L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Hemm Kelma ta’ Ġesù llum li tispjegalna x’jinkwetah. Meta jitkellem fuq ir-regħba, jitkellem fuq xi ħadd li mhux ifaddal – għax li tfaddal huwa għaqal – imma li jfaddal għalih nnifsu biss. “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba” (Lq 12:15). Meta dak li tagħmel, tagħmlu biss għalik innifsek. “Iblah li int!” (Lq 12:20). “Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla” (Lq 12:21). Din hija xi ħaġa li tinkwieta lil Ġesù. Mhux il-ġid, jew it-tkattir tal-ġid, imma li l-ġid isir għan fih innifsu, li jispiċċa jeqred u javvelena saħansitra lil qalbna stess. U Ġesù din il-kelma jgħidha għaliex jixtiqilna l-vera ġid. Aħdem, il-Mulej ibierek ix-xogħol tiegħek. Faddal, għax li tfaddal huwa għaqal. Imma dejjem, dejjem aħseb f’ħaddieħor. Dak li tagħmel, tagħmlux biss għalik innifsek, u meta taħseb f’ħaddieħor tkun qed taħseb ukoll fik innifsek.
Dan l-għani tal-parabbola li biha jispjega Ġesù xi jrid jgħidilna, irid jaħżen dak kollu li ġabar biex jgħix ħajja komda. Sa hemmhekk m’hemm xejn ħażin. Imma qed jinsa lill-proxxmu tiegħu kollu. U hawnhekk qed jirrealizza forsi li għandu ħafna ġid, u veru. Imma qed jinsa li dak il-ġid, fil-qawwa u l-kobor tiegħu, isir ukoll responsabbiltà. Jekk il-Mulej bierkek bil-ġid, għaliex inti persuna bil-għaqal, qis li dak il-ġid jitbierek billi taħseb fil-proxxmu tiegħek. Aħna l-Maltin magħrufin għall-ġenerożità tagħna, u jalla l-Mulej ikabbar il-ġid fostna, imma jbegħidna minn kull regħba.
Ma tridx tkun għaref ħafna biex tifhem li iżjed ma jgħaddi ż-żmien, kemm qerda ġġib ir-regħba. Immaġina xi ħadd qed jibni post, u minħabba r-regħba ma jagħmilx l-ispejjeż neċessarji biex il-post ikun sigur. Minħabba r-regħba, biex tiffranka erba’ soldi, tibni binja li se tiġġarraf illum qabel għada. Dik is-saħta tar-rebgħa! Immaġinaw ħuti, min għall-flus, liż-żgħażagħ tagħna, ibigħilhom id-droga. Mhux liż-żgħażagħ tagħna biss, anke lill-mustaċċuni.
Min jiflaħ iħallas ħa jħallas! Il-kilba għall-profitt tar-rebgħa ġġib f’dawk il-każi saħta kbira magħha. Min isellef bl-użura għar-rebgħa, il-flus li jdaħħal – għedtha kemm-il darba nerġa’ nirrepetiha – misħutin dawk il-flus misħutin! Misħutin! Il-flus li jiġu mid-droga, il-flus li jiġu mill-użura, il-flus li jiġu mill-qerq u mill-korruzzjoni huma misħutin! Ma tgawduhomx. Dawk huma nar ġol-but li jaħraqlek il-paċi ta’ qalbek.
Il-Kelma t’Alla llum fuq dan titkellem u dan irridu nifhmu meta nisimgħu l-kelma mill-ktieb ta’ Qoħelet li jgħidilna “kollox frugħa” (Qoħelet 1:2). Mingħalik, għax għandek ħafna flus, sa tgħix għal dejjem! Ma jista’ għalik ħadd! Tiġi marda fuqek – ma nixtieqha fuq ħadd jien – imbagħad tkun taf xi tfisser li s-saħħa m’għandhiex prezz. Is-soċjetà tagħna qiegħda tagħmel tajjeb, li fil-viżjoni tagħna bħala pajjiż nitkellmu fuq il-kwalità tal-ħajja.
Immaġina xi ħadd qed jibni post, u minħabba r-regħba ma jagħmilx l-ispejjeż neċessarji biex il-post ikun sigur. Minħabba r-regħba, biex tiffranka erba’ soldi, tibni binja li se tiġġarraf illum qabel għada. Dik is-saħta tar-rebgħa!
