• Nhar il-Ħadd, 23 ta’ April 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra quddiesa ta’ ringrazzjament mal-Iscouts u l-Girl Guides Movement biex jiċċelebraw ix-xogħol volontarju.

  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Catholic Institute, Floriana

    23rd April 2017

    L-ewwel nett nixtieq nawguralkom ħafna għal din il-ġurnata importanti fil-kalendarju tal-iscouts u tal-girl guides. Naf li wara din il-quddiesa għandkom il-parata, importanti, ikollkom l-opportunità wkoll li ssellmu lill-President ta’ Malta. Naf ukoll li tkunu ilkom tippreparaw ħafna għal din il-parata u li l-instructions ikunu li l-uniformi biż-żarbun b’kollox iridu jkunu impekkabbli, jiġifieri mingħajr difett, jekk jista’ jkun.

    Jiena mhux se ndewwimkom ħafna, naf li ilkom ħafna li tlaqtu mid-dar biex tippreparaw, nispera li qegħdin komdi hawn, naħseb iżjed komdi milli tkunu fil-knisja, u nispera ma torqdux lanqas. Veru hemm tentazzjoni kbira li tgħid: “almenu issa l-prietka, nista’ nagħlaq għajnejja taparsi qiegħed attent u noħlom ħolma tajba”.

    Għidtilkom li dan il-jum huwa jum importanti, ħa ngħidilkom għaliex. Ħa nibda minn dak li ġara, mhux il-bieraħ, imma s-Sibt ta’ qabel, dak li aħna ngħidulu Sibt il-Għid, il-ġurnata ta’ wara l-Ġimgħa l-Kbira. Uħud minnkom anke pparteċipaw fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Sibt il-Għid filgħodu tkun ġurnata ta’ silenzju, Ġesù qiegħed midfun fil-qabar ġdid li kien xtara Ġużeppi ta’ Arimatija, u s-Sibt billejl niltaqgħu biex niċċelebraw il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Aħna niċċelebrawh billi jekk jista’ jkun, ikollna jew adulti jew trabi li jitgħammdu.

    Din is-sena fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt, kelli l-ferħ kbir li ngħammed disa’ adulti kbar, diversi rġiel u anke xi nisa li ma kinux Insara imma skoprew lil Ġesù fil-ħajja tagħhom, u talbu li jitgħammdu. Dalgħodu jerġgħu jirritornaw għall-ewwel darba fil-parroċċi tagħhom wara li għammidhom l-Isqof fil-katidral, biex għall-ewwel darba jiltaqgħu ma’ sħabhom l-Insara u jiċċelebraw il-quddiesa, l-Ewkaristija tal-Ħadd.

    Fl-antik kienu jlibbsuhom libsa bajda, tipo bħal din li għandi jien, imma llum ma noqgħodux nikkomplikaw wisq il-ħajja. L-imgħammdin adulti nagħtuhom xalla bajda u bħal-lum jerġgħu jirritornaw bix-xalla l-bajda li ħadu fil-Magħmudija, nhar Sibt il-Għid, biex jiftakru li huma Nsara u għandhom jiltaqgħu kull nhar ta’ Sibt filgħaxija jew il-Ħadd biex jiċċelebraw il-mewt ta’ Ġesù u l-qawmien tiegħu mill-mewt. 

    Fit-talba tal-bidu ta’ din il-quddiesa aħna fakkarna tliet elementi: il-ħasil fl-Ispirtu u fid-dehen (Kolletta). U dawn huma tliet elementi li aħna niċċelebraw b’ferħ kbir fl-Għid. Il-ħasil huwa l-ħasil tal-Magħmudija; ħafna minnkom tgħammdu meta kienu trabi, ma jiftakrux, imma aħna kull meta mmorru nqerru nkunu qed nerġgħu nġeddu l-esperjenza tal-Magħmudija. Is-saċerdot jgħidilna: “jiena naħfirlek dnubietek fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” u jiena nerġa’ nitwieled mill-ġdid. Ara kemm hu sabih il-Qrar. Għamilt x’għamilt, ġralek xi ġralek, il-Mulej jerġa’ jagħtik bidu ġdid. Tgħidli: “imma jiena dgħajjef, se nerġa’ niġi koppi”, taqtax qalbek, il-Mulej ma poġġa l-ebda limitu għall-ħniena u l-maħfra tiegħu.

    Mela din hija kelma b’mod speċjali liż-żgħażaagħ: tittraskurawx il-Qrar, taqtgħux qalbkom, il-Mulej jaf minn xiex tkun għaddej, il-Mulej jaf u jħobbok, jifhmek u jagħdrek u jħobbok. U kif tgħidlu: “Għini”, jgħidlek: “Mur, ħfirtlek, kun imbierek. Ipprova ġġieled kontra l-egoiżmu tiegħek imma taqtax qalbek”.

    Fl-Ispirtu: ħafna minnkom diġà għamlu l-Griżma tal-Isqof.  Il-Griżma tal-Isqof hija meta l-Isqof, jew inkella s-saċerdot mibgħut mill-Isqof, jagħtikom id-don speċjali tal-Ispirtu s-Santu. Itolbu li tippreparaw tajjeb għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu fil-qalb tagħkom; diġà qiegħed fil-qalb tagħkom imma fil-Griżma, il-Mulej, bid-dilka taż-żejt qaddis, jimlikom bid-doni tal-Ispirtu s-Santu.      

    It-tielet id-dehen: id-dehen tfisser l-Ewkaristija.  Aħna meta nitqarrbnu nirċievu l-ostja bajda. Naħseb hawnhekk kulħadd għamel il-preċett. Meta nirċievu lil Ġesù, biċċa ħobż f’forma tonda, u li aħna nsejħulha ‘ostja’, l-fidi tagħna tgħidilna: dak huwa Ġesù, Ġesù bil-ġisem, bid-demm, Iben Alla magħmul bniedem. Mela l-ġisem u d-demm, ir-ruħ u d-divinità. Imma meta jiena nieħu l-ostja, qed nieħu lil Ġesù sħih, li spiritwalment, imma realment, jiġi fil-qalb tiegħi. 

    Importanti li jkollna ċittadini li jħobbu l-pajjiż bis-serjetà, li jkunu ddixxiplinati, li jħobbu r-Repubblika, li jħaddnu l-ispirtu ta’ Baden Powell.

    Jiena nsir dak li jwassal lil Kristu: Christopher. Hawn xi ħadd jismu Christopher? Ħadd! Hawn xi ħadd? Fejn qiegħed? Qed jistħi, qum bilwieqfa. Ċapċpulu, ċapcpulhom, għandna tnejn! Qed nieħu pjaċir li għandi lilkom għax naf li intom iddixiplinati. Grazzi, chief scout, grazzi president tal-girl guides, li għandna żgħażagħ iddixiplinati. Inħeġġiġkom kemm jista’ jkun tkomplu fl-iscouts, nirringrazzja anke xi ġenituri li hemm hemm fuq tal-paċenzja li jieħdu biex it-tfal ikomplu jattendu l-iscouts jew il-girl guides. Importanti li jkollna ċittadini li jħobbu l-pajjiż bis-serjetà, li jkunu ddixxiplinati, li jħobbu r-Repubblika, li jħaddnu l-ispirtu ta’ Baden Powell.

    Issa jiena għaliex għidtilkom biex iċċapċpu liż-żewġ Christophers li għandna? Għax isimhom ifisser xi ħadd li jwassal lil Ġesù. It-tieni parti tal-isem ‘Christopher’, jiġifieri ‘-fer’, bil-Grieg tfisser “to carry”, “somebody who carries Christ”, “min iġorr lil Ġesù”, mhux bl-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira imma fl-ispirtu tiegħu u aħna lkoll, kull scout, kull girl guide trid tkun ukoll Christopher li twassal lil Ġesù. Fl-Ewkaristija jkollna lil Ġesù f’qalbna, aħna nkunu Christophers għax ikollna lil Ġesù fil-qalb tagħna imma din irridu nagħmluha kuljum, kull jum ta’ ħajjitna.

    Nawguralkom ħafna f’din il-ġurnata sabiħa. Jalla wkoll tkun ġurnata memorabbli u l-parata tmur tajjeb ħafna wkoll. Nirringrazzjakom talli tradizzjonalment tibdew din il-ġurnata importanti bil-quddiesa.

     Charles J. Scicluna     
         
    Archbishop of Malta 

  • Click here to view more photos of the mass celebrated with the scouts and girl guides.

  • Photos: Curia Communications Office