L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza sabiħa tagħkom illum f’dan is-santwarju bażilika ddedikat lil Sidtna Marija tal-Karmelu.

Qegħdin nibdew xhur li nixtieqhom ikunu mhux biss taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp imma ispirati minnu. Fuq xiex nixtieq li naħdmu aħna u niskopru mill-ġdid il-kobor tal-missjoni li l-Mulej afda f’idejn San Ġużepp, f’dan il-mastrudaxxa umli u ġwejjed mill-belt ta’ Nazaret? Aħna niskopru min, waqt li naqraw il-paġni tat-tfulija ta’ Ġesù. Għalkemm jien konvint li meta Ġesù pprietka fuq l-imħabba tiegħu lejn il-Missier tas-sema, u ried ifehemna x’jiġifieri jobdi lil missieru, jagħmel dak li jgħidlu missieru, jagħmel kif jara lil missieru jagħmel, il-Mulej Ġesù kien jiftakar b’faċilità kbira f’Missieru putattiv ta’ din l-art, San Ġużepp, li għallmu mhux biss ikun iben il-poplu ta’ Alla imma għallmu wkoll is-sengħa tiegħu. Aħna nafu li San Ġużepp kien magħruf bħala l-mastrudaxxa u Ġesù kien ukoll magħruf bħala iben il-mastrudaxxa. Imma l-Mulej stess kien magħruf hu nnifsu bħala l-mastrudaxxa. Ġesù tgħallem is-sengħa ta’ mastrudaxxa propju minn San Ġużepp.

L-ewwel aspett li nixtieqkom f’dawn ix-xhur tirriflettu fuqhom, bħalma qalilna s-Sur Cioffi, huwa San Ġużepp il-kustodju, dak li jħares il-ħajja. Ejjew immorru ftit lejn sitwazzjoni konkreta ta’ dan ir-raġel ġust li l-pjan tiegħu kien li jkollu familja minn tfajla rżina, Marija ta’ Nazaret, u jiskopri li din qed tistenna tarbija mhux minnu. Problema mhux żgħira. Il-liġi kienet tagħtih id-dritt lil San Ġużepp jiddenunċja lil Marija għall-infedeltà tagħha u Marija titħaġġar – tmut hi u t-tarbija li kienet qiegħda ġġorr. Ma kienx kellmu Alla meta kien iddeċieda li jibagħtha bil-moħbi tan-nies. Iddeċieda li jsalva lilha u jsalva t-tarbija li kienet qiegħda ġġorr fil-ġuf. Isalvalha l-unur tagħha imma wkoll isalva ħajjitha u l-ħajja tat-tarbija. 

Jekk aħna rridu nħarsu lejn qaddis li nesa kollox, id-drittijiet kollha li kienet tagħtih il-liġi, l-unur tiegħu biex iħares il-ħajja, inħarsu lejn San Ġużepp. U l-ewwel talba tiegħi lilu llum hija li aħna nibqgħu soċjetà bħalma aħna, li ngħożżu l-ħajja u niddefenduha anke fil-ġuf. Ġesù twieled għax San Ġużepp iddeċieda jipproteġih. Aħna lil Marija kull 25 ta’ Marzu, fil-fatt ftit wara l-festa ta’ San Ġużepp, infakkruha bħala dik ix-xebba li quddiem il-proposta ta’ Alla li ssir omm Alla, omm ibnu, tgħidlu iva. U bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ġuf tagħha jitnissel il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem. Imma mingħajr id-deċiżjoni ta’ San Ġużepp li jħares lit-tarbija, il-pjan ta’ Alla kien jisfaxxa.

Il-ġustizzzja – għax l-Evanġelju ta’ San Mattew jgħidilna li Ġużeppi kien raġel ġust – il-ġustizzja tiegħu ġejja minn din ir-rettitudni li ma tiqafx fil-liġi imma tmur lil hemm mil-liġi. Mhix qalb  vendikattiva għax iħossu ferut li x’aktarx marret ma’ ħaddieħor – xi ħaġa ġara – imma jħares lejn din ix-xebba li ħabb u lejn it-tarbija li għandha. Wara din id-deċiżjoni, il-Mulej lil San Ġużepp jurih l-identità tat-tarbija u kif sar it-tnissil ta’ din it-tarbija.

“Ġużeppi, bin David, la tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek”, iddaħħalha d-dar għax kienu għarajjes u issa fir-ritwal tat-tieġ u taż-żwieġ Lhudi kien imiss issa l-fatt li jilqagħha f’daru u jgħixu flimkien, “Dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben u inti ssemmih Ġesù għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubietu” (Mt 1:20-21).  

Ġesù twieled għax San Ġużepp iddeċieda jipproteġih.

San Ġużepp b’din il-ħolma jiġi mdwawwal fuq kif sar it-tnissil tat-tarbija, li se jkun iben, li hu se jsemmih Ġesù u tingħata wkoll lil San Ġużepp l-aħbar tal-missjoni tat-tifel. “Dan se jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Mhux se jkun re ta’ din id-dinja, is-salvazzjoni li se jġib dan it-tifel hija iżjed radikali, hija iżjed qawwija għax se ssalvana mill-ħakma tax-xitan, se ssalvana mill-ħakma tad-dnub, se tiftaħ il-qlub tagħna għall-ħniena konkreta. San Ġużepp huwa allura mhux biss il-kustodju tal-ħajja tal-omm u tat-tifel imma mill-bidu nett Alla jafdah bil-pjan tiegħu, jagħrfu bil-missjoni ta’ dan it-tifel li Ġużeppi kellu jsejjaħlu Ġesù.

“Inti ssemmih Ġesù” u b’din l-espressjoni l-Mulej jagħti kull awtorità fl-art lil San Ġużepp fuq l-Iben ta’ Alla. Għaliex l-awtorità li ssemmi, li tagħti l-isem tfisser li inti għandek l-awtorità fuqu. San Ġużepp mela mhux biss iħares, San Ġużepp iħares b’ħafna modi. Lejn il-Madonna kien iħares u jammira. Imma kien ukoll jipproteġi, iħares, meta ngħidu jipproteġi imma mhux biss għax inti tista’ tqabbad lil xi ħadd biex jipproteġik. San Ġużepp huwa mogħti l-awtorità fuq it-tifel. It-tifel lil San Ġużepp isejjaħlu ‘pa’, isejjaħlu ‘missier’.

Fil-fatt anke meta ntilef Ġerusalemm ta’ 12-il sena, il-Madonna tgħidlu: “Missierek u jien” (Lq 3:48) għax qed jisimgħu n-nies. Imma nimmaġina anke fid-dar ta’ Nazaret hekk kienet tgħidlu wkoll. Qatt ma qalilha ‘missieri tas-sema’, qatt ma qallu ‘ma nobdikx għax inti m’intix missieri’. Qagħad għalihom, kien joqgħod għalihom. L-Iben ta’ Alla li f’din id-dinja huwa mħalli f’idejn u taħt l-awtorità ta’ San Ġużepp. Minn hemmhekk jibda l-patroċinju ta’ San Ġużepp. U għalhekk kienet intuwizzjoni feliċi, idea sabiħa ispirata meta 150 sena ilu, propju fit-8 ta’ Diċembru 1870 il-Beatu Piju IX f’mument diffiċli ħafna fil-ħajja tal-Knisja ta’ bidliet epokali, poġġa lill-Knisja, il-ġisem ta’ Ġesù, taħt il-protezzjoni, il-ħarsien ta’ San Ġużepp.   

Ħsieb ieħor li nixtieq li naħdmu fuqu f’dawn ix-xhur bħala familja Ġużeppina hi li nħarsu lejn il-missjoni ta’ kull wieħed u waħda minna bl-istess sens ta’ dover, ta’ ġustizzja, ta’ integrità, u ta’ bżulija li tagħhom huwa eżempju sabiħ San Ġużepp. Il-Mulej afda lill-Ibnu magħmul bniedem u lil ommu Marija f’idejn mastrudaxxa, mhux xi nobbli ta’ din l-art mimli flus, f’idejn ħaddiem umli, sempliċi u bieżel. Imma x-xogħol ta’ San Ġużepp kien xogħol li laqqgħu ma’ kulħadd, mal-kbir u maż-żgħir għax tkun min tkun għandek bżonn fejn toqgħod bilqiegħda, għandek bżonn mejda fuq xiex tiekol u għandek bżonn ukoll min isewwilek in-nagħal għaliex il-mastrudaxxa fi żmien San Ġużepp ma kienx biss jaħdem fl-injam imma kien ukoll il-ħaddied. Il-kelma bil-Grieg hija ‘teklon’, kien propju minn fejn ġejja anke l-kelma teknika. Kien bniedem  handyman, tqabbdu għal kollox allura kulma jkollok bżonn mur għand Ġużepi, dik ite ad Josef, mur għand Ġużeppi. Allura Ġużeppi kien jidħol u kien afdat mir-raħal kollu u mhux biss – għalkemm ma tissemmhiex fil-Bibbja – qrib Nazaret fi żmien San Ġużepp kien hemm belt kbira Zipporah, enormi, kienet belt kbira ħafna. Infatti Nazaret kien raħal ċkejken għalhekk jgħidu: “X’jista’ joħroġ minn Nazaret?” (Ġw 1:46). L-Iben ta’ Alla!

San Ġużepp u l-Madonna, dawn kollha ta’ Nazaret. Aħna nsejħu lilna nfusna ta’ Nazaret għax insejħu lilna nfusna Nsara. Ftakru meta ssejħu lilkom infuskom Insara, jien Nisrani, li aħna magħqudin mhux biss bid-devozzjoni imma bl-imħabba mal-familja ta’ Nazaret għax Ġesù huwa magħruf, għalkemm twieled Betlehem, bħala Ġesù ta’ Nazaret. Fuq is-salib dik kienet il-kundanna tiegħu: Ġesù ta’ Nazaret, jew Ġesù Nazzarenu, Sultan tal-Lhud. U anke Marija u Ġużeppi huma ta’ Nazaret. Aħna Nsara minn Nazaret, fil-mod kif aħna nindirizzaw lil xulxin. Hemm ukoll dik il-belt, illum belt imma fi żmien San Ġużepp u l-Madonna u Ġesù, kien raħal ċkejken, iħares lejn bliet ikbar li kienu jagħtu x-xogħol anke lil San Ġużepp. Integrità, bżulija. San Ġużepp rawwem lit-tfajjel Ġesù, liż-żgħażugħ Ġesù bl-għaraq ta’ xbinu. Għallmu s-sengħa tiegħu u kien dak li fil-għorfa ċkejkna ta’ Nazaret, imbierka bil-preżenza tal-Iben ta’ Alla, kien dak li jġib il-ħobżna ta’ kuljum, dak li bl-awtorità tiegħu ħelwa, ċara, u retta, ta lill-Iben ta’ Alla dak kollu li kellu bżonn b’mod speċjali l-qalb ħelwa u umli.

San Ġorġ Preca kien iħobb jinsisti magħna l-Maltin: ‘id-devozzjoni vera tfisser imitazzjoni’. Jekk inti devot tal-Madonna, jekk inti devot ta’ San Ġużepp, ifhem x’kienet ir-ruħ u l-qalb tagħhom, imxi fuq l-eżempju tagħhom, ovvjament kulħadd skont il-missjoni tiegħu.

San Ġużepp jgħallimna l-ubbidjenza lejn ir-rieda ta’ Alla anke f’mumenti diffiċli. Alla lil San Ġużepp dejjem irnexxielu jikkumplikalu ħajtu. Qatt ma talbu affarijiet sempliċi. Darba minnhom kellna laqgħa mal-Papa Franġisku, konna ftit u qalilna: ‘Ħa ngħidilkom ċajta fuq San Ġużepp’. Għax il-Papa Franġisku devot kbir ta’ San Ġużepp, anke l-Papa Emeritu għax jismu Joseph. Qalilna: ‘Dan beda kull meta jorqod u joħlom u jkellmu Alla, ħajtu tinqaleb ta’ taħt fuq, allura beda jibża’ jorqod biex ma joħlomx u spiċċa bl-insomnja’. Qal din ċajta, ta.

Imma tafu li l-Papa għandu devozzjoni kbira lejn din l-istatwa li oriġinat fil-Amerika Latina ta’ San Ġużepp rieqed. San Ġużepp rieqed mhux għax għażżien imma għax Alla jkellem lil San Ġużepp fl-irqad, fil-ħolm tiegħu. Donnu lanqas hemm għalfejn jisma’ xi jrid jgħid San Ġużepp, San Ġużepp jisma’ biss. San Ġużepp jisma’. Alla kien jafu lil San Ġużepp, ma kellux bżonn jisma’ r-risposta. Kull darba li nisimgħu bil-ħolm ta’ San Ġużepp għal darba, tnejn, tlieta, San Ġużepp iqum u jagħmel dak li qallu l-Mulej.

L-ewwel ħolma hija dik li smajna llum meta jgħidlu: “Tibżax tieħu lil Marija b’martek” (Mt 1:20). It-tieni ħolma meta jgħidlu: “Aqbad lill-mara u t-tifel u mur lejn l-Eġittu” (Mt 2:13). It-tielet ħolma hija meta jgħidlu: “Dawk li riedu jagħmlu ħsara lit-tifel m’għadhomx hemm, aqbad u mur lura” (Mt 2:20). U San Ġużepp dejjem jaqbad u jagħmel dak li jgħidlu.

L-aħħar ħsieb. Aħna għandna ħafna – ippermettilu ngħiduha intom ormaj drajtuni kelma ma nżommhiex – għandna ħafna paroli bl-Isqof b’kollox, imma fatti, fatti? Ngħidu: ‘iva, inħobbu ’l xulxin’. Sabiħ il-kliem, għandna paroli u li nkunu naħdmu flimkien u ngħixu fl-għaqda, għandna ħafna paroli sbieħ bl-Isqof b’kollox, hux qiegħed hawn? Imma l-fatti!

San Ġużepp ma kienx bniedem ta’ ħafna diskors. Jiena naħseb għalhekk għażilhielu, biex ma ġġennux u ma jġenninhiex. Għax kelma daqs sinna timla dinja. U hu ma kellux bżonn jitkellem ħafna ghaliex id-dar kellu l-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem, allura San Ġużepp quddiem il-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem, il-missjoni tiegħu kienet li jkun is-silenzju li fih tidwi l-Kelma vera. Mhux jitkellem hu, hu jisma’ u jagħmel.

Jiena naħseb in-nisa tagħkom kollha jixtiequ li tkunu hekk intom: tisimgħu u tagħmlu, ma titkellmux. Mhux qed ngħidilkom hekk bilfors u dejjem imma nitgħallmu minn San Ġużepp, li l-fatti, Ġesù stess qal: “Mhux billi tgħidli ‘iva’, mhux ‘Sinjur’, imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, dak hu li jħobbni”.

U San Ġużepp din il-ħaġa jgħallimhielna b’mod konkret ħafna. Kien il-bniedem tal-azzjoni, mhux ta’ ħafna paroli, ħafna kjass. U meta ntemmet il-missjoni tiegħu, sparixxa. Aħna nemmnu u din hija wkoll l-intuwizzjoni qawwija tal-Knisja li fil-ġenna San Ġużepp il-missjoni tiegħu tibqa’ għaddejja mhux biss bil-qawwa tal-eżempju tiegħu, imma wkoll bil-missjoni li l-Mulej afdalu li jħares u jipproteġi l-Knisja ta’ Ibnu. Aħna se nimitawh? Se nħalluh imexxina? Se nħalluh jipproteġina? Jekk aħna devoti tiegħu, nagħmlu bħalma għamel hu.

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il- Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Sam 7: 4-5a.12-14a.16
Salm: 88
Qari II: Rum 4: 13.16-18.22
Evanġelju: Mt 1: 16.18-21.24a

Talba lil San Ġużepp

O mqaddes Ġużeppi, aħna nixtiequ nafdawlek il-Knisja taħt il-ħarsien imqaddes tiegħek. Ħares lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, agħtih is-saħħa, il-għerf u d-dehen biex imexxi l-Knisja. Nafdawlek taħt il-ħarsien tiegħek lill-isqfijiet kollha, lis-saċerdoti, lid-djakni, lir-reliġjużi rġiel u nisa, lill-familji kollha, liż-żgħażagħ, lill-anzjani.

Nafdaw taħt il-ħarsien tiegħek lill-morda u b’mod speċjali l-moribondi. Inti li ngħatajt il-grazzja li tħares il-ħajja u l-ġieħ tal-omm u tal-Iben, agħtina l-grazzja li nħarsu d-don tal-ħajja sa mit-tnissil tiegħu sat-tmiem tiegħu fuq din l-art, skont u kif irid il-Mulej.

Inti li mantnejt il-Familja Mqaddsa bix-xogħol u bl-għaraq ta’ ġbinek, agħtina l-grazzja li l-ħobżna ta’ kuljun li naqilgħu, tkun imbierka mill-bżulija, mill-ġustizzja u mis-safa. Int li kellek il-grazzja tisma’ l-leħen tal-Mulej fil-ħolm u tagħmel dak li qallek, agħtina l-grazzja li nisimgħu leħen il-Mulej u li nagħmluh u li norbtu qalbna mar-rieda mqaddsa tal-Mulej.

Int li int xempju ta’ silenzju, ta’ rettitudni u ta’ safa, agħtina l-grazzja li ngħixu l-ħajja Nisranija tagħna skont il-vokazzjoni tagħna u li nħossu kull jum ta’ ħajjitna l-qawwa u l-faraġ tal-patroċinju tiegħek.

Dan nitolbuhulek bl-interċessjoni tal-għarusa tiegħek Marija u bi Kristu Sidna, li int tant tħobb u ħabbejt. Bi Kristu Sidna.

Ammen

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti