura lejn id-dar, Arthur jistieden lil Sophie, omm single biex tiġi tarah jagħti wirja bħala buffu. Arthur ħaseb li kien beda xi relazzjoni magħha iżda kienet biss diżillużjoni. Sfortunatament meta kien qiegħed jagħti wirja fi sptar tat-tfal, il-pistola li kellu waqgħetlu mill-but b’riżultat li sab ruħu mkeċċi mix-xogħol. Rendall jigdeb li kien hu li kien silef l-pistola.
Darba waħda, liebes ta’ buffu ġewwa ferrovija ta’ taħt l-art, tliet żgħażagħ xurbana, negozjanti fil-Wayne Enterprises, jattakkawh u din id-darba, Arthur jispara lejn tnejn minnhom biex jiddefendi ruħu u joqtolhom waqt li t-tielet wieħed baqa’ jiġri warajh sakemm ukoll sparalu u qatlu. Il-qtil jiġi kkundannat minn Thomas Wayne, biljunarju u kandidat għal sindku li jiddiskrivi lil dak li wettaq dan il-qtil bħala “buffu” u li kien għajjur għas-sinjuri. Riżultat ta’ dan il-kliem, fil-belt bdew ħafna dimostrazzjonijiet, bid-dimostraturi libsin maskla ta’ buffu.
Biex tkompli tħawwad il-qagħda, l-benefiċċji soċjali twaqqfu b’riżultat li Arthur waqaf jieħu l-mediċina għall-marda mentali li kellu. Il-wirjiet li beda jagħti kienu diżastru. F’waħda minnhom, fuq it-televiżjoni, Murray Franklin, f’Talk Show, waqqa’ għaċ-ċajt lil Arthur. Sadanittant, Penny, omm Arthur issofri attakk ta’ puplesija. Arthur sab ittra miktuba minn ommu lil Thomas Wayne fejn allegat li Arthur hu t-tifel illeġittimu tiegħu. X’jiġri minn hawn?
Film Amerikan, dramm psikoloġiku taħt id-direzzjoni ta’ Todd Philips u kitba tiegħu stess u ta’ Scott Silver. Minħabba tema ta’ vendetta, qtil u vjolenza ħarxa, kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.