L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Mulej, bil-kelma llum jagħmlilna kuraġġ, il-ferħ li ma joħodulna ħadd. Il-ferħ ta’ din il-laqgħa hu ferħ ta’ min jagħżel li jgħix fis-sewwa, li b’umiltà kbira quddiem il-Mulej, jgħidlu: ‘Mulej x’għandi nagħmel?’ Din il-mistoqsija fiha nfisha tħassar l-għerq tad-dnub tal-bidu, meta l-bniedem għażel li jagħmel li jfettillu, ikun awtonomu, ikun liġi għalih nnifsu. Il-bniedem li quddiem Alla jgħid: ‘Mulej ħu li trid mingħandi’ jkun qed jissottometti ruħu għall-Ispirtu t’Alla u jitolbu, b’umiltà u ħerqa, biex jilluminah, jiggwidah, imexxih fit-triq it-tajba.

Għażiż kappillan, jiena nawgura li inti tkun dejjem ma’ dawk il-lista twila ta’ qaddisin u anke ta’ tant fidili, li quddiem Alla ma jibżgħux jgħidulu, anzi jgħidulu b’wiċċhom ’il quddiem: Mulej urini t-triq, għallimni x’għandi nagħmel. Kun int ukoll mezz biex il-poplu li jħabbat fuq il-bieb ta’ qalbek ma jkollux il-kelma tiegħek imma l-kelma tal-Imgħallem.

Kun int ukoll bħal Ġwanni l-Battista, li m’intix il-Ħaruf t’Alla imma turih, m’intix l-għarus imma tifraħ b’leħen il-għarus, u dak ikun il-ferħ tiegħek, li jikber hu u tiċkien int. Aħna m’aħniex tfal kbar, jiena u inti, imma quddiem il-Mulej irridu nkunu dejjem ċkejknin, it-toroq taċ-ċkunija spiritwali.

Jalla l-Mulej, għażiż Dun Sean, meta jħares lejk jifraħ bik, u bil-poplu qaddis afdat f’idejk. Kemm hi sabiħa l-kelma tal-profeta Sofonija li smajna llum fl-ewwel qari: “Tibżax, tħallix idejk jintelqu! Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva; minħabba fik jithenna b’hena kbir” (Sof 3:18).

Nawguralek, u nawgura wkoll lil din il-komunità, biex il-Mulej minħabba fikom jithenna b’hena kbir. Fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’għajjat ta’ ferħ bħallikieku f’jum ta’ festa.

L-Appostlu Missierna San Pawl jgħidilna biex nifirħu dejjem fil-Mulej, nerġa’ ngħidilkom ifirħu. U jagħtina parir: il-ħlewwa tagħkom ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha (Fil 4:4). Għażiż Dun Sean, ftakar f’dan il-kliem meta t-tentazzjoni tkun wara l-bieb: il-ħlewwa tagħna jkunu jafuha l-bnedmin kollha.

Jalla l-kelma tiegħek tkun kelma soda imma dejjem ta’ mħabba, jalla t-tbissima tiegħek tkun ċara li twassal għand Ġesù. Imma itolbu biex ma tħalli lil ħadd warajk. Kultant xi mbuttatura jkollna bżonnha. U aħna wkoll, għax għandna bżonn nitwieżnu bil-ħniena t’Alla li hi l-għerq ta’ kull ferħ tagħna.

Meta Ġwanni l-Battista ta l-pariri lil min kien qed jistaqsih: ‘imma x’għandi nagħmel, x’għandna nagħmlu?’, Ġwanni l-Battista ta’ profeta li kien, b’mod konkret kien jgħidilhom: min għandu jaqsam ma’ min m’għandux, min seraq irodd. Jalla kulħadd jgħix (jekk irridu niġbru dak li jgħid Ġwanni l-Battista) kuntent b’li għandu u mhux imdejjaq b’li ma għandux.

Għax hekk, meta ngħixu l-ħajja bi tbissima, ikollna l-paċi tal-Mulej Ġesù għax Alla hu ħanin (bħal ma jfisser ismek u isem Ġwanni). Imma tinsiex ukoll li Ġwanni l-Battista kien jgħidilhom lin-nies ta’ żmienu: ‘jien ngħammidkom bl-ilma’; ir-ritwal tiegħi jiddisponikom biex tistennew lil xi ħadd li jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.

Jalla l-qalb tiegħek, Dun Sean, tħeġġeġ bin-nar ta’ mħabbtek bħall-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Jalla meta tħares lejn ommu – u hawnhekk insibu l-Assunta mtellgħa s-sema – tirrealizza li l-omm dejjem tindika lil binha, u li l-aħħar kelmiet għeżież tagħha li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, jiġbru dak kollu li għexet u dak kollu li tixtieq minna: “agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).

Tibżax, tħallix idejk jintelqu, il-Mulej Alla tiegħek f’nofsok, minħabba fik jithenna b’hena kbir fi mħabbtu (Sof. 3:18).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sof 3:14-18a
Salm: Iż 12:2-3,4bċd,5-6
Qari II: Fil 4:4-7
L-Evanġelju: Lq 3:10-18

Aktar ritratti