L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-ġrajja tal-laqgħa ta’ Żakkew ma’ Ġesù tista’ tinġabar fl-aħħar sentenza tal-Evanġelju: “Bin il-bniedem ġie biex ifittex u jsalva l-mitluf” (Luqa 19:10). Tajjeb li nħarsu lejn din il-ġrajja u naraw x’tgħidilna għal ħajjitna. Inħarsu l-ewwel lejn il-folla, imbagħad lejn Żakkew u Ġesù.

Il-folla

Il-folla tan-nies li kienet imdawra ma’ Ġesù kienet ostaklu għal Żakkew biex jiltaqa’ miegħu imma anke biex jarah. Għalhekk hu kellu jinqata’ mill-folla, u jsib post fuq siġra minn fejn jista’ jara lil Ġesù. Il-folla għal Żakkew kienet ostaklu.

Għal Ġesù wkoll il-folla kienet ostaklu, kif naraw lejn l-aħħar tar-rakkont. Dak li għamel Ġesù għal ħafna min-nies kien żbaljat għax mar f’dar ta’ wieħed meqjus midneb: “Ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ” (Lq 19:7).

Din hi riflessjoni importanti għall-ħajja tagħna, għax il-folla – jiġifieri x’jagħmlu ħafna min-nies u x’jaħsbu ħafna min-nies – tista’ tkun ta’ tfixkil biex niltaqgħu ma’ Ġesù u biex nagħmlu dak li hu tajjeb. Għalhekk hu importanti li aħna, f’dak li naħsbu u nagħmlu, qatt ma nkunu mmexxija minn dak li jaħsbu u jagħmlu n-nies. Irridu dejjem niftakru li l-folla tista’ tkun għalina ta’ tfixkil biex nagħmlu dak li hu sewwa.

Żakkew

Ħa nħarsu lejn Żakkew. Dan kien uffiċċjal. Kien wieħed mill-kapijiet tal-Pubblikani. Minħabba f’hekk in-nies ma tantx kienu jġibuh, u kellu fama ħażina – meqjus midneb. Imma Żakkew kellu xewqa li jara lil Ġesù.

Kien determinat li jagħmel minn kollox biex jarah. Meta xxabbat ma’ siġra, ma tantx kienet xi ħaġa li jagħmilha uffiċċjal magħruf min-nies. Imma kellu din ir-rieda soda.

Meta ra lil Ġesù għaddej, u sema’ lil Ġesù jsejjaħlu, intebah li filwaqt li hu kien qed ifittxu biex jarah, Ġesù kien qed ifittxu qabel.

Għalhekk Ġesu, mill-folla sħiħa tan-nies, individwa lilu u sejjaħlu: “Żakkew, inżel minn hemm għax illum jeħtieġli noqgħod għandek” (Lq 19:5). Ġesù kien qed jagħmel dak li għallem fuq ir-ragħaj li jkollu mitt nagħġa u tintiliflu waħda, u jħalli d-disgħa u disgħin l-oħra biex ifittex dik li ntilfitlu. U hawhekk iħalli l-folla ta’ madwaru biex ifittex u jsejjaħ b’ismu lil dan il-bniedem.

Il-Papa Franġisku jgħid hekk: “Dak ir-raġel żgħir fid-daqs, imwarrab minn kulħadd u mbiegħed minn Ġesù qisu mitluf fost ħafna oħrajn, bla importanza u bla tifsira; imma Ġesù jsejjaħlu, u dak l-isem ‘Żakkew’, fil-lingwa ta’ dak iż-żmien, għandu tifsira sabiħa u profonda: ‘Żakkew’ fil-fatt tfisser ‘Alla jiftakar’.”

Il-bidla

Meta mbagħad Żakkew laqa’ lil Ġesù għandu, din il-laqgħa ġabet bidla kbira fih. Ġesù għenu biex ħajtu tinbidel. Fejn qabel kien jaħseb biss fih innifsu, issa jaħseb ukoll fl-oħrajn; fejn qabel jiġbed lejh biss, issa jara kif jgħin lill-oħrajn. Għalhekk Ġesù jgħid: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni” (Lq 19:9).

U l-effetti narawhom mid-deċiżjonijiet li Żakkew ħa wara li ltaqa’ miegħu: mal-ewwel ħaseb fl-oħrajn, kemm dawk fil-bżonn kif ukoll dawk li batew minħabba l-qerq tiegħu.  Il-ħarsa kollha mħabba ta’ Ġesù tgħin lil Żakkew biex ibiddel ħarstu – il-mod kif iħares lejn l-oħrajn. Mhux aktar bħala gwadann għalih individwali.

Dak li l-ġrajja tgħidilna għal ħajjitna

Din hija ġrajja sabiħa ħafna u lilna turina u tgħidilna ħafna. Turina li ma għandniex nieqfu fuq dak li jaħsbu n-nies, u ma nħallux dan jikkondizzjona lil ħajjitna. Turina wkoll kemm hi importanti l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, u kif din il-laqgħa dejjem iġġib bidla għall-aħjar. Meta aħna nfittxuh, bħalma nagħmlu meta niġu hawnhekk għall-quddiesa – li hi tant ħaġa sabiħa –  hemmhekk nintebhu li Ġesù qabilna tefa’ għajnejh fuqna għax irid li jkun f’ħajjitna biex iġib il-bidla għall-ġid fil-ħajja tagħna.

Iktar ma nkunu qrib tiegħu, iktar nifhmu kif għandna naħdmu għal din il-ħajja sabiħa. Żakkew induna li l-ħajja tkun sabiħa mhux meta int tiġma’ l-affarijiet għalik, forsi wkoll tisloħ lin-nies biex tagħmel dan, imma meta tkun ġeneruż u tgħin lill-oħrajn. Dak hu s-sigriet tal-preżenza ta’ Ġesù fina.

Nitolbu lil Ġesù u nħalluh jibdilna f’ħajjitna, u speċjalment jgħinna biex ma nkunux magħluqin fina nfusna imma naħsbu fl-oħrajn u nieqfu magħhom, kif għallimna u wriena hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju