L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Wieħed mis-sinjali ta’ San Tumas d’Aquino hija li fuq is-sider tiegħu jkun hemm qisha bħal xemx tiddi ħafna. Ħafna drabi l-qaddisin nagħrfuhom b’xi sinjal li f’kull, biex ngħidu hekk, rappreżentazzjoni tagħhom, ikun preżenti biex jiddistingwihom minn qaddis ieħor.
San Tumas kien verament dawl u Ġesù fl-Evanġelju jitkellem fuq il-musbieħ li jitpoġġa mhux taħt is-sodda biex jinħeba imma fuq l-imnara (Mk 4:21). L-imnara kienet qisha bħal stand li fuqu jitpoġġa l-musbieħ biex ikun jista’ jdawwal iżjed il-kamra jew inkella fejn tpoġġi l-musbieħ. Min hemmhekk l-imnara huwa allura reċipjent li fuqu kienu jpoġġu l-musbieħ taż-żejt u tkun tista’ anke ġġorru mingħajr diffikultà. Kien mod kif inti d-dawl ixxerdu ma’ kamra li għandha bżonn id-dawl. U Ġesù juża din l-immaġini qawwija li ġie bħala dawl. Hekk jgħidilna pereżempju l-Evanġelju ta’ San Ġwann fil-bidu, li hu kien id-dawl u ġie fid-dinja, “dawl jiddi fid-dlam” (Ġw 1:5).
Ġesu wkoll jinsisti li dak li qed jgħid lid-dixxipli fil-moħbi, fl-intimità tagħhom, se jkun hemm mument meta jiġi magħruf (Mk 4:22). Nistgħu ngħidu li San Tumas d’Aquino din il-ħaġa għamilha tul ħajtu kollha għaliex il-kitba tiegħu, it-tagħlim tiegħu kien frott tat-talb tiegħu.
Lil San Tumas d’Aquino aħna għandna dejn kbir mieghu. Huwa tana l-isbaħ talb fuq l-Ewkaristija.
Kien jikkontempla l-Evanġelju, kien jikkontempla l-misteri ta’ Alla, tat-Trinità qaddisa, ta’ Ġesù l-Iben t’Alla magħmul bniedem u kien jgħaddihom lill-oħrajn. U b’hekk l-għarfien tiegħu ma baqax mistur, ma ħallihx moħbi għalih innifsu imma permezz tiegħu dawwal id-dinja.
Lil San Tumas d’Aquino aħna għandna dejn kbir mieghu. Huwa tana l-isbaħ talb fuq l-Ewkaristija. Fil-fatt il-Papa kien talbu li jikteb it-talb għall-festa ta’ Corpus Domini, għall-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù u ta’ t-talb u l-kant sabiħ li għadna nkantaw għall-Ewkarisija nkiteb minn San Tumas d’Aquino. Anke dak li aħna ngħidulu t-Tantum Ergo, ‘Agħti Lsien’ u anke ‘Dal-misteru għarkubbtejna’. Dawk huma kliem, ovvjament huma bil-Malti, imma Tumas d’Aquino kitibhom bil-Latin li aħna ta’ spiss kważi kuljum infakkruhom.
Nitolbu biex l-iskejjel tagħna jkunu skejjel fejn it-tagħlim ikun frott ta’ kemm aħna qrib ta’ Alla. Għandna bżonn ħafna tagħlim tax-xjenzi naturali, illum anke tal-ħiliet digitali, tagħlim tant importanti imma l-iskejjel tagħna jridu jkunu wkoll esperjenza ta’ Alla. Din nitlob fuq l-iskejjel tagħna: l-istudenti tagħna li l-ġenituri jafdawhom f’idejn l-iskejjel tal-Knisja, x’esperjenza ta’ Alla qegħdin jieħdu? Qegħdin jiltaqgħu ma’ Ġesù jew kif joħorġu mill-bieb tal-iskola u jispiċċaw l-esperjenza tal-iskola, minflok jersqu lejn Ġesù jitnaffru? Għax forsi ma jkunux ħadu togħma tajba? Din hija l-mistoqsija li rridu nagħmlu lilna nfusna meta nħarsu lejn l-iskejjel tagħna, mhux kwistjoni ta’ kemm ġejna ’l quddiem fl-eżamijiet biss jew kemm għandna serjetà u dixxiplina, qegħdin inlaqqgħu l-istudenti tagħna ma’ Ġesù?
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Lhud 10, 19-25
Salm: 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6
Evanġelju: Mk 4, 21-25