• Nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fis-Santwarju ta’ Betanja u l-Qabar ta’ Lazzru, f’pellegrinaġġ li qed imexxi fl-Art Imqaddsa. 

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Santwarju ta’ Betanja u l-Qabar ta’ Lazzru
    7 ta’ Mejju 2016
     
    “Missier, inroddlok ħajr li smajtni” (Ġw 11, 41). Ġesù qal dawn il-kelmiet hawnhekk, f’dan il-post. Hawnhekk Ġesù beka, ħass il-faraġ tal-ħbiberija ta’ dawn it-tlett aħwa: Lazzru, Marta u Marija. Hawnhekk, ftit jiem qabel id-difna tiegħu, indilek bil-fwieħa minn Marija u qal: “Hi qiegħda tħejji għad-difna tiegħi” (Ġw 12, 7). Hawnhekk il-fwieħa mliet id-dar.
    Għandna għaliex nirringrazzjaw lil Alla li qegħdin f’dan il-post imqaddes bil-preżenza ta’ Ġesù. Hawnhekk Ġesù kien iħossu at home fid-dar f’Betanja, mhux il-bogħod minn Ġerusalemm, fejn kienu jgħixu dawn it-tliet persuni li hu kien iħobb ħafna: lil Lazzru, lil Marta u lil Marija.
    Hemmhekk għandna l-kliem ta’ Ġesù bil-Latin: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11, 25). Ma qalhomx hawnhekk, imma wara l-quddiesa nixtieqkom tħarsu lejn it-tliet mużajċi sbieħ ħafna li jfakkru dawn it-tlett ġrajjiet fl-Evanġelju li ġraw hawnhekk.
    L-Evanġelju li għadna kemm qrajna, li huwa wieħed importanti ħafna fl-Evanġelju ta’ San Ġwann għaliex huwa prattikament l-aħħar sinjal kbir qabel il-Ġimgħa Mqaddsa u li tant kien sinjal qawwi li nsibu fl-Evanġelju, tant li l-Lhud, meta għamlu l-aħħar ftehim biex joqtlu lil Ġesù, “ftehmu wkoll li joqtlu lil Lazzru” (Ġw 12, 10) għaliex hu sar xhud tal-qawwa kbira li kellu Ġesù.
    Tagħlima għalina, l-aħwa, aħna se mmutu, imma aħna msejħin biex, bħal Lazzru, inkunu xhieda tal-qawwa ta’ Ġesù fuq il-mewt. Dan għaliex aħna bħalma għamilna fil-Ġordan illum, ġeddidna l-Magħmudija, mitna għad-dnub, mitna fi Kristu, u qomna. Aħna xhieda tal-qawwa ta’ Ġesù fuq il-mewt u fuq id-dnub, imma se mmutu, bħalma ġralu Lazzru. Lazzru mbagħad miet u ma reġax qam, qiegħed jistenna, bħal ħutna li mietu, il-qawmien għall-ħajja fl-aħħar jum. 
    Hawnhekk Ġesù ta lezzjoni ħelwa lil Marta meta ġie darba minnhom u hi ħejjietlu biex jiekol u qaltlu: “Għidilha xi ħaġa lil Marija għax mhix qed tgħini” (ara Lq 10, 40). X’kienet għamlet Marija? Qagħdet f’riġlejn Ġesù tisimgħu, tisma’ l-kelma tal-Imgħallem u lil Marta qalilha: “Marta, Marta inti tħabbel rasek għal tant affarijiet,” bħalma nagħmlu aħna, “Marija għażlet is-sehem it-tajjeb li ma jitteħdilhiex” (Lq 10, 41-42) dik li toqgħod f’riġlejn l-Imgħallem tisimgħu. Ovvjament trid tgħin lil oħtha wkoll. Dik it-tagħlima ta’ Ġesù tgħodd għalina wkoll. Jekk aħna mtaqqlin b’xi inkwiet jew xi preokkupazzjonijiet, imqar kif se tagħmel it-testment ftakru din, l-aħwa, la qegħdin nitkellmu fuq il-mewt u l-ħajja, il-kefen m’għandux but, il-kefen m’għandux but!
