L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm tliet punti li naraw fir-rakkont ta’ jumejn mill-ħajja ta’ Ġesù fl-Evanġelju skont San Mark illum.
Servizz bi mħabba kbira
L-ewwel nett, is-servizz tiegħu magħmul b’tant imħabba. Meta fejjaq lil omm il-mara ta’ Xmun, ma għandniex biss ir-rakkont tal-fejqan tagħha, imma wkoll il-mod kif Ġesù għamel dan il-fejqan: “Resaq lejha, qabadha minn idha, u qajjimha. U d-deni ħallieha” (Mk 1:29). Hi turija tal-imħabba kbira li Ġesù kien juri fis-servizz tiegħu.
Hawn niftakru ħafna fil-kliem tal-Papa Franġisku, meta jgħid li fil-qadi tagħna għandu jkun hemm dejjem il-viċinanza, il-kompassjoni u t-tenerezza – dawn it-tliet kwalitajiet sbieħ li jidhru b’mod hekk tajjeb fil-fejqan li għamel Ġesù mhux biss ta’ din il-mara imma wkoll, kif jgħid ir-rakkont, dak inhar filgħaxija, ta’ dawk kollha li kienu morda u li kienu maħkuma mix-xitan.
Dan huwa messaġġ għalina lkoll bħala dixxipli ta’ Ġesù, u b’mod partikulari wkoll għalina bħala saċerdoti li qed naħdmu f’oqsma differenti tal-Knisja f’Malta. Hekk għandu jkun is-servizz tagħna.
Iċ-ċentralità tat-talb
It-tieni punt li joħroġ ċar mill-Evanġelju hu: iċ-ċentralità tat-talb. L-Evanġelju jgħid li filgħodu kmieni, Ġesù “qam, ħareġ u mar f’post imwarrab, u qagħad hemm jitlob” (Mk 1:35). It-talb hu fil-qalba tar-rakkont tal-ministeru ta’ Ġesù.
Dan ukoll hu messaġġ ta’ siwi kbir għalina li qegħdin involuti f’ħidmiet differenti. Illum kellna okkażjoni sabiħa, f’din il-parroċċa tal-Qawra, li nisimgħu dwar kemm isir servizz sabiħ lil tant nies fil-qasam tad-djakonija, b’ġenerożità u b’qalb kbira. Hu proprju t-talb li jgħinna nkunu f’għaqda ma’ Alla u li jagħtina l-qawwa biex dan is-servizz nagħmluh bl-istess spirtu ta’ Ġesù, nagħmluh ma’ kulħadd – kemm min ikun rikonoxxenti u kemm min le – u nagħmluh bil-fedeltà. Huwa importanti għalina s-saċerdoti li niftakru li fil-qalba tal-ministeru tagħna għandu jkollna dejjem dan it-talb, il-ħin fil-kwiet ma’ Alla, li hu għajn li minnha għandna nixorbu u li tagħtina l-qawwa biex nistgħu tassew nagħtu servizz tajjeb.
Spirtu missjunarju
It-tielet punt li jissemma f’dan ir-rakkont hu meta lil Ġesù jgħidulu “kulħadd jistaqsi għalik” (Mk 1:37), u r-reazzjoni tiegħu għal dak li jridu n-nies hi li jgħidilhom “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt” (Mk 1:38). Hu Ġesù li kontinwament ħiereġ, jaqdi l-missjoni f’post imma jgħaddi minn post għall-ieħor. Hu dak li aħna tkellimna fuqu llum fil-live-in, li l-parroċċa tkun missjunarja, jiġifieri li fil-parroċċa nimxu minn ħidma għal oħra, minn grupp ta’ nies għal oħrajn, minn dawk li jiġu għal dawk li ma jiġux, biex nistgħu tassew naqdu bl-ispirtu ta’ Ġesù li kontinwament joħroġ lejn nies oħra. Il-missjoni tagħna hi li dejjem noħorġu, qatt ma nibqgħu magħluqin fl-istess ċirku.
Nitolbu lill-Mulej illum għalina lkoll, speċjalment għal dawn il-kappillani minn parroċċi differenti ta’ Malta, biex nistgħu naqdu l-ħidma tagħna bl-istess spirtu ta’ Ġesù, jiġifieri: b’imħabba kbira li turi ruħha fil-viċinanza, kompassjoni u tenerezza; biex it-talb ikun dejjem ċentrali fil-ħajja u fil-ħidma tagħna u jagħtina l-qawwa u l-ispirazzjoni; u biex ikollna attitudni missjunarja li tgħinna dejjem noħorġu biex nilħqu lil nies oħra biex lilhom ukoll inwasslulhom l-Aħbar it-Tajba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta