Ritratt: Parroċċa ta’ Ħal Balzan
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Mhuwiex hawn, imma qam” (Lq 24:6). Din hija l-Aħbar li jisimgħu n-nisa li marru sal-qabar ta’ Ġesù biex isibu l-ġisem mejjet tiegħu.
X’ferħ inħossu meta qed ninġabru flimkien f’din il-Vġili tal-Għid, mdawrin bid-dawl tal-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt! Il-qabar hu vojt, u l-mewt intrebħet. Is-salib, li darba kien simbolu ta’ mistħija u telfa, issa sar sinjal ta’ rebħa u ħajja. Fil-qawmien ta’ Ġesù, naraw il-milja ta’ kull wegħda li Alla qatt għamel: li l-imħabba tirbaħ fuq il-mibegħda, li t-tama tirbaħ fuq id-disperazzjoni, u li l-ħajja tirbaħ fuq il-mewt.
L-Għid mhuwiex biss tifkira ta’ avveniment li għadda. Hu l-qalba stess tal-fidi tagħna u l-pedament tal-missjoni tagħna. Hu l-proklamazzjoni kbira li l-ħajja – anke fl-aktar forma dgħajfa u midruba tagħha – għandha valur immens, għax Alla nnifsu daħal fiha, fdieha, u qajjimha.
It-tifsira tal-Qawmien: Il-ħajja mifdija
Il-qawmien ta’ Ġesù mhuwiex sempliċement tneħħija tal-mewt; hu t-trasformazzjoni tagħha. Ġesù ma ġiex biex ħajjitna ma tasalx xi mument fit-tmiem tagħha bil-mewt – iżda biex jeqred il-qawwa tal-mewt għal kollox.
Hu ma qamx mill-mewt għalih biss. Hu rxoxta għalina. Fih, kull ħajja umana hi msejħa għall-eternità. Dan ifisser li f’kull ħajja, mill-ewwel nifs tagħha sal-aħħar mument, hemm l-id ta’ Alla. Il-ħajja mhix tagħna biex nagħtuha jew neħduha kif jidhrilna aħna; hi sagra. Ġesù feda t-tbatija tagħna, u anke l-mewt tagħna, billi għadda minnhom hu stess u ħareġ rebbieħ.
Fil-qawmien tiegħu, Alla jiddikjara li l-ħajja dejjem tiswa – anke meta tkun bl-uġigħ, anke meta tkun diffiċli, anke meta tidher bla valur fid-dawl tad-dinja.
It-tentazzjoni ta’ kompassjoni falza
Qed ngħixu fi żmien fejn hu mifrux il-biża’ quddiem it-tbatija u l-mewt. Qegħdin f’kultura li tqis l-effiċjenza u l-awtonomija bħala kollox, u għalhekk qed tikber il-fehma li l-ħajja għandha tkun dejjem komda, li tista’ tikkontrollaha, u ħielsa mill-uġigħ. Meta dan ma jkunx il-każ, xi wħud jipproponu bħala soluzzjoni li tkun tista’ ttemm il-ħajja tiegħek jew ħaddieħor itemmielek, dik li tissejjaħ “mewt assistita” u li fil-fatt tfisser “qtil assistit”.
Nixtieq li nirriflettu fuq dan, għaliex irridu nkunu ċari ħafna fi ħsibijietna u f’qalbna fid-dawl tal-ħidma li għaddejja f’pajjiżna biex dan ikun aċċettabbli.
Hemm uħud li jpinġu dan bħala att ta’ kompassjoni. Imma l-qtil ta’ xi ħadd bil-għan li ttaffilu jew ittaffilha t-tbatija mhux kompassjoni, mhux ħniena. Hu “falliment tal-imħabba”, kif ifisser il-Papa Franġisku.
Ħniena vera ma teqridx lil min ibati, imma timxi miegħu jew magħha. Ma tfittexx li tispiċċa kmieni l-istorja ta’ min qed ibati imma tikteb l-aħħar kapitli b’imħabba u b’dinjità. Bħala Nsara, aħna msejħin mhux biex ntemmu t-tbatija billi noqtlu lill-persuna, imma biex inkunu għalihom bħal Marija ħdejn Ġesù – noqogħdu taħt is-salib tagħhom, intaffu l-ġrieħi tagħhom, u nkunu viċin fil-qalba tat-tbatija tagħhom.
Il-qawmien jgħallimna li t-tbatija mhix bla sens. Jekk inħalluha, tista’ tgħaqqadna iżjed ma’ Ġesù. Tistà ssaħħaħ l-imħabba tagħna, u tiftaħ qalbna għal min hu fil-bżonn. U fuq kollox, tfakkarna li d-dar tagħna mhux hawn, imma fis-sema.
Xhieda għall-ħajja f’kultura tal-mewt
L-Għid isejħilna nkunu nies tal-ħajja f’kultura dejjem aktar imħajra mill-mewt. F’kull żmien, il-Knisja kienet santwarju għal min hu vulnerabbli – tfal mhux imwielda, persuni b’xi kundizzjonijiet f’ħajjithom, anzjani, u l-morda li qed jidhlu fl-aħħar stadji tal-ħajja. Illum m’huwiex eċċezzjoni.
Lil dinja li tħares lejn ix-xjuħija u d-dgħufija bħala piż, aħna nħabbru fl-Għid li l-ħajja ta’ kull persuna tibqa’ prezzjuża bla tarf u maħbuba b’mod profond.
Lil dawk li jemmnu li l-mewt hija l-unika ħelsien, inwasslu l-Aħbar it-Tajba: li Ġesù diġà għadda mill-mewt u bil-qawmien tiegħu fetaħ triq ġdida għal ħajja eterna.
Ix-xhieda tagħna tgħodd. Meta noqogħdu fuq in-naħa tal-ħajja b’kura neċessarja, bil-preżenza tal-familja u l-komunità, b’azzjoni u talb kostanti, u meta noffru viżjoni ta’ komunità u kura fejn ħadd ma jbati waħdu – inkunu qed inħabbru li l-ħajja hi qaddisa. U nsiru aħna stess sinjali tal-qawmien.
Fejqan, akkumpanjament, u tama
Bħala Knisja, għandna nkunu post fejn min ibati jsib ħniena, mhux kundanna. Fejn min wasal fi tmiem ħajtu jsib imħabba, mhux abbandun. Fejn min qed jaħseb biex itemm ħajtu jsib appoġġ biex jgħix mhux konferma biex itemmha.
Għandna nħarrġu qalbna biex nagħrfu lil Ġesù fid-dgħajfin, f’dawk minsija, dawk imbeżżgħa.
Meta aħna nikkuraw lill-morda, immissu l-ġrieħi ta’ Ġesù. Meta nimsħu d-dmugħ ta’ dawk li qed imutu, qisna qed naħslu saqajn Ġesù. Meta nżommu id ta’ min iħossu waħdu, nżommu id Ġesù.
L-Għid isejħilna biex nagħżlu l-ħajja
Il-qabar hu vojt. Ġesù Kristu hu ħaj. U għax hu jgħix, il-ħajja tagħna mhu se tkun qatt aktar l-istess. Ħa jkun dan l-Għid mument ta’ tiġdid – mhux biss fil-fidi personali tagħna, imma fix-xhieda tagħna pubblika. Ejjew noħorġu minn din iċ-ċelebrazzjoni aktar impenjati minn qatt qabel biex nibnu kultura tal-ħajja.
U meta niltaqgħu man-niket, mal-mard, u mat-tbatija, infakkru lilna nfusna: aħna poplu tal-Għid. Aħna nemmnu fil-qawmien, u għalhekk nemmnu fid-dinjità ta’ kull ħajja. U nemmnu li l-imħabba – imħabba vera, li tagħti lilha nnifisha – hija dejjem it-triq rebbieħa.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta