L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Id-domanda fundamentali li jpoġġi quddiemna dan l-Evanġelju li għadna kemm smajna hija: min hu Ġesù? Xi ħadd jiltaqa’ miegħek li ma jafux u jgħidlek: ‘Min hu Ġesù?’ San Ġwann qed jipprova jispjegalna l-identità ta’ Ġesù. “Araw il-Ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1:29). Għaliex meta jara lil dan il-mastrudaxxa ta’ Nazaret, magħruf bħala bin Ġużeppi u bin Marija ta’ Nazaret, ma jgħidx: ‘Dan hu raġel veru sew.’ Imma jgħid “il-Ħaruf ta’ Alla”.
Bl-Aramajk, li bih kienu jitkellmu fiż-żmien Ġesù, li bih kien jitkellem Ġesù u anke Ġwanni l-Battista – l-istudjużi, almenu wħud minnhom, jgħidulna li l-kelma ‘ħaruf’ tista’ tfisser ukoll tifel jew iben, u anke qaddej. Allura b’kelma waħda, Ġwanni qed jindika persuna ġwejda; wara kollox Ġesù stess jgħidilna: “Tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:28). Karatteristiċi li fl-immaġinarju tagħna nassoċjawhom faċilment ma’ ħaruf ġwejjed.
Bħalma jgħid il-Profeta Iżaija fil-profeziji li naqraw fil-Ġimgħa l-Kbira: “Bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu” (Iż 53:7).

Is-silenzju tiegħu, il-persuna ġwejda, il-persuna kalma, il-persuna serena. Il-Ħaruf ta’ Alla, imma wkoll huwa l-qaddej ta’ Alla, l-Iben ta’ Alla. Dan jikkonfermah meta jerġa’ jinsisti fi tmiem l-Evanġelju li għadna kemm smajna: “Dan hu l-Iben ta’ Alla” (Ġw 1:34). U din hi xi ħaġa kbira ħafna għaliex li bniedem Lhudi jgħid li Alla għandu iben u li Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, qed jgħarrafna wkoll xi ħaġa mill-qalb ta’ Alla.
Id-dnub tad-dinja huwa s-suppervja. Għalhekk il-Ħaruf jikkontrasta mad-dnub tad-dinja; u l-immaġini ta’ Ġesù bħala l-Ħaruf, jagħtina l-mod kif hu ġie jġarraf is-setgħa tad-dlamijiet, is-saltna ta’ Satana, il-ħakma tad-dnub. Minflok is-supervja ġabilna l-umiltà.
Fil-fatt, f’dan l-Evanġelju mill-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ Ġwanni, niltaqgħu diġà fil-ftit versi ma’ Alla li huwa l-Missier, li jispira lil Ġwanni, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu. Għaliex Ġwanni stess jgħid: “Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu” (Ġw 1:33). L-Ispirtu s-Santu, li huwa l-qawwa li tmexxi lil Ġesù, l-imħabba li tanimah u tħeġġiġlu qalbu.

San Ġwann jgħid xi ħaġa, li kienet imħabbra diġà lill-mamà ta’ Ġesù. Meta l-anġlu Gabrijel dehrilha u pproponilha li tgħid ‘iva’ biex tkun omm Alla, hu jgħid: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1:29). Id-dnub tad-dinja, l-iżjed wieħed fundamentali li narawh anke f’tant effetti llum, huwa s-suppervja. Id-dnub tad-dinja huwa s-suppervja. Għalhekk il-Ħaruf jikkontrasta mad-dnub tad-dinja; u l-immaġini ta’ Ġesù bħala l-Ħaruf, jagħtina l-mod kif hu ġie jġarraf is-setgħa tad-dlamijiet, is-saltna ta’ Satana, il-ħakma tad-dnub. Minflok is-supervja ġabilna l-umiltà. Wara kollox, anke f’din il-laqgħa ta’ dawn iż-żewġ persuni: Ġwanni u Ġesù, hemm umiltà kbira. Ġwanni li jiddikjara l-identità ta’ Ġesù, u jgħid: “warrajja ġej bniedem li hu aqwa minni” (Ġw 1:30)… “li jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu” (Ġw 1:27). “Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu. Dan rajtu b’għajnejja u għalhekk xhedt” (Ġw 1:33-34).
Kemm hi ħaġa straordinarja din l-esperjenza ta’ Ġwanni: “rajtu b’għajnejja” (Ġw 1:33); fejn qed jindika li l-esperjenza tal-Magħmudija fil-Ġordan, kienet xi ħaġa li ssorprendiet anke lilu, li wrietu l-identità vera ta’ Ġesù, u hu qed jixhed għaliha. Ġwanni l-Battista jixhed għall-identità ta’ Ġesù sal-aħħar, anke bil-martirju tiegħu. Għax quddiem Erodi u Erodja, il-mara ta’ ħuh Filippu, jibqa’ jinsisti fuq il-fedeltà u l-verità, bħala xhud u martri għall-verità, li hu Kristu.

Illum, aħna u niskopru l-identità ta’ Ġesù, bħala din il-preżenza safja, din il-preżenza umli, din il-preżenza ta’ ħlewwa u ta’ tenerezza; nifhmu wkoll li b’dawn il-kwalitajiet, dawn l-atteġġjamenti, Ġesù ġie jħassar id-dnub tad-dinja; u jaf jagħtina l-mediċina għad-dnubiet tagħna. Ejjew illum nilqgħuh b’umiltà u ngħidulu: saffina mis-suppervja u mid-dnub tagħna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 49:3,5-6
Responsorju: S 39 (40):2,4ab,7-8a,8b-9,10
Qari II: 1 Kor 1:1-3
L-Evanġelju: Ġw 1:29-34





