L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Intom il-melħ tal-art. Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:13). Dawn iż-żewġ tixbihat huma profondi u l-Mulej japplikahom għalina, id-dixxipli tiegħu.
Il-melħ fi żmien Ġesù kien prezzjożissmu, għalhekk anke madwar il-gżejjer tagħna għandna postijiet propju indikati għall-manifattura tal-melħ mill-baħar: il-Mellieħa, is-Salini. Fiż-żewġ gżejjer tagħna għandna postijiet fejn missirijietna kienu jieħdu l-melħ mill-baħar għax kienet xi ħaġa tassew prezzjuża.
Niftakru l-vjaġġ kbir li għamel Mahatma Gandhi, li qasam l-Indja sakemm wasal sal-baħar biex jagħmel il-melħ hu, għax ma riedx li jħallas it-taxxa lill-Imperu Brittaniku. U dik il-mixja kbira biex jagħmel il-melħ mill-baħar direttament saret il-mixja tal-libertà tal-poplu Indjan.
Il-melħ fi żmien Ġesù mhux biss kien prezzjuż imma kien ukoll il-mezz kif inti tagħti t-togħma lill-ikel u l-mezz kif tippreserva b’mod speċjali l-laħmijiet, dak kollu li seta’ jiħżien faċilment; kien jiġi mħares mit-taħsir, mill-korruzzjoni permezz tal-melħ.
U allura din l-espressjoni ta’ Ġesù hija profonda ħafna. Iridna li nkunu togħma tajba fis-soċjetà ta’ żmienna, irridu nkunu wkoll komunità li ngħinu lid-dinja teħles minn dak kollu li jġib it-taħsir.
Id-dawl ovvjament huwa f’kuntrast mad-dlam. “Id-dawl li ma jistax jinħeba” jgħid Ġesù, “li jitpoġġa fuq l-imnara” (Mt 5:17). L-imnara – l-għerq tagħha huwa n-nar – huwa mezz kif inti n-nar, id-dawl tpoġġih b’mod li jkun jista’ jdawwal lil kull min ikun fid-dar.
Ġesù jridna nkunu togħma tajba fis-soċjetà ta’ żmienna, irridu nkunu wkoll komunità li ngħinu lid-dinja teħles minn dak kollu li jġib it-taħsir.
Aħna meta nħarsu lejn il-qaddisin nifhmu kemm kienu melħ u dawl. Efrem id-djaknu li qed niċċelebraw illum, għex f’kuntest fejn il-Knisja kienet għadha qed tgħix mumenti ta’ persekuzzjoni. Ma kinitx faċli tagħżel li tkun Nisrani u hu ta’ 18-il sena jiddeċiedi li jrid jitgħammed, iħaddan lil Ġesù f’ħajtu. Imbagħad kellu ċ-ċans ukoll jgħin lill-Isqof ta’ Niblisi u f’Edessa, fejn imbagħad kellu jaħrab meta minn Niblisi ġiet meħuda mill-Persjani, kien punt ta’ referenza. San Efrem kien tant bniedem li ħaddem u għex dak li għallem, li allura kellu r-rispett ta’ kulħadd.
Ejjew nitolbu l-interċessjoni tiegħu, niftakru li kien vittma ta’ epidemija ta’ żmienu u miet bil-pesta waqt li qed jgħin lil ħaddieħor u bl-interċessjoni tiegħu nitolbu wkoll, mhux biss għall-vittmi li fid-dinja huma mijiet ta’ eluf – fostna huma ftit imma fid-dinja mijiet hemm – u anke f’dawk li taw ħajjithom biex ikunu jistgħu jaqdu lill-oħrajn bħalma għamel San Efrem.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Slaten 17, 7-16
Salm: 4 , 2-3.4-5.7-8
Evanġelju: Mt 5, 13-16