L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

First of all, I would like to greet our guests. I am happy to notice that you can also follow the liturgy through the booklets, in a number of languages.

Ġesù, minn fuq is-salib, fl-Evanġelju li għadna kemm smajna fil-Passjoni ta’ Ġesù skont San Luqa, jagħtina tliet kelmiet għeżież. L-ewwel nett, Ġesù stess, jiddefendi lil min sallbu: “Aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). It-tieni kelma li għandna hi dik li jgħid lill-ħalliel sieħbu fit-tislib: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23:43). U t-tielet kelma hi wkoll lill-Missier, meta jerħi ruħu f’idejh.

F’dawn it-tliet kelmiet għeżież ta’ Ġesù, aħna nilmħu l-qalb tiegħu u s-setgħa kbira tal-imħabba tiegħu. Jidħol għalina midinbin, billi lill-Missier jgħidlu biex jaħfrilna, ikun l-aqwa l-avukat tagħna, “ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Ħafna drabi, wara traġedja tad-dnubiet tagħna, hemm dan in-nuqqas ta’ għaqal, ta’ tagħrif, ma nkunux nafu x’aħna nagħmlu, lilna nfusna, lil għajrna, u lil Alla. U l-Mulej, minflok jikkundannana, lill-Missier jgħidlu: “Aħfrilhom” (Lq 23:34).

Hekk ukoll jagħmel fid-djalogu tiegħu mal-ħalliel sieħbu. Aħna nsejħulu l-ħalliel it-tajjeb. Kien hemm għaref tal-Knisja li qal: tant kien ħalliel tajjeb, li seraq il-Ġenna wkoll, ħalliel professjonali. “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23:43). Dan il-bniedem minxur fuq salib għandu l-qawwa jwiegħed il-ħajja ta’ dejjem. Dan hu l-misteru kbir. Aħna nilmħu lil Ġesù msallab, u nisimgħuh iwiegħed, mhux il-ġid tal-art, u l-għana tad-dinja, imma l-Ġenna. Huwa hawnhekk, tintwera l-qawwa vera tal-Mulej, li minn fuq is-salib, jiftaħ il-bibien tal-Ġenna lil sieħbu msallab miegħu, u lil kull wieħed u waħda minna.

Imma Ġesù wkoll, lill-Missier jgħidlu l-aħħar kelma, li għandha tkun il-kelma tagħna fit-tmiem ta’ ħajjitna: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46). Fid-dawl ta’ din il-Kelma għażiża ta’ Ġesù, ejjew nitolbu li aħna qatt ma nippretendu li aħna sidien ta’ ħajjitna, jew tal-ħajja ta’ xi ħadd, imma jkollna l-umiltà profonda, l-għerf qawwi, li l-Missier nirrepetulu l-kelma għażiża ta’ Ġesù: ‘F’idejk jien nerħi ruħi’.

Ħajti ma neħodhiex b’idejja, u lanqas noqtol lil xi ħadd f’isem xi kompassjoni falza; imma nħalli f’idejk.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 50:4-7
Salm: 21 (22):8-9,17-18a,19-20,23-24
Qari II: Fil 2:6-11
L-Evanġelju: Mt 26:14 – 27:66

Aktar ritratti