Imma l-kwalità tal-ħajja mhix ġejja minn kemm għandek flus fil-bank, kemm għandek il-qawwa li tonfoq; dik hija parti ċkejkna mill-kwalità tal-ħajja. Inti għandek qalb kbira li meta tara lil xi ħadd fil-bżonn tgħinu? Hemmhekk tiġi l-barka tiegħek. Għax il-flus li Alla pprovdielek, li inti qlajt bl-għaraq ta’ ġbinek, mhux bis-serq, li inti qlajt bl-għaraq ta’ ġbinek – u jien hawnhekk qed nitkellem, għax ftit ftit qed insir nafkom u napprezzakom – poplu bieżel. Poplu bieżel. U l-Mulej bierek il-bżulija tal-poplu tagħna, ta’ min il-ħobżna ta’ kuljum jaqlagħha bl-għaraq ta’ ġbinu, mhux bil-qerq u bis-serq, mhux billi jagħmel ħsara lil ħaddieħor jew jieħu dak li ma ħaqqux. Qligħ bħal dak huwa misħut! Nerġa’ ngħidha: il-qligħ li jiġi mill-inġustizzja, mis-serq, mill-vjolenza, mill-qerq, huwa misħut!
Dak huwa l-idolatrija, li inti minflok Alla veru u ħaj, tagħżel alla tiegħek, ta’ moħħok, ta’ butek. U qatt ma jkollok il-paċi, qatt, għax ikollok kemm ikollok dejjem trid iżjed. Għidli int, il-flus ma jistgħux jagħtuk il-paċi! Skont kif tużahom, skont kif tużahom! U għalhekk Ġesù jgħid, ipprova stagħna b’dak li għandek quddiem Alla (ara Lq 12:21). Billi tkun bħalu li jieħu ħsieb il-fqir u żgħir.
Kemm tkun ħaġa sabiħa, din il-Kelma ta’ Ġesù, kieku ma tkunx għalina biss jew għall-familji tagħna, imma anke għad-dinja. L-inġustizzja ta’ popli jgħumu fil-ġid, u popli jmutu bil-ġuħ. L-inġustizzja li l-ġuħ jintuża bħala arma ta’ vjolenza u ta’ gwerra, bħalma qed isir f’Gaża. U aħna naħsbu li ma nistgħux u m’għandniex għalfejn nagħtu kont ta’ dawn l-inġustizzji, li ħafna drabi jiġu frott ir-regħba. Daqskemm mhix misħuta l-industrija tal-armi! Nużaw il-qawwa tal-moħħ tal-bniedem, il-kapaċità tiegħu, biex nibnu strumenti tal-qtil, tat-tifrik, tad-distruzzjoni. Ifhmu li l-Kelma sempliċi ta’ Ġesù għandha effett kbir fuq il-kuxjenza tagħna.
L-aħħar kelma, l-Evanġelju tal-lum jibda b’inċident familjari. “Xi ħadd mill-folla” [lil Ġesù jgħidlu]: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi” (Lq 12:13). U Ġesù jgħidlu “Ħabib, […] min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?” (Lq 12:14) Ġesù ma jidħolx fiha din. Donnu ma jridx jidħol bejn il-basla u qoxritha, kif ngħidu bil-Malti. Imma donnu qed jgħidilna wkoll: “minflok tistaqsu lili, mhux aħjar tirranġaw l-affarijiet b’ġustizzja bejnietkom.” U din kelma li ngħid lill-ġenituri. Il-Mulej ibierek kulma għandkom, il-Mulej jagħtikom għomor twil, imma għamlu pjaċir lid-dinja, wara mewtkom tħallux baħar inkwiet. Tħallux baħar inkwiet! Għax hemm il-ġustizzja li inti tuża waqt li inti ħaj jew ħajja, imma hemm ukoll ġustizzja meta tħalli dak li jkollok tħalli bilfors, trid jew ma tridx.
Bħalma tgħid, il-Kelma t’Alla, taħdem kemm taħdem jaf ix-xogħol tiegħek jirtu ħaddieħor – ma jkun għamel xejn dan. Għax meta jkun hemm, kulħadd jippreżenta ruħu, imbagħad kulħadd jiġi minna. Ara meta tkun f’qiegħ ta’ sodda, id-diskors ikun differenti. Imma jekk ikun hemm xi balla liri – jew insomma ewro llum – x’tiret kulħadd jiġi minnek, imbagħad, sinjur. Biex naraw il-frugħa tad-dinja! Agħmel karità, imma lill-familja tiegħek toħloqilhiex inkwiet iżjed milli tiflaħ.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Qoħ 1:2; 2:21-23
Salm: 89 (90):3-4,5-6,12-13,14 u 17
Qari II: Kol 3:1-5,9-11
L-Evanġelju: Lq 12:13-21