L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan” (Lq 9:21). Dan hu l-kliem li naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa fuq Ġesù li lid-dixxipli tiegħu qalilhom b’insistenza biex ma jgħidu lil ħadd. Għalxiex kien qed jgħid hawnhekk? Għal meta Pietru qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla” (Lq 9:20). Hemmhekk Ġesù insista – hawn jgħidlek “ikkmandahom u qalilhom ħafna” – biex ma jgħidu lil ħadd b’dan.

Nafu li hu kien diġà staqsa lid-dixxipli n-nies x’jgħidu fuqu, min jgħidu li hu. Min qal wieħed u min qal l-ieħor, semmew lil Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, jew wieħed mill-profeti. In-nies kellhom dawn l-ideat differenti. Imma mbagħad staqsa lilhom, staqsa lid-dixxipli direttament, u Pietru qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla”, li hi tweġiba korretta, tajba. Allura jekk wieġbu tajjeb, għaliex ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan? Mhux aħjar, jekk wieġbu tajjeb, imur jgħid lill-oħrajn, ħalli l-oħrajn ikollhom idea tajba, mhux żbaljata, ta’ min hu Ġesù?

Din hi mistoqsija importanti, imma nifhmu għaliex jekk l-ewwel nifhmu l-mentalità ta’ żmien Ġesù, u speċjalment anke dik l-ewwel domanda. X’jgħallmuna n-nies? Ħa nibdew minn hawn. Meta Ġesù staqsa x’jaħsbu, min qal wieħed u min qal ieħor. Ebda waħda ma kienet korretta. Għalhekk x’jgħallmuna n-nies? Li kultant, dak li jaħsbu ħafna nies ikun żbaljat, ma jkunx korrett. Jgħallmuna li fil-fidi tagħna ma għandniex infittxu l-verità fil-kunsens popolari. Jiġifieri, mhux bilfors x’jaħsbu n-nies huwa veru, huwa dak li għandna nemmnu – mhux bilfors hu hekk! Din is-silta tal-lum turina dan b’mod ċar. Kieku dak iż-żmien kien hemm dawn li jagħmlu s-surveys – tafu intom, jibdew jistaqsu “x’taħseb int?” – imbagħad joħorġu r-riżultat tas-survey, ħadd minnhom ma kien ikun qed jgħid Ġesù tassew min hu. Kien ikun żbaljat. Konna ngħidu: imma n-nies hekk jaħsbu! Fil-fidi tagħna, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dak li nemmnu, x’jaħsbu n-nies mhux bilfors hu korrett. Jista’ jkun żbaljat. Dak l-ewwel punt importanti li jgħallmuna dawn in-nies stess.

Hemmhekk nistgħu nifhmu ħafna aħjar dak li qal Ġesù. Għax Ġesù, għat-tweġiba ta’ Pietru “Inti l-Messija ta’ Alla”, ma ried li jgħidu lil ħadd. Għaliex? Għax mhux imbilli tgħid “il-Messija”. X’tifhem b’Messija? U n-nies x’kienu jifhmu b’Messija? Għan-nies il-Messija kien dak li ġej bil-qawwa, bil-forza, jaħkem u jqiegħed lil kulħadd taħtu. Ġej bil-qawwa. U nafu li din ma kinetx biss il-mentalità tan-nies, imma kultant anke tad-dixxipli stesss ta’ Ġesù. Mentri Ġesù jgħidilhom kif kien il-Messija: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum” (Lq 9:22). Filwaqt li għal ħafna l-mentalità kienet differenti – li l-Messija għandu l-qawwa – Ġesù qed jgħid li l-Messija hu dak li jingħata bl-akbar imħabba għall-fidwa tal-umanità. Ara d-differenza! Fil-fatt nafu li Pietru nnifsu, li wieġbu tajjeb hawnhekk, meta Ġesù spjega minn xiex irid jgħaddiinsibuha fl-Evanġelju skont San Mattew – jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi mingħalik!” (Mt 16:22) Għaliex hu nnifsu ma kellux din il-viżjoni ta’ Messija li qed jgħid Ġesù hawn. Għalhekk importanti meta qalilhom “tgħidu lil ħadd b’dan”. Jiġifieri: araw dejjem li qed jifhmu dan li qed nifhem jien. Inkella inutli tgħidilhom “il-Messija ta’ Alla”.

Issa dan hu messaġġ importanti għalina, għal kull wieħed u waħda minna f’ħajjitna. Il- mistoqsija li rridu nistaqsu hija din li staqsa Ġesù: min hu Ġesù għalina? Ġesù hu bniedem kbir li għex ħafna snin ilu, li għallem affarijiet sbieħ u tajbin, li għamel il-mirakli, u daqshekk? Nitkellmu fuqu qisu xi ħadd ta’ ħafna snin ilu? Ġesù huwa dak li nammiraw illum, għandna ċerta ammirazzjoni lejh mill-bogħod, u daqshekk? Jew Ġesù hu tassew għalina l-Messija, dak li jsalvana, il-Mulej, li jurina fil-ħajja tagħna wkoll kif għandna nimxu, imma bil-qawwa tiegħu li aħna nsalvaw? Dan hu li jixtieq minna Ġesù llum, li aħna nagħmlu dil-mistoqsija, biex hu jkun mhux sempliċiment xi ħadd tal-imgħoddi, xi ħadd tajjeb ħafna, li għallem ħafna affarijiet sbieħ, li għamel il-mirakli, xi ħadd tal-Istorja, imma Ġesù li hu ħaj li lilna jsalvana u jagħtina l-ħajja llum, il-ħajja ta’ dejjem.

Nitolbu lill-Mulej illum: għinna biex aħna nagħrfuk tassew bħala l-Messija, is-Salvatur, Mulej tagħna u Alla tagħna, int li tagħtina tassew il-ħajja.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta