L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Id-dixxippli jitqanqlu mill-eżempju ta’ Ġesù. Kif ngħidu bil-Malti, il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar. Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob, bħalma kien imdorri jagħmel. L-Evanġelju jgħidilna li kien jibda l-ġurnata kmieni filgħodu jinġabar fit-talb u d-dixxippli kienu jinnutaw x’jagħmel l-Imgħallem. “Wieħed mid-dixxippli tiegħu qallu: ‘Għallimna nitolbu’” (Lq 11:1).

Ħa tkun din it-talba tagħna wkoll illum. Lil Ġesù nitolbuh jgħallimna nitolbu. Kultant aħna meta niftakru f’Alla, it-talb għalina jsir iżjed sensiela ta’ rikjesti, minflok nitolbu, nittallbu, aqlagħli dik il-grazzja, agħmel li t-tifel jgħaddi mill-eżami, agħmel li t-tifla tiżżewweġ xi ħadd bil-għaqal, agħmel li xi ħadd għażiż ifiq mill-mard. Minflok nitolbu nittallbu. Ġesù ma jaqtgħalniex qalbna, ma jgħidilniex tagħmlux hekk, għaliex jinsisti magħna wkoll: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu” (Lq 11: 9-10).

Jiena naħseb li hemm bżonn nitolbuh b’insistenza qabel xejn; għallimna nitolbu. Ħafna drabi nitolbuh affarijiet li mhumiex ta’ ġid għalina. Immaġinaw l-għafsa ta’ qalb ta’ missier li t-tifel b’rabja kbira jitolbu l-flus ħa jixtri d-droga. Mhux għand missieru mar, mhux qed jitolbu xi ħaġa imma qed jitolbu xi ħaġa li se tagħmillu l-ħsara u twasslu għall-mewt. X’jagħmel il-missier? Għiduli intom?

 Kultant hemm ġenituri b’għafsa ta’ qalb jgħidulek: ‘Father, ma stajtx neħles minnu jew minnha.’ U intom tgħidu imma mhux sew, għax mhux kull rikjesta hija tajba li taqlagħha, mhux kull rikjesta tajjeb li tgħidlu, mela le. Din tgħodd ukoll għat-tfal iż-żgħar, ma nderruhomx tajjeb it-tfal li kulma jitolbu iva mela le biex inżommuhom kwieti, għax tiffranka bikja llum u tibki ħafna iżjed għada u pitgħada.

Mela l-Mulej nitolbuh jgħallimna nitolbu imma wkoll jgħallimna li meta xi ħadd jitlobna xi ħaġa, ir-risposta tagħna tkun risposta ta’ vera mħabba. L-imħabba li mhux bilfors tkun ‘soft’, l-imħabba kultant tfisser li tgħid le, anke fir-relazzjoni ta’ bejnietna. Żewġ persuni li jinħabbu, min jista’ jifhem ħa jifhem, mhux kull rikjesta tgħodd, mhux kull rikjesta ġejja mill-imħabba. Kultant id-dinjità tiegħek tgħidlek għid le; mhux hekk ngħallmuhom u nixtiequ li jagħmlu ż-żagħżagħ tagħna meta jkunu f’post ta’ divertiment u sħabhom joffrulhom xi xarba li tagħmilhom il-ħsara? Mhux se tkun magħhom inti fil-but imma titlob lill-qaddisin kollha, hemmhekk veru titlobhom, biex it-tifel jew it-tifla jkollhom is-sens li jgħidu ‘le’.

“It-talb qed iressqek qrib xi ħadd li jħobbok.”

Allura aħna m’għandniex għalfejn nieħdu għalina meta l-Mulej donnu jittarrax għal xi talba tagħna għax mingħalina qegħdin nitolbuh bajda u nkunu qedgħin nitolbuh serp. U l-Mulej is-serp ma jtihulekx. “Għallimna nitolbu” (Lq 11:1). Għalhekk meta dan id-dixxipplu lil Mulej qallu għallimna nitolbu, Ġesù qallu: “Meta titolbu, għidu, Missier jitqaddes ismek, tiġi saltnatek. Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum u aħfilna dnubietna” (Lq 11: 2-4).

X’inhi l-ewwel lezzjoni li għallimna Ġesù? Taħsibx biss fik innifsek. It-talb ta’ Ġesù magħmul bħall-aħwa, mhux agħtini l-ħobżna ta’ kuljum, ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.

Mhux aħfirli dnubieti, “aħfrilna dnubietna”. Għaliex? Għaliex qed jgħallimna li aħna għandna missier wieħed u lkoll aħwa. It-talb tagħna f’isem Ġesù ma jistax ikun talb għall-interessi tiegħi biss. Jiena nista’ nitlob xi ħaġa lill-Mulej biex nagħmel ħsara lil ħija jew lil oħti? Dak mhux it-talb skont l-ispirtu tal-Mulej Ġesù. “Għallimna nitolbu” (Lq 11:1).

Għallimna wkoll li meta dak li nitolbu ma jiġix kif nixtiequ nieqfu ftit u ngħidu: ‘Mulej jiena tlabtek għax inti hekk għedtli u tlabtek b’fidi kbira imma kif trid inti mhux kif irrid jien.’ Intom tafu lkoll li kultant nitolbuh b’naqra b’wiċċna tost, ħa nġib eżempju tal-ġenituri u n-nanniet ukoll.

Jiġi n-neputi jgħidlek nanna jiena ma studjajtx imma itlob għalija ħalli ngħaddi mill-eżami. Nawguralek li jkollok is-sens u tgħidlu ibni issa nitlob li teħel ħalli mbagħad tistudja u fir-repatorju tgħaddi għax inkella qed tgħidlu t-talb tiegħi jgħinek ma tagħmilx id-dover, bil-maġija, le, għallimna nitolbu. Jew nanna għandi d-dejn bid-droga, itlob lil Santa Rita ħalli nirbaħ il-lotterija. Mhux aħjar tieqaf tonfoq il-flus fid-droga minflok titlob lil Santa Rita tipprovdilek il-flus għad-droga? Biex inkomplu fuq l-istess eżempju. “Għallimna nitolbu” (Lq 11:1).

Ġesù meta jitkellem fuq it-talb jitkellem fuq il-missier, jitkellem fuq il-ħabib imma jinsisti li fit-talb aħna qed nitkellmu ma’ xi ħadd li jħobbna. Mela meta titlob lil Alla anke bl-interċessjoni tal-qaddisin, kun persważ/a minn din il-ħaġa. It-talb qed iressqek qrib xi ħadd li jħobbok u allura inti kif tibda titkellem ma’ Alla u tiddjaloga miegħu fit-talb, diġà qiegħed tgħum fil-paċi ta’ min iħobbok u dik diġà fiha barka kbira.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 18:20-32
Salm: 137 (138):1-2a,2bċ-3,6-7ab,7ċ-8
Qari II: Kol 2:12-14
L-Evanġelju: Lq 11:1-13

Aktar ritratti