    Kelma oħra sabiħa li qed nara hemmhekk bil-Latin hi l-kelma li jgħid lil Lazzru joħroġ wara erbat ijiem, difatti jgħidulu “Mulej, diġa qiegħed irejjaħ” (Ġw 11, 39), mhux għax kienet is-sħana, imma jgħidilhom: “ħolluh, ħollu l-faxex u ħalluh imur”.  Aħna ħafna drabi nkunu marbutin b’ħafna faxex tal-mewt, huma l-faxex tal-vizzji. Kulħadd għandu l-kollezzjoni tiegħu ta’ faxex u kultant, skont l-etajiet tagħna, niftħu cupboard u nagħżlu faxex differenti għax kollox jogħġobna, imma l-Mulej qed jgħidilna ‘ħollulu l-faxex, ħalluh imur, liberu’. Din il-kelma ta’ Ġesù tilliberana mill-vizzji tagħna, minn dawk il-faxex li lanqas iħalluna nimxu. Meta taraw il-mużajk li hemm hemmhekk taraw lill-Lazzru infaxxat; ma nafx kif għamel jien biex almenu ħareġ, imma l-kelma ta’ Ġesù kienet tant qawwija.
    L-aħħar kelma huwa l-biki ta’ Ġesù. Hawnhekk huwa post għażiż għax ġabar id-dmugħ ta’ Ġesù. Ġesù beka wkoll quddiem Ġerusalemm, mhux il-bogħod minn hawn, kif raha, ta’ Lhudi twajjeb li kien, bkieha għax raha ħerba quddiem għajnejh. “Ġerusalemm, Ġerusalemm kemm xtaqt li niġbrok bħalma qroqqa tiġbor il-flieles tagħha, imma inti ma ridtx” (Mt 23, 37).  Ġesù jibki quddiem il-misteru tal-mewt tal-ħabib tiegħu bħalma aħna nibku għall-mewt tal-għeżież tagħna. Hu li hu l-Iben t’Alla magħmul bniedem, hu li kien jaf is-setgħa li tah Missieru: “Misier inroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni” (Ġw 11, 41-42), imma xorta beka. “Ara kemm kien iħobbu!” (Ġw 11, 36). Il-bikja ta’ Ġesù hija bikja ta’ mħabba, hija bikja li ngħaddu minnha aħna u bil-bikja tiegħu, ibierek il-biki tagħna. Imma fl-istess ħin, il-biki tagħna, bil-bikja tiegħu jittrassformah, ibiddlu.
    Ejjew nitolbu biex il-Mulej ibierek id-dmugħ tagħna, aħna li ngħixu f’dan il-wied tad-dmugħ. Hekk ngħidu fis-Salve Regina, ‘dan il-wied tad-dmugħ’ Bierek, Mulej, il-biki tagħna, id-dmugħ tagħna, agħmel li jkun dmugħ ta’ ndiema u qatt dmugħ ta’ disperazzjoni.  Agħmel li jkun dmugħ ta’ niket li ma jaqtax qalbu mill-faraġ tiegħek, għax mhux se ngħidilkom ma nitniktux, l-aħwa.  Il-Mulej mhux se jneħħilna d-dmugħ tan-niket imma jżid miegħu d-dmugħ tal-faraġ.
    Jalla d-dmugħ tal-indiema jissarraf ukoll fid-dmugħ tal-maħfra, fil-ferħ tal-maħfra, u jalla d-dmugħ tan-niket jissieħeb ukoll mad-dmugħ tal-faraġ.
    Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilhom, jistrieħu fis-sliem,  Ammen.
     
      Charles J. Scicluna                                                            
         Arċisqof ta’ Malta