“Kontradittorja jekk f’isem id-dritt li niddeċiedi jiena nagħżel li noqtol lili nnifsi”. Hekk stqarr l-Arċisqof Charles Scicluna meta b’kompassjoni kbira kien qed iwieġeb id-domandi li sarulu mis-semmiegħa waqt il-programm Għal Kulħadd fuq RTK103. Din l-intervista mmexxija mill-preżentatriċi Christine Delicata saret fid-dawl tal-konsultazzjoni pubblika dwar is-suwiċidju assistit, li nieda l-Gvern, u li se tagħlaq fil-jiem li ġejjin.
Hu qal li dan il-punt ireġi rrespettivament mill-argumenti reliġjużi għax din hija kwistjoni ta’ dinjità, li wieħed ikun imwieżen sal-aħħar, biex bl-akkumpanjament u l-mediċina li tnaqqas l-uġigħ, jasal jaffaċċja l-mewt naturali minflok offrut il-mewt, biss għad hemm ħafna nuqqasijiet fil-kura paljattiva. Din hija kura għal mard inkurabbli, imma li ma tħarisx biss lejn il-ġisem imma wkoll lejn dak li hu psikoloġiku u spiritwali.
“Il-mewt hija dejjem trawma għall-persuna li tgħaddi minnha imma anke għall-maħbubin”, qal l-Arċisqof, għaldaqstant dan is-sens ta’ akkumpanjament hu essenzjali u li hu dover tagħna li nisħqu fuq il-kura paljattiva. Fakkar li kien għalhekk li l-Knisja afdat il-binja ta’ Cini Institute lil St Michael Hospice.
L-istrateġija għall-kura paljattiva mħabbra mill-Gvern, bħall-esperti mediċi, tammetti wkoll li hemm ħafna xi jsir imma qal li hemm ħafna volontà u li hemm sforz pożittiv. Biss xorta jibqa’ l-fatt li hemm bżonn aktar impenn politiku.
Hu sellem lil tant professjonisti li qed jiddedikaw ħajjithom f’dan il-qasam li mhu faċli xejn u qal li meta jżur postijiet bħaċ-Ċentru Sir Anthony Mamo jagħraf kemm dan ix-xogħol hu wieħed vokazzjonali. Kompla jgħid li hemm sinifikat kbir f’li tagħti l-konfort u toffri akkumpanjament lil xi ħadd li jmut mewta naturali.
Silet mill-aħħar intervista tal-Papa Franġisku biex fakkar kliemu dwar kif kien iħossu dwar il-mewt, li l-Papa kien qal li jaraha bħala l-appuntament għal tgħanniqa ta’ dawl u ħniena kbira. Scicluna qal li l-fidi tagħti ċ-ċertezza anke fl-aħħar mumenti tal-ħajja għax Kristu wegħdna li hemm ħajja oħra tistenniena. Scicluna kien uman ħafna wkoll meta qal li anke hu jibża’ mill-mewt imma b’fidi jitlob li jkun imwieżen minn dawk ta’ madwaru fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu.
“Aħna ħafna drabi nibżgħu mill-eżiġenzi tal-imħabba”
L-Arċisqof rrifletta fuq il-fatt li l-kelma ‘awtonomija’ tiġbor l-atteġġjament modern, li wieħed jagħmel il-liġijiet għalih innifsu daqslikieku ma hemm ħadd akbar minnek. Biss fakkar li fit-tgħanniqa tal-imħabba u l-konvinvenza soċjali jiġifieri meta wieħed jgħix ma’ ħaddiehor bilfors irid iċedi minn dik l-awtonomija. Saħaq li biex ikun hemm armonija soċjali ma jistax bniedem jiddetta hu x’inhu t-tajjeb u x’inhu ħażin għaliex il-kwalità tal-ħajja ma tistax tkun determinata biss minn dak li jaqbel lili.
“Alla ma jridniex akkaniti tat-tbatija”
Iċċara wkoll li aħna ma għandniex inkunu akkaniti tat-tbatija, u ngħidu, “inbatu għax anke Kristu bata”. Żied jgħid li l-kmandament ‘la toqtolx’ ifisser ukoll li jkollok id-dover li jekk għandek l-uġigħ itaffih b’mezzi ordinarji u b’dak li toffrilek ix-xjenza. Qal li t-tbatija ma għandhiex sens fiha nnifisha jekk mhix espressjoni u l-prezz tal-imħabba. Huwa sellem ukoll lil diversi ġenituri li jitgħabbew b’responsabbiltajiet kbar biex irabbu lil uliedhom, dik ukoll hija tbatija mwaħħda mal-imħabba. Fil-bidu tal-programm hu sellem diversi familji li b’għożża u mħabba qed jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità.
“Kristu għamel 3 sigħat agunija mhux xahar bħal ommi” – l-Arċisqof iwieġeb għal dan il-kumment
Xi ħadd li staqsa għalfejn Kristu għamel tliet sigħat ta’ agunija imma ommu kellha tbati xahar sħiħ bil-morfina u l-Arċisqof wieġeb billi qal li hu juri kompassjoni kbira ma’ dawn ir-realtajiet u huwa għalhekk li hemm bżonn ninvestu aktar fil-kura paljattiva għax hemm aktar mezzi biex innaqqsu t-tbatija. F’sitwazzjonijiet hekk il-marid xorta lanqas ikun f’qagħda li jiddeċiedi għalih innifsu għax kif inhi proposta l-liġi wieħed irid ikun kompletament f’sensih biex jieħu d-deċiżjoni. Semma wkoll li ħafna drabi min jagħżel li jitfi l-magni tal-qraba tiegħu jkollu esperjenza trawmatika għax ħadd ma jkun lest li jieħu d-deċiżjoni li essenzjalment itemm il-ħajja tal-għeżież tiegħu.
Hu reġa’ għamel appell lit-tobba biex ikunu fuq in-naħa ta’ dawk li jikkuraw u mhux joqtlu u fakkarhom fil-ġurament Ipokratiku li jkunu ħadu – dak illi jfejqu u qatt ma jagħmlu ħsara. Qal li l-esperti wkoll huma mħassbin minn diversi fatturi li jistgħu jpoġġu pressjoni diretta jew indiretta li biha dawk morda jħossu li huma ta’ piż għall-familja u jirrikorru għall-għażla tal-ewtanasja volontarja assistita.
Saħaq li l-poplu Malti għandu kultura ta’ karità u kompassjoni, u ma għandniex għalfejn inkissruha billi “ngħidulek inti mtaqqal bit-tbatija mhux aħjar toqtol lilek innifsek”, filwaqt li kompla jgħid li għandna alternattivi aħjar.
L-intervista kollha:
Source: Newsbook.com.